
Hemm barka speċjali f’din il-parroċċa ta’ Santa Venera. Intom mhux biss qed tfakkru qaddis mill-Istorja ta’ Malta, li jagħmel ġieh lil pajjiżna, iżda qaddis li għex f’dawn it-toroq, li talab fis-skiet fost in-nies ta’ hawn, li qatta’ l-aħħar żmien tal-pellegrinaġġ tiegħu fuq din l-art proprju hawnhekk fost il-poplu ta’ din il-parroċċa.
Dawn it-toroq, dawn id-djar, dawn il-ħitan, għadhom bħallikieku jġorru l-memorja ta’ bniedem li għex kollu kemm hu għal Alla.
Kemm hi sabiħa l-verità li San Ġorġ Preca għażel li jgħix f’dar ordinarja, f’parroċċa ordinarja, qalb nies ordinarji. U proprju hawnhekk insibu l-ewwel messaġġ importanti tiegħu għalina.
Il-qdusija hija possibbli fil-ħajja ordinarja
Ħafna drabi naħsbu li l-qdusija hija xi ħaġa ’l bogħod minna, riservata għal nies straordinarji. Inħarsu lejn il-qaddisin bħallikieku kienu nies differenti minna. Imma San Ġorġ Preca jurina mod ieħor.
Hu ma ħarabx mid-dinja, ma għexx iżolat, ma fittexx il-kobor quddiem il-bnedmin. Kien saċerdot qrib il-poplu. Jisma’, jgħallem, iżur, jitlob. Ibati fis-skiet. Sar qaddis mhux għax għamel affarijiet spettakolari, iżda għax ħalla lil Kristu jidħol f’kull mument tal-ħajja tiegħu. U dan hu li l-Mulej ifakkarna llum: il-qdusija tista’ tikber fid-djar tagħna, fil-familji tagħna, fix-xogħol tagħna, fis-sagrifiċċji moħbija tagħna, fil-ħajja ordinarja tal-parroċċa. San Ġorġ Preca jurina dan bil-ħajja tiegħu kollha.

Għen lin-nies isiru ħbieb tal-Evanġelju
Wieħed mill-isbaħ doni ta’ San Ġorġ Preca kien li kien jaf jitkellem dwar Alla b’mod li kulħadd jifhmu. Hu fehem verità kbira: il-Kelma ta’ Alla mhijiex riservata għall-ftit. L-Evanġelju hu għal kulħadd. Għalhekk waqqaf is-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija, il-MUSEUM. Għalhekk ifforma katekisti biex jgħaddilhom dak li jsemmi San Pawl fit-Tieni Ittra lil Timotju: “kull ma smajt mingħandi quddiem ħafna xhieda, għaddih lil nies ta’ fiduċja, li huma stess ikollhom il-ħila jgħallmuh ukoll lill-oħrajn” (2 Tim 2:2).
Kien jemmen li kull persuna hija msejħa biex tiltaqa’ personalment ma’ Ġesù Kristu. Kemm kienet profetika l-viżjoni tiegħu! Illum ngħixu f’soċjetà fejn ħafna għandhom idea dwar il-Kristjaneżmu iżda ftit jafu tassew lil Kristu.Hemm ħafna informazzjoni, imma ftit formazzjoni. Ħafna opinjonijiet, imma ftit relazzjoni vera mal-Mulej.
San Ġorġ Preca jfakkarna li l-evanġelizzazzjoni tibda billi nsiru nafu tassew lil Ġesù – kif smajna fl-Evanġelju lil Ġesu jgħid lid-dixxipli, biex ikunu “intom fija u jiena fikom” (Ġw 14:20). Mhux biss nitgħallmu talb bl-amment, inżommu tradizzjonijiet, norganizzaw ċelebrazzjonijiet. Imma niltaqgħu mal-Mulej ħaj, ħalli nħobbuh b’qalbna kollha u nħarsu l-kmandamenti tiegħu (ara Ġw 14:21).
L-abbandun f’idejn Alla
Hemm xi ħaġa sabiħa ħafna fl-aħħar żmien tal-ħajja ta’ San Ġorġ Preca: il-qdusija tal-fiduċja u tal-abbandun f’Alla. Hawnhekk, f’din il-parroċċa, San Ġorġ Preca għex dak l-aħħar kapitlu. U dawk is-snin ma kinux inqas importanti mill-oħrajn fejn ħadem bis-sħiħ. Kienu daqstant ta’ valur quddiem Alla.

