
L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
L-ewwel nett nixtieq nintroduċilkom dan is-saċerdot li qaralkom dan l-Evanġelju sabiħ. Huwa l-Kappillan il-ġdid ta’ Ħal Balzan. Jismu Dun Bernard Micallef u nitolbu għalih biex ikun jista’ jaqdi l-poplu ta’ Ħal Balzan, din il-parroċċa sabiħa u anke lilkom meta jkun hemm bżonn, sabiex jikber fil-qdusija u bl-eżempju sabiħ tiegħu nixtieqkom tagħmlu din l-intenzjoni biex ikollna vokazzjonijiet iżjed għas-saċerdozju.
Illum qrajna Evanġelju tassew sabiħ. Ġesù jaf min hi dik il-mara li resqet ħdejh. Bid-dmugħ tagħha ħasslitlu saqajh, b’xuxitha xxottathomlu, dilkitlu saqajh b’żejt ifuħ. Kien jaf min hi. Imma ħallieha turi mhux biss l-indiema tagħha imma wkoll id-devozzjoni u l-imħabba tagħha u taha l-ikbar rigal bil-fejqan spiritwali, bil-maħfra ta’ dnubietha, “Dnubitek maħfura” (Lq 7:47). U ’l Xmun, il-Fariżej għaqli li kien stieden lil Ġesù, għallmu li l-imħabba kapaċi tgħatti ħafna dnubiet u tattira fuqna l-ħniena t’Alla.
“Ħabbet ħafna” (Lq 7:47). Kemm hi ħaġa sabiħa li Ġesù meta jħares lejn din il-mara jammetti li kellha bżonn il-maħfra. Ma jumiljahiex. Sempliċiment jgħidilha “Dnubitek maħfura” (Lq 7:47). Imma jgħid ukoll xi ħaġa sabiħa, “Ħabbet ħafna.” U aħna nitolbu l-grazzja li meta nħarsu lejn ħajjitna twila jew qasira, inkunu nistgħu quddiem Alla ngħidulu: “Jiena midneb. Jiena midinba. Għallimni nħobb ħafna.”

Qatt mhu tard biex nitgħallmu nħobbu għax inti tista’ tgħix ħajtek forsi b’xi dispjaċir li kien hemm xi ħaġa li stajt tagħmilha u m’għamilthiex, kelma li stajt tgħidha u m’għidthiex, ġest li stajt għamiltu u m’għamiltux. Imma jekk ngħixu fil-passat inkunu qed nitilfu ċ-ċans li ngħixu il-mument preżenti u minnu ninsġu xi ħaġa sabiħa. Dan iż-żmien li tana l-Mulej. Dak li għadda nħalluh f’idejn il-ħniena tiegħu. Dak li ġej inqiegħduh f’idejn il-providenza tiegħu. Illum nitolbuh jgħinna biex inkunu nies li nħobbu ħafna.
L-imħabba li nuru lil xulxin, il-paċenzja li nieħdu bina nfusna l-ewwel nett u anke b’ħutna. Intom jista’ jkun li drajtu tgħixu waħedkom id-dar; u llum qed tgħix f’komunità. Allura din hija bidla kbira f’ħajtek. Tkun tixtieq ma tara ’l ħadd u tara ħafna nies, u tgħidlu: “Mulej Ġesù f’din is-sitwazzjoni li qiegħed, li qiegħda fiha, għallimni nħobb. Għallimni wkoll nuri mħabba lejn min qed jiddedika ħajtu, ix-xogħol tiegħu biex jgħinni. Nitolbu ħafna għal carers tagħkom, nitolbu għall-istaff u għad-diretturi ta’ dan il-post.
Imma intom tifhmu li jista’ jkun ambjent sabiħ ħafna imma jekk qalbna ma tkunx fil-kwiet ma nkunux fil-paċi. Għandna nitolbuh ’l Mulej biex aħna, f’kull ċirkostanza li nkunu fiha jagħtina d-don tal-paċi tiegħu. Jgħallimna ngħixu flimkien bil-kalma u bil-paċenzja imma wkoll b’sens ta’ gratitudni.

Darba l-mibki Papa Franġisku lill-għarajjes quddiemu kien qalihom, “Ħa nagħtikom tliet kelmiet biex tgħixu kuntenti: ‘jekk jogħġbok’, ‘grazzi’ u ‘jiddispjaċini’. Imma dawn mhux għall-għarajjes biss. Dawn għal kull wieħed u waħda minna. Intom, forsi ġenituri, nanniet, zijiet meta jkollok in-neputiiet tgħallimhom jgħidu dawn il-kelmiet. Aħna sibna min jgħallimna ngħidu ‘grazzi’. Tgħallimna wkoll nitolbu maħfra: ‘skużani, aħfirli, jiddispjaċini’. Dawn huma tliet atteġġjament li rridu nitgħallmuhom u tajjeb ngħixuhom biex ikollna ħajja trankwilla.
Li inti, għalkemm għandek dritt għas-servizz, titgħallem tgħid jekk jogħġbok. Lil dak li jkun tirrispettah fid-dinjità tiegħu li qdiek, li tak servizz. Li tgħid grazzi u turi gratitudni timla l-qalb bil-ferħ. Xi kultant aħna nieħdu kollox bi dritt. Għandi dritt għall-ikel, għandi dritt li jaħsluni, għandi dritt; għax int tkun ħallast għas-servizz jew il-gvern ikun qed iħallsu għalik.

Imma l-kelma ‘grazzi’ xorta tibqa’ siewja; xorta tagħmel lil ħajjitna verament sabiħa. Mela għalhekk għandna ngħidu ‘jekk jogħġbok’, ‘grazzi’ u mbagħad ‘skużani’ meta nonqsu lil xulxin. Kultant nonqsu mill-paċenzja, kultant ngħidu xi kelma iebsa għax inkunu fl-uġigħ. L-uġigħ ikrah, tgħallmuni intom. Kulħadd jitgħallem mill-esperjenza kemm hu ikrah l-uġigħ. U ssofruh magħna l-iżjed persuni qrib jew l-ewwel persuna tiftaħ il-bieb. Imbagħad tgħid: ‘Kieku dik il-kelma m’għidthiex kemm qegħdin iżjed fil-paċi!’ Għax ‘kelma lil hinn minn sinna timla dinja’. Mhux hekk? U kultant dak li jkun jibża’ jgħid ‘skużani’ imma kemm hija neċessarja. Il-Mulej iħeġġiġna għax anke dik il-mara bil-ġesti tagħha lill-Mulej ħanin u twajjeb qaltlu jaħfrilha. U ta’ Mulej ħanin u twajjeb qalilha, “Dnubietek maħfura, għax ħabbejt ħafna” (Lq 7:47).
Ejjew f’dan il-mument ninġabru biex nitolbu għal kull wieħed u waħda minna. Din il-quddiesa qed noffriha għall-intenzjonijiet ta’ kull wieħed u waħda minnkom; għalikom, għall-ħbieb tagħkom mejtin, għall-qraba tagħkom mejtin. Poġġu f’qalbkom dawn l-intenzjonijiet tagħkom u għal dawn l-intenzjonijiet noffru din il-quddiesa llum.
Ejjew nafdaw fl-interċessjoni ta’ Marija.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Qari tal-quddiesa
Qari I: 1 Kor 15:1-11
Responsorju: 117(118):1-2.16ab – 17.28
L-Evanġelju: Lq 7:36-50




