• The Interdiocesan Commision for the Environment’s reaction to the draft ODZ Policy

  • Il-Kummissjoni Ambjent tal-Knisja hija mħassba serjament dwar aspetti fundamentali ta’ din il-policy li bħalissa hija fl-istadju ta’ konsultazzjoni pubblika. Il-kummenti tal-KA huma kif ġej:

    1. Diskrezzjoni kbira għal min ser jiddeċiedi fuq l-applikazzjonijiet ta’ żvilupp

    Fl-Introduzzjoni tal-policy u b’ittri kbar qed jingħad li “PROPOSALS WHICH ARE NOT ADDRESSSED BY THIS POLICY DOCUMENT MAY BE CONSIDERED ON THEIR OWN MERITS BY THE DECIDING BODY IF IT FELT THAT THE PROPOSAL WILL GENERATE AN IMPROVEMENT TO THE AREA WHERE IT IS LOCATED”.
     
    Stqarrija ta’ din ix-xorta xxejjen kull attentat li jkun hawn ippjanar bis-sens u sostenibbli fiż-żoni li huma barra mill-konfini tal-iżvilupp. L-istqarrija fl-introduzzjoni ta’ din il-policy jmissha tkun bil-maqlub, jiġifieri li min ser jiddeċiedi fuq applikazzjonijiet ta’ żvilupp li huma ’l barra miż-żona ta’ żvilupp, mhu se jkollu l-ebda diskrezzjoni li jiġi jaqa’ u jqum minn dak li qed tgħid il-policy. Anzi, jrid japplikaha b’mod rigoruz. Ir-raġuni li tintuża d-diskrezzjoni hija li “the proposal will generate an improvement to the area where it is located”. Din ir-raġuni tant tista’ tkun soġġettiva, li kwalunkwe evidenza ta’ ħsara lill-ambjent u attentat biex il-pubbliku jkun jista’ jgawdih bil-libertà, tista’ tiġi mogħtija l-ġenb.

    L-Att dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tal-Iżvilupp 2010 jgħid ċar u tond li, meta tkun se tittieħed deċiżjoni dwar żvilupp, il-MEPA għandha tapplika l-pjanijiet ta’ żvilupp u policies, u tagħti kaz ta’ aspetti u sottomissjonijiet oħra li jkunu saru mill-pubbliku[1]. Ma jistax ikun li issa jkollna policy li, wara li tispjega s-sustanza tagħha fuq iktar minn 40 paġna, taqleb dak kollu li tkun qed tgħid, billi tagħti diskrezzjoni, u allura anke s-setgħa, lil min qed jiddeċiedi, li jagħti permessi skont il-każ illi jkollu quddiemu. Il-KA tifhem li għandu jkun hemm ċerta diskrezzjoni f’każijiet minuri li la jagħmlu impatt fuq l-ambjent u lanqas fuq l-estetika. Imma li issa din id-diskrezzjoni tibda tintuża fuq skala ta’ binjiet sħaħ ’il barra mill-konfini tal-iżvilupp hija inaċċettabbli, u żgur ma tawgurax tajjeb għall-ambjent mhux mibni f’Malta. Il-KA jidhrilha li l-użu tad-diskrezzjoni f’policy sensittiva bħal din għandu jitneħħa.  Il-kampanja f’Malta hija skarsa wisq u riżorsa mportanti ħafna għall-Maltin u l-Għawdxin li jgħixu f’dan il-pajjiż. Dan minbarra li għandha valur ekonomiku għall-attrazzjoni ta’ turisti lejn dawn il-gżejjer.

    1. Nuqqas ta’ qafas strateġiku għat-tfassil ta’ din il-policy

    Ta’ min isaqsi kif tinkwadra din il-policy fil-qafas strateġiku tal-ħarsien tal-ambjent u l-ippjanar tal-iżvilupp. Il-Pjan Strateġiku dwar l-Ambjent u l-Iżvilupp (li għadu mhux ippubblikat) għandu jingħata preċedenza fuq it-tfassil ta’ policies sensittivi bħalma hija l-ODZ policy. Il-Pjan Strateġiku jrid jurina fejn irridu naslu fil-qasam tal-ambjent u l-iżvilupp wara numru ta’ snin. Fit-tfassil ta’ policy bħal din, sar assessjar serju tal-effett li din il-policy se jkollha fuq l-ambjent? Hemm indikazzjoni ta’ kemm jistgħu jinbnew binjiet ġodda? X’inhi d-domanda għal dawn il-binjiet? Wieħed kien jistenna li d-domanda għal dan it-tip ta’ żvilupp tkun spjegata aħjar, speċjalment b’numri li jinftiehmu. Jekk dan ma sarx, hemm ċans li l-MEPA qed tfassal policy li l-effett tagħha fuq l-ambjent mhux qed ikun ikkalkolat sewwa. Mill-banda l-oħra jekk seħħ xi assessjar, allura dan għandu jkun ippublikat. Il-proġetti hekk imsejħa “ta’ interess nazzjonali”[2], li mhux bilfors ikunu proġetti li l-applikant tagħhom huwa l-Gvern, imma li joħorġu min-“National Government Policies”, għandhom ikunu suġġetti wkoll għall-provvedimenti tal-Pjan ta’ Struttura (sakemm dan jiġi sostitwit mill-Pjan Strateġiku Dwar l-Ambjent u l-Iżvilupp) u ta’ kull policy ta’ ppjanar u l-ambjent rilevanti.   

