F’intervent li għamel l-Arċisqof Charles Scicluna waqt programm speċjali fuq RTK103 f’għeluq l-ewwel anniversarju mill-ħatra tal-Papa Ljun XIV, l-Arċisqof iddeskriva lill-Papa bħala “raġel ġwejjed għaref” b’qalb sabiħa.
Mons. Scicluna semma kif il-karatteristiċi tal-Papa fosthom il-qalb missjunarja tiegħu jkomplu jagħnu l-Knisja, partikolarment bl-esperjenza tiegħu fil-Perù, fejn il-Papa serva bħala patri Agostinjan missjunarju kif ukoll bħala Isqof ta’ Chiclayo.
Żied kif l-imħabba tiegħu lejn in-nies fil-periferiji ħarġet fid-deher fl-aħħar vjaġġ appostoliku tiegħu fl-Afrika.
L-Arċisqof żied li l-Papa Ljun għandu konoxxenza tajba ħafna tal-Gżejjer Maltin hekk kif ġie f’Malta diversi drabi meta kien Pirjol Ġenerali tal-Ordni ta’ Santu Wistin bejn l-2007 u l-2013. Huwa fakkar li l-aħħar darba li l-Papa kien f’Malta meta f’Ottubru 2023 ġiet organizzata l-Assemblea Plenarja tal-Kunsill tal-Konferenzi tal-Isqfijiet Ewropej. Dakinhar, il-Papa Ljun kien iservi bħala Prefett tal-Kongregazzjoni tal-Isqfijiet.
Mons. Scicluna temm l-awgurju tiegħu billi ħeġġeġ lil kulħadd sabiex jitlob għall-Papa Ljun, u jappoġġjah.
Source: Newsbook.com.mt




