
Il-messaġġ tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Aħna u nilqgħu fostna dawn it-tliet membri ġodda tal-Kapitlu tal-Katidral niftakru fil-kliem ta’ Ġesù lid-dixxippli tiegħu li jistedinhom għall-għaqda u għall-imħabba.
Għeżież Monsinjuri ġodda, jiena nawguralkom li s-servizz tagħkom bħala membri sħaħ tal-Kapitlu tal-Katidral ikun xhieda ta’ fraternità saċerdotali mibni fuq il-verità, fuq l-imħabba, imma fuq kollox fid-disponibilità li niddjalogaw għall-ġid tal-Knisja f’Malta.
Intom diġà qegħdin tokkupaw rwoli importanti fid-Djoċesi, imma s-sehem tagħkom fil-Kapitlu tal-Katidral, jgħaqqadkom iżjed mal-missjoni tal-Arċidjoċesi u fis-sehem tagħkom fil-Kapitlu tkunu, bħalma kontu dejjem, imma b’mod speċjali b’titlu ġdid kollaboraturi tiegħi.

Il-Kapitlu tal-Katidral ta’ din l-Arċidjoċesi mhux biss għandu storja antika u glorjuża imma wkoll huwa parti integrali mill-istorja ta’ pajjiżna. Meta ma kienx ikun hawn Isqof kien ikun il-Kapitlu tal-Katidral li jieħu fuqu t-treġija tad-Djoċesi. Jiena nawgura li l-ispirtu ta’ għaqda, unità, l-ispirtu ta’ karità fil-prudenza u l-ispirtu ta’ libertà waqt li tamministraw il-patrimonju kbir tal-Kapitlu, mhux biss imexxikom imma jagħmel minnkom eżempji ħajjin ta’ fraternità saċerdotali.
Bħala konsenja ppermettuli li nissuġġerilkom, għaliex il-Mulej ried li jagħtina dan ir-rigal, li timmeditaw id-diskors li l-Qdusija Tiegħu l-Papa Ljun XIV għamel lill-kleru tad-Djoċesi ta’ Ruma ilbieraħ. Huwa diskors qawwi li jitlob minna l-libertà u l-kuraġġ tal-verifika, kif semmieha – Inti kif inti? Kelma tal-Papa Ljun XIV. U intom u tħarsu lejn l-istorja tal-Kapitlu, lejn l-użu tal-patrimonju tal-Kapitlu u r-responsabilità li għandkom għall-Knisja f’Malta.

Jalla l-Mulej jagħtikom dan id-don tal-verifika li intom tifhmu x’għad hemm bżonn u x’wieħed irid jippreserva u dak kollu li m’għadux attwali u utli li wieħed irid jillibera ruħu minnu. Mhumiex għażiet faċli dawn. Imma l-Papa qiegħed jistieden mhux biss id-djoċesi tiegħu imma anke lill-Knisja biex aħna jkollna din il-prudenza, dan l-għaqal li nħarsu lejn il-Mulej, ma naqilgħux ħarsitna minnu u nitolbuh li Hu jiggwidana. Il-Mulej ikun magħkom u fuq kollox jimliekom bl-umiltà.
Hawnhekk hawn ħafna nies jappoġġjawkom. Nitlobkom titolbu għal dawn is-saċerdoti li filwaqt li jieħdu dan ir-rwol u din ir-responsabbilità, ikunu eżempju ta’ fraternità saċerdotali, ta’ spirtu ta’ talb, ta’ servizz u t’umiltà.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta




