L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Il-kelma li Ġesù jgħid lil Pietru nitlobkom biex tibqa’ tidwi fil-qalb tiegħi: “Ejja warajja” bħalma tibqa’ tidwi fil-qalb tiegħi l-mistoqsija li Ġesù jagħmel lil Pietru għal darba, darbtejn, tlieta: “Tħobbni int?” (Ġw 21:16). Itolbu għalija biex inħoss l-għafsa tal-qalb bħalma għamel Pietru,  meta nagħraf id-dgħufija tiegħi u niftakar fi dnubieti u b’sens ta’ fiduċja lill-Mulej ngħidlu: “Mulej, inti taf kollox, inti taf li nħobbok” (Ġw 21:17).

Nixtieq ningħaqad ma’ Pawlu l-Appostlu Missierna u b’wiċċi minn quddiem imma b’umiltà kbira nagħraf li jiena protos, l-ewwel fost il-midinbin għax naf li din hi t-triq li twassalni malajr lejn il-qalb ta’ Ġesù Salvatur, li fiha niskopri mhux biss il-ħniena tiegħu imma wkoll is-sabar tiegħu. Pawlu jgħid: “Jiena minħabba f’hekk sibt il-ħniena biex bija bħala l-ewwel wieħed, il-protos, Kristu Ġesù juri s-sabar kollu tiegħu” (1 Tim 1:15-16). Alla ma jurix magħna biss ħniena imma Pawlu jistqarr li Alla juri magħna paċenzja kbira, sabar kbir. U għaliex? Għaliex l-isqof, l-ewwel fost il-midinbin, irid ikun xhud ta’ kemm Alla hu ħanin, ta’ kemm Alla hu kbir fl-għemejjel tiegħu.

Meta nħares lura lejn dawn l-għaxar snin, li donnhom għaddew bħal ħolma u li fihom tibda ttiegħem fil-maturità ta’ ħajtek li l-ħajja nżul u tlajja’, u l-idea li aħna għandna kontroll tal-ħajja hi bluha. Tant ċirkustanzi ma niddeterminawhomx aħna. Mingħajr ma rridu jagħġnuna bħalma jagħġnuna r-relazzjonijiet ta’ bejnietna. Għaxar snin ilu l-maħbub u għażiż Arċisqof Emeritu Pawlu [Cremona] kien qalli: ‘Għażiż Dun Charles ftakar id-dinjità tagħna tiġi mill-poplu ta’ Alla.’ Ried jgħidli la mit-titli, la mill-ilbies imma mill-fatt li aħna qaddejja tal-poplu ta’ Alla.

Illum nixtieq nirringrazzja ’l Alla talli fil-poplu li jiena ġejt imsejjaħ biex naqdi, il-Mulej tani okkażjonijiet ta’ faraġ, ta’ umiljazzjoni, ta’ għerf u ta’ sabar. U nixtieq li bħalma jgħid Ġesù  nkun bħalu r-ragħaj it-tajjeb li nagħraf in-nagħaġ tiegħi, in-nagħaġ tiegħi jagħrfu lili u jiena nagħti ħajti għan-nagħaġ tiegħi (ara Ġw 10:11.14).

Meta nħares lura lejn dawn l-għaxar snin, li donnhom għaddew bħal ħolma u li fihom tibda ttiegħem fil-maturità ta’ ħajtek li l-ħajja nżul u tlajja’, u l-idea li aħna għandna kontroll tal-ħajja hi bluha.

Kultant inkun miexi xi mkien, mhux dejjem bil-mitra u l-baklu u n-nies ma jagħrfunix mill-ewwel, għalkemm meta jaraw xi ħaġa qasira u naqra mbaċċa, forsi jibdew jissuspettaw xi ħaġa, biex ma nsemmi l-ebda prodott. Imma mbagħad ngħid kelma, niftaħ ħalqi, u n-nies ddur: ‘Ara l-isqof’, u ngħid: “il-vuċi tikxifni” u niftakar fil-kelma ta’ Ġesù jisimgħu leħnu, jagħrfuh.

Itolbu għalija biex il-poplu jagħrafni fl-imħabba tiegħi, fil-ħniena tiegħi, fil-paċenzja tiegħi. Ikun hemm xi wieħed ċiniku jgħidli: ‘inti titkellem ħafna fuq il-paċenzja imma ma tantx għandek paċenzja magħna jew miegħi’. U niftakar ukoll li l-Mulej qegħedni, minkejja d-dgħufija tiegħi, biex inkun gwida, nitkellem f’ismu fil-mumenti propizji u inqas propizju, u biex ukoll b’xi mod ngħin lil ħuti u lilna lkoll nagħżlu dejjem lil Ġesù.

Itolbu għalija biex il-poplu jagħrafni fl-imħabba tiegħi, fil-ħniena tiegħi, fil-paċenzja tiegħi.

Il-kliem ta’ San Ġorġ Preca tant fih għerf. Meta nirringrazzjaw lil Alla, tajjeb nitolbuh maħfra għax l-isqof midneb bħal kulħadd u forsi l-protos fost il-midinbin, għandu għal xiex jgħid grazzi lil Alla. Jien għandi għax ngħid grazzi lil Alla u ħafna, imma wkoll nixtieq nitolbu maħfra quddiemkom u magħkom.

Ikun dejjem ta’ faraġ għalija t-talb tagħkom. Kemm tkun imfarrġa l-qalb tal-isqof meta jħoss li s-saċerdoti għeżież tiegħu, il-poplu għażiż ikun qiegħed jitlob għalih, mhux biss jieħu paċenzja bih imma jitlob ukoll għalih. U dak li jien nixtieq li nkun għalikom eżempju ta’ ħniena u sabar, nitlobkom ukoll tkunu hemm għalija, tħennu għalija, tieħdu paċenzja bija.

Itolbu għalija għax iżjed ma jgħaddi ż-żmien iżjed ninduna kemm għandi bżonn għajnuna.

Nixtieq nitlob li f’din it-triq li jixtieq għalina l-Papa Franġisku, li nimxu flimkien bħala poplu ta’ Alla, ikollna t-tama ta’ poplu marbut bl-imħabba ma’ Ġesù, li ntbagħat “biex idewwi l-qalb miksura, iħabbar il-ħelsien lill-imjassrin, lill-ħabsin il-ftuħ tal-ħabs, u jniedi s-sena tal-grazzja tal-Mulej” (ara Iż 61:1-2). Din hi l-missjoni ta’ Ġesù; l-isqof hu msejjaħ f’isem il-Knisja biex jipparteċipa intimament ma’ din il-missjoni.

Itolbu għalija biex f’isem Ġesù u bil-qawwa tiegħu “nfarraġ lill-imniktin, inferraħ lil dawk li jibku f’Sijon, nagħtihom kuruna flok irmied, żejt tal-ferħ flok lbies tal-viżtu, l-għana ta’ foħrija flok ruħ mitluqa” (Iż 61:2-3).

U itolbu għalija għax iżjed ma jgħaddi ż-żmien iżjed ninduna kemm għandi bżonn għajnuna. Iżjed ma jgħaddi ż-żmien iżjed ninduna li l-ħajja tgħaddi bħal berqa u li xi mument irridu nagħtu kont. U nisma’ fil-qalb tiegħi l-mistoqsija ta’ Ġesù: “Tħobbni?”

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Iż 6:1-3a
Salm: 88:21a-22, 25-27
Qari II: Tim. 1:12-19a
L-Evanġelju: Ġw. 21:15-17

Aqra l-messsaġġ tal-Isqof Awżiljarju f’għeluq il-quddiesa tal-anniversarju.

Aktar ritratti >>