U din hija lezzjoni kbira għad-dinja tagħna. Ngħixu f’kultura li tqim il-produttività, is-suċċess, iż-żgħożija u l-effiċjenza. Iżda l-anzjani, il-morda, il-vulnerabbli, dawk moħbija mid-dinja, għandhom valur immens quddiem Alla. San Ġorġ Preca jfakkarna li kull stadju tal-ħajja għandu d-dinjità tiegħu.
Anke d-dgħufija tista’ ssir talba, itt-tbatija tista’ ssir offerta. Anke s-skiet jista’ jsir xhieda. Dan hu messaġġ attwali. F’dinja li xi drabi tqis lill-anzjani bħala piż, San Ġorġ Preca jfakkarna li l-valur tal-bniedem ma jiddependix mis-saħħa tiegħu jew mill-utilità tiegħu. Il-valur tagħna ġej mill-fatt li aħna maħbubin minn Alla.
Baqa’ qrib tan-nies
Ħafna qaddisin, wara mewthom, isiru figuri ’l bogħod mill-poplu. Imma San Ġorġ Preca baqa’ qrib il-poplu Malti għax qatt ma waqaf ikun wieħed minnu. Kien jifhem il-problemi tal-familji, il-faqar, il-qtigħ il-qalb, il-ġlieda tal-bniedem ordinarju.U forsi għalhekk in-nies għadhom iħossu li jistgħu jkellmuh b’mod sempliċi. Lin-nies kien iħeġġiġhom. Il-qdusija tiegħu ma nbidlitx f’suppervja. Kienet qrubija lejn Alla li ġabet qrubija lejn il-bnedmin.
U għalhekk din il-parroċċa għandha missjoni sabiħa ħafna. Id-dar fejn għex l-aħħar snin tiegħu mhijiex sempliċement monument storiku. Hija tfakkira spiritwali. Hija prietka fis-skiet. Kull min jgħaddi minn hemm għandu jfakkar lilu nnifsu: hawnhekk għex qaddis. Imma aktar minn hekk: hawnhekk għex qaddis, imma jekk il-qdusija kienet possibbli għalih hawnhekk, allura hija possibbli għalina wkoll.

San Ġorġ Preca lil Malta tal-lum
Kieku San Ġorġ Preca jimxi fit-toroq tagħna llum, x’kien jgħidilna? Naħseb li l-ewwel nett kien isejħilna lura għat-talb, u jfakkarna “Sinjur Alla, jien għandi bżonnok”. Għax il-ħajja saret storbjuża, u faċli nkunu kontinwament distratti. Għandna ħafna komunikazzjoni, imma ftit komunjoni. Ħafna divertiment, imma ftit paċi.
Hu kien ifakkarna li mingħajr talb, ir-ruħ tinxef. Kien jitkellem ukoll fuq il-formazzjoni Nisranija. Il-fidi ma tistax tibqa’ ħajja biss permezz tas-sentiment. It-tfal għandhom bżonn it-tagħlim “l-għajn ta’ kull ġid”, u għandhom bżonn ix-xhieda. Iż-żgħażagħ għandhom bżonn gwida. Il-familji għandhom bżonn appoġġ. Il-parroċċi għandhom bżonn żelu missjunarju.
Fuq kollox San Ġorġ Preca kien jerġa’ jsejħilna għall-qdusija. Mhux qdusija ta’ apparenza, imma qdusija mibnija fuq l-umiltà, il-ħniena, is-safa tal-qalb u l-imħabba.
Sejħa għal din il-parroċċa
Għeżież ħuti, illum ma nistgħux biss nammiraw lil San Ġorġ Preca. Irridu nħallu l-eżempju tiegħu jispirana. Parroċċa marbuta ma’ qaddis għandha privileġġ kbir, imma wkoll responsabbiltà kbira.
Aħna nonorawh mhux biss permezz ta’ festi, statwi jew purċissjonijiet, għalkemm dawn huma sbieħ u importanti. L-aqwa mod kif nonoraw lil San Ġorġ Preca huwa meta t-tfal jitgħallmu l-fidi b’imħabba, il-familji jsiru postijiet ta’ talb, il-katekisti jaqdu b’ġenerożità; iż-żgħażagħ jiskopru l-vokazzjoni tagħhom, u l-Insara jistinkaw sinċerament għall-qdusija. Dak hu l-monument ħaj li jagħti ġieh lil San Ġorġ Preca.
Illum nirringrazzjaw lil Alla għad-don ta’ San Ġorġ Preca. Nirringrazzjawh għall-eżempju tiegħu, għall-umiltà tiegħu, għall-imħabba tiegħu lejn Ġesù Kristu, għall-ħajja qaddisa tiegħu.
U llum nitolbu grazzja speċjali: li din il-parroċċa mhux biss iżżomm il-memorja tiegħu, imma tkompli l-missjoni tiegħu. Jalla d-djar ta’ din il-parroċċa jsiru postijiet fejn Kristu jkun magħruf u maħbub. Jalla t-tfal, l-adolexxenti u ż-żgħażagħ jiltaqgħu hawn ma’ fidi awtentika. Jalla l-parroċċa ta’ Santa Venera tgħin lin-nies kollha jagħrfu l-valur tas-sempliċità, tat-talb, tal-formazzjoni Nisranija, tal-qdusija.
San Ġorġ Preca, itlob għalina.

✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju




