Photo:Ian Noel Pace – Arċidjoċesi ta’ Malta

“Li tħobbu lil xulxin” (Ġw 15:12) jgħid Ġesù fl-Evanġelju tal-lum b’insistenza. Hawn qiegħed fl-Aħħar Ċena jitkellem mad-dixxipli tiegħu, u jgħid u jerġa’ jgħid: “li tħobbu lil xulxin” (Ġw 15:17) – dan hu l-kmandament tiegħi. Dak li qal lid-dixxipli tiegħu dak inhar jgħidu dejjem lilna, dixxipli tiegħu: li fil-qalba tal-ħajja tagħna Nisranija għandu jkun hemm dejjem din l-imħabba – l-imħabba lejn Alla li turi ruħha fl-imħabba lejn l-oħrajn. Hawnhekk Ġesù jfisser x’jiġifieri l-ikbar imħabba: “li wieħed jagħti ħajtu” (Ġw 15:13).

L-imħabba mhijiex biss sentiment, mhijiex biss attrazzjoni jew ammirazzjoni ta’ persuna. Hija iktar fil-fond minn hekk. U Ġesù jfisser l-imħabba bħala għotja. Aħna nafu li għandna fih l-isbaħ eżempju ta’ dan – fil-ħajja kollha tiegħu, li dejjem kienet għotja għall-oħrajn. Fil-kliem tiegħu, fil-mod kif kien jittratta lin-nies, fl-attenzjoni tiegħu lejn dawk li kienu b’xi mod jew ieħor imwarrbin jew għaddejjin minn tbatija. Ħajja ta’ għotja, li mbagħad laħqet il-milja tagħha fuq is-salib, fejn hemm naraw proprju lil Ġesù msallab – ħadd ma għandu mħabba akbar minn din.

Għalhekk tant hu importanti dan is-simbolu għalina – il-kurċifiss. Kemm hu importanti li aħna ngħożżu l-kurċifiss fid-djar tagħna, fl-uffiċċji tagħna, fil-postijiet tagħna. Hemmhekk għandna dejjem l-ikbar imħabba. Meta nħarsu lejn Ġesù, hu li ta ħajtu għalina, lilna jgħallimna, kull darba li nħarsu lejn il-kurċifiss, mhux biss li lilu nirringrazzjawh u nkunu grati lejh għal dak li għamel għalina, imma li jfakkarna li aħna wkoll hekk għandna ngħixu l-imħabba – bħala għotja sħiħa kif jgħallimna hu. Il-kurċifiss għalina mhux sempliċi dekorazzjoni. Allaħares tieqaf biss tuża l-kurċifiss b’dekorazzjoni biex il-postijiet tagħmilhom isbaħ! Il-kurċifiss għalina hu stqarrija ta’ fidi, u stqarrija tal-akbar imħabba. U impenn biex dak li aħna nqiegħdu fuq il-ħajt jew f’post ieħor, ikun kif aħna għandna ngħixu l-ħajja tagħna bħala għotja sħiħa għall-oħrajn.

Illum qegħdin niċċelebraw l-ewwel anniversarju mill-għażla tal-Papa Ljun XIV bħala ragħaj tal-Knisja universali, bħala Papa. Proprju l-Evanġelju tal-lum qiegħed eżatt għal dan l-anniversarju. Ġesù hawnhekk jgħid: “Mhux intom għażiltu lili, imma jien għażilt lilkom, u ħtartkom biex tmorru tagħmlu l-frott, u l-frott tagħkom jibqa’” (Ġw 15:16). L-għażla li għamel Ġesù, permezz tal-kardinali miġburin għall-konklavi, tal-Papa Ljun – dan ir-ragħaj, matul din is-sena, wriena tassew xi tfisser din l-imħabba, l-imħabba li hija għotja. U għalhekk, kulfejn mar u kull meta wassal l-Evanġelju, fil-qalba kellu dejjem din l-imħabba li tfisser għotja.

Għalhekk il-Papa jitkellem ħafna, jirsisti ħafna, u jaħdem ħafna għall-paċi – għax jaf li jekk int verament tgħix din l-imħabba bħala għotja, imbagħad tnissel il-paċi. U għalhekk min għalih il-ħajja tfisser li tiddomina fuq l-oħrajn, li taħkem, li tqiegħed lil ħaddieħor taħtek, diffiċli għalih li jifhem lill-Papa, u diffiċli jifhem dal-ministeru tal-Papa. Għax jekk ma tifhimx li fil-qalba tal-ħidma tal-Papa hemm din l-għotja ta’ mħabba, imbagħad tibda tispjega dil-ħidma tiegħu b’mod jew ieħor, tfissirha b’mod ieħor. Imma fil-qalba hemm proprju dan: l-imħabba li tfisser għotja. Huwa dan li għallimna matul din is-sena, hu ta’ dan li nirringrazzjaw lil Alla ħafna u nitolbu ħafna għalih biex ikompli jgħinu lill-Papa biex ikompli jwassal l-Evanġelju kif inhu, mingħajr biża’ u bil-kuraġġ kollu, imma b’ħafna u ħafna mħabba.

Nitolbu llum għalih, u nitolbu wkoll għalina biex nimxu dejjem fuq il-passi li qed jurina l-Papa Ljun XIV.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju