Ritratt: Evan Demicoli – Uffiċċju Preżenza Diġitali

Delegazzjoni mis-Seminarju ta’ Piazza Armerina fi Sqallija, immexxija mir-Rettur don Luca Crapanzano, żaret Malta fil-bidu ta’ Mejju, f’esperjenza ta’ skambju u għarfien pastorali bejn iż-żewġ realtajiet Mediterranji. Din iż-żjara ġiet organizzata minn MELA (Mediterranean Ethnographic Laboratory & Archive).

Il-programm beda b’laqgħa introduttorja dwar il-kuntest Malti u wara laqgħa mal-Arċisqof Charles Scicluna. F’din il-laqgħa, is-seminaristi kellhom iċ-ċans jiddiskutu mal-Arċisqof dwar x’tifhem il-Knisja f’Malta bl-inkulturazzjoni tal-Evanġelju fis-soċjetà tal-lum, inkluż l-importanza tad-devozzjonijiet popolari u l-apprezzament tal-wirt pre-Kristjan f’Malta.  Wara l-grupp għamel pellegrinaġġ lejn il-grotta ta’ San Pawl fir-Rabat, b’kollaborazzjoni mal-Mużew ta’ Wignacourt. Il-ġurnata ntemmet bi żjara kulturali fl-Imdina.

Ritratt: Evan Demicoli – Uffiċċju Preżenza Diġitali

Fit-2 ta’ Mejju, id-delegazzjoni żaret l-istrutturi megalitiċi ta’ Ħaġar Qim, b’kollaborazzjoni ma’ Heritage Malta. Dan kien mument importanti fiż-żjara għaliex il-grupp kellu ċ-ċans jirrifletti fuq l-iżvilupp tal-grammatika reliġjuża fil-Mediterran u f’Malta, waqt li kellu l-opportunità jiskopri wirt preistoriku uniku. Aktar tard, il-grupp żar il-Konkatidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta, b’kollaborazzjoni mal-Fondazzjoni tal-Konkatidral ta’ San Ġwann, segwit minn ħin liberu fil-belt kapitali.

Fit-tielet u l-aħħar ġurnata tal-vjaġġ, it-3 ta’ Mejju, kienet iffukata fuq esperjenza pastorali f’Wied il-Għajn, b’kollaborazzjoni mal-parroċċa. Wara l-quddiesa, il-grupp iltaqa’ ma’ rappreżentanti minn diversi gruppi parrokkjali u ddiskutew ħidmiet differenti kif ukoll opportunitajiet komuni. Din il-laqgħa offriet spazju ta’ skambju ħaj u konkret dwar il-ħajja pastorali.

Din iż-żjara kienet sinjal ta’ ħbiberija u kooperazzjoni dejjem tikber bejn knejjes differenti fil-Mediterran bl-għan li tissaħħaħ aktar il-komunjoni bejn il-knejjes fil-Mediterran, kif ukoll jinvolvu ġenerazzjonijiet ġodda fil-ħidma għall-paċi.

Dwar MELA

MELA hi inizjattiva tal-Knisja f’Malta li tindirizza l-Mediterran mhux bħala kunċett astratt jew reġjun omoġenju, iżda bħala spazju mgħix u kkontestat. Il-pożizzjoni storika ta’ Malta fiċ-ċentru tal-Mediterran toffri post konkret minn fejn il-Knisja tista’ tisma’, tospita u tirrifletti.

MELA tifhem il-Mediterran bħala mistoqsija aktar milli proġett: spazju ffurmat mill-memorja u l-migrazzjoni, il-fidi u l-kunflitt, l-ospitalità u l-esklużjoni. F’din il-kumplessità, l-inizjattiva tfittex li tesplora kif il-Knisja hija preżenti fil-Mediterran illum — u kif il-Mediterran, imbagħad, isawwar l-immaġinazzjoni pastorali, kulturali u teoloġika tal-Knisja.

Għal aktar tagħrif fuq il-COMED, żur https://medecclesia.org/ u dwar il-ħidma f’Malta, żur https://mela.org.mt.