Il-kummenti tal‑Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent (KA) bħala parti mill‑proċess ta’ konsultazzjoni tal-Ministeru għal Għawdex, dwar il-qafas li jippermetti deroga għal riċerka fuq seba’ speċi tal-għasafar tal-għana sabiex tiġi stabbilità l-popolazzjoni ta’ referenza ta’ Malta.

Il‑kunċett wara l‑proposta

Il‑KA taqbel mal‑kunċett li n‑nassaba jkunu direttament involuti fi proġetti xjentifiċi li jkabbru l‑għarfien dwar l‑għasafar u l‑imġiba tagħhom. Jekk ippjanat u maħdum sew, dan jista’ jkun pass fid‑direzzjoni t‑tajba sabiex tinstab soluzzjoni dejjiema u sostenibbli għall‑kwistjoni tal‑insib f’pajjiżna.

Madanakollu, il‑KA tinsab imħassba serjament dwar il‑mod mgħaġġel li bih qed tinħadem din il‑proposta. Tant qed issir bl‑għaġla li, mill‑kummenti li deheru fil‑midja soċjali, jidher li hemm nuqqas kbir ta’ għarfien dwar x’irid isir fl‑istess komunità tan‑nassaba – dawk li ser ikunu involuti f’dan l‑istudju. Dan jagħti x’jifhem li nstab mezz kif possibilment induru mal‑liġi li tillimita l‑insib u b’hekk noffru soluzzjoni ta’ malajr biex tissolva l‑kwistjoni (għal żmien qasir) tal‑insib f’pajjiżna. Fi kliem ieħor, la ma nistgħux ngħaddu mill‑bieb, tgħid se nippruvaw nidħlu mit‑tieqa? Imma l‑qattusa għaġġelija frieħ għomja tagħmel, u proġett li jista’ jkollu riżultati tajbin ser jispiċċa jagħmel aktar ħsara milli ġid, kemm lill‑ambjent naturali kif ukoll lin‑nassaba nfushom.

Dan il‑proġett x’aktarx jiġbed l‑attenzjoni tal‑Kummissjoni Ewropea li diġà wissiet darbtejn lil Malta dwar l‑insib ta’ speċi oħra. Il‑ftuħ mill‑ġdid tal‑insib għal seba’ speċi ta’ għasafar tal‑għana bil‑mod propost, meta diġà kien hemm każ deċiż mill‑Qrati Ewropej, mhux ġust fuq pajjiżna, għax ikompli jtappan ir‑reputazzjoni ta’ Malta. Minbarra hekk, huwa wkoll inġust fuq in‑nassaba nfushom li proġett maħdum nofs leħja jagħtihom tamiet foloz u jwassalhom għal aktar frustrazzjoni. Minbarra l‑aspett ambjentali li l‑KA hi mħassba dwaru, hemm ukoll l‑aspett uman u l‑mod kif proposta għal proġett bħal dan qed tilgħab bl‑emozzjonijiet tan‑nassaba għax qed tittamahom b’soluzzjoni li mhix dejjiema.

Studju xjentifiku

Biex proġett bħal dan ikun tassew xjentifiku, kredibbli u effettiv, għandu jkun organizzat taħt il‑patroċinju ta’ istituzzjoni kredibbli (eż. l‑Università) li toffri esperti li jistgħu jfasslu, jissorveljaw u jivvalutaw il‑proġett. Wieħed mill‑ikbar żvantaġġi ta’ dan il‑proġett huwa li m’għandux metodoloġija dikjarata – karatteristika essenzjali sabiex proġett ikun meqjus tabilħaqq xjentifiku.

Jekk il‑Gvern tassew irid li n‑nassaba jipparteċipaw fi proġett xjentifiku, għandu jqabbad lill‑ornitoloġisti biex iħarrġu u jassistu lil dawk in‑nassaba li huma lesti li jitħarrġu biex isiru bird ringers. Il‑KA tfakkar li, f’rapport tal‑Uffiċċju tal‑Ombudsman fl‑2017, ġie rrakkomandat li jkun hemm pluraliżmu fir‑riċerka tal‑għasafar inkluż il‑bird ringing.

L‑istudju tal‑għasafar biċ‑ċrieket għandu ċertu livell ta’ awtokontroll għax l‑irkupru (minn barra minn Malta) ta’ għasafar li tlibbsu ċ‑ċurkett f’Malta huwa l‑prova attwali li l‑għasafar qed jinqabdu u jinħelsu. Bis‑sistema kif inhi proposta, m’hemm l‑ebda garanzija li l‑għasafar maqbuda sa jkunu mħollija jtiru mill‑ġdid. Dan aktarx iwassal għal investigazzjoni mill‑Kummissjoni Ewropea.

Il‑validità tar‑riżultati

Il‑proġett kif imfassal iħalli lin‑nassaba fil‑libertà li jaqbdu kemm iridu mis‑seba’ speċi ta’ għasafar tal‑għana, jieħdu nota taċ‑ċrieket li jista’ jkollhom u jeħilsuhom immedjatament. Hawnhekk tajjeb li niċċaraw li studji disponibbli juru li għasafar tal‑għana li jkollhom xi ċurkett huma rarità. Infatti mill‑1910 sal‑lum, l‑għadd ta’ għasafar irreġistrati kien biss ta’ ftit iktar minn 100. Il‑qbid ta’ għasafar tal‑għana biċ‑ċurkett jagħti biss informazzjoni limitata dwar il‑pajjiżi minn fejn tlibbsu ċ‑ċrieket u xejn iżjed. L‑ammont ta’ għasafar tal‑għana li jinqabdu u li jkunu lebsin ċurkett jiddependi minn kemm saru sforzi minn pajjiżi diversi sabiex jitlibbsu ċrieket, u mhux relatat mad‑daqs tal‑popolazzjoni tal‑għasfur.

Jekk jirnexxielna mill‑proġett propost nagħmlu wieħed tassew xjentifiku, fejn għasfur tal‑għana, wara li jinqabad u jitlibbes iċ‑ċurkett, jitħalla jtir liberu, imbagħad inkunu nistgħu nibnu stampa ċara li turina fejn imorru l‑għasafar tal‑għana li jżuruna. Imma bil‑mod kif qed jitfassal dan il‑proġett, jidher li l‑informazzjoni li se tinġabar sa tkun waħda minima u x’aktarx irrelevanti. Dan ikompli jixħet dubji serji dwar l‑intenzjoni vera wara din il‑proposta.

L‑użu ta’ għasafar tat‑taħrik u t‑tisfir tal‑għasafar irrekordjat minn qabel

Hawnhekk ukoll jidher li l‑proġett kif inhu ppreżentat jista’ jagħti lok għal abbużi. Ir‑regolamenti proposti jsemmu l‑użu ta’ għasafar li jkunu nqabdu fl‑istaġuni 2016‑2017 u li għandhom ċrieket bil‑kodiċi R16U biex jattiraw l‑għasafar tal‑passa. In‑nassaba qed jilmentaw li minn dawn l‑għasafar ma fadal kważi xejn għax kienu laħqu mietu. Wieħed irid iżomm f’moħħu li dan jista’ jwassal għal abbuż għax ċrieket simili jistgħu jinxtraw bl‑irħis online, u jidher li d‑domanda għal għasafar importati illegalment diġà żdiedet.

Il‑fatt li l‑Gvern qed jippermetti wkoll l‑użu ta’ tisfir tal‑għasafar irrekordjat minn qabel (li huwa illegali għall‑kaċċa u l‑insib) ikompli jsaħħaħ l‑idea li dan il‑proġett ser jiffaċilita l‑abbuż. Diġà kien hemm xi nassaba li kkummentaw li se jkunu aħjar milli kienu qabel, għax issa jistgħu jużaw seba’ għanjiet tal‑għasafar irrekordjati minn qabel mingħajr ir‑riskju ta’ prosekuzzjoni.

Appell

Il‑KA ttenni li filwaqt li taqbel mal‑kunċett li n‑nassaba jkunu involuti fi proġetti xjentifiċi dwar l‑għasafar, bl‑ebda mod ma tista’ taċċetta dak li qed jissuġġerixxi dan il‑qafas, li għandu l‑potenzjal li jkompli jħammrilna wiċċna mal‑Kummissjoni Ewropea, u li jkompli jitfa’ dell ikrah fuq il‑passatemp tal‑insib. Il‑KA tappella lill‑awtoritajiet u lill‑komunità tan‑nassaba sabiex ma jħallux l‑għaġla u l‑ħeġġa li tinstab soluzzjoni ta’ malajr itellfu l‑opportunità li jsir proġett serju u aktar dejjiemi li jiżgura (a) studju xjentifiku serju (b) taħriġ adegwat lil min sa jkun involut fl‑istudju (ċ) garanzija serja li mhux sa jkun hemm abbużi u (d) li tali proġett ikun wieħed li, minħabba li jsir b’mod serju u kif suppost, ikun jista’ jibqa’ jsir għal żmien indefinit u mhux għal sena jew sentejn biss ‑ sakemm jitwaqqaf mill‑Kummissjoni Ewropea u mbagħad inwaħħlu fiha li l‑proġett ma rnexxiex.