    1. Azzjoni kontra abbużi minn din il-policy

    Ma tantx hija konsolazzjoni li l-policy tgħid li “any building permitted by this policy document which is not used for a period of three consecutive years within thirty years from the date of issue of the permit, and/or is not used for its permitted purpose shall be demolished”. Intennu li aħjar isir assessjar serju tal-policy fuq l-ambjent issa, milli nilludu ruħna li l-abbużi li tista’ tinkoraġġixxi din il-policy jkunu jistgħu jiġu xi darba indirizzati. L-impressjoni ġenerali hi li l-MEPA diġà ghandha problemi biex tinforza l-liġi kontra abbużi ċari.  Aħseb u ara kemm se jkollha saħħa biex il-liġi tinforzaha fil-każ ta’ din il-policy. Il-policy diġà qed tħajjar lil min irid  jabbuża, biex jieħu permess għal żvilupp imbagħad jużah għal kważi 27 sena “biss”, mhux skont l-użu li ngħata permess għalih. B’hekk għandu garanzija li l-bini ma jaqax.

    1. L-Agrikoltura, Agrituriżmu u t-tgawdija tal-kampanja

    L-ODZ policy tinkludi diversi proposti li jaġevolaw l-operat tal-bdiewa u r-raħħala. Il-MEPA għandha tistħarreġ sewwa u bir-reqqa li l-policy li fasslet fir-rigward tal-bdiewa u r-raħħala hija bbażata fuq il-ħtiġijiet ġenwini ta’ dan is-settur, biex ma jkunx hemm abbuż minn min ma jinteressahx mill-biedja u t-tkabbir tal-bhejjem.

    Il-proposti dwar l-Agriturizmu għandhom jiġu mixtarra sewwa, għax dawn il-proposti jistgħu jiftħu beraħ il-possibiltà ta’ żvilupp fil-kampanja fejn ġie ġie. Fuq liema bażi qed ikun propost li proġett ta’ bini għall-agrituriżmu għandu jkun marbut ma’ 60 tomna raba`? Għalfejn mhux iktar?  X’se jkun l-impatt ta’ dawn il-proposti fuq il-kampanja? Wieħed irid jiftakar li, potenzjalment tista’ tinbena binja ta’ għaxart ikmamar fuq kull medda ta’ 60 tomna f’Malta u Għawdex. Minkejja illi hemm restrizzjonijiet (li mhumiex onerużi biżżejjed) ta’ fejn jistgħu jsiru dawn il-binjiet, wieħed irid iżomm f’moħħu t-tħassib serju (imsemmi f’punt 1 iktar ’il fuq) li l-MEPA tista’ twarrab fil-ġenb dawn ir-restrizzjonijiiet u tagħti xorta l-permess. Meta wieħed iqis li l-infurzar kontra min ma jużax il-bini għall-iskop li għalih se jingħata l-permess huwa dgħajjef ħafna (ara punt 3 iktar ’il fuq), jikber it-tħassib dwar l-abbużi li jistgħu jinħolqu mill-proposti dwar l-agriturizmu.   

    Rigward it-tgawdija mill-pubbliku tal-kampanja, huwa għaqli li fejn hemm ħitan li huma ogħla minn 1.2m., jistgħu jinbnew ħitan oħra magħhom li huma għoljin daqshom? B’din il-miżura, f’ċerti postijiet rurali f’Malta, wieħed se jkun aktar qed iħossu miexi ġo labirint milli f’kampanja. Huwa għaqli li kull passaġġ fil-kampanja magħmul mill-konkos, u li sar qabel l-2004, se jitqies li huwa kopert b’permess? Ma jistax isir pjan biex, fuq medda ta’ snin, dawn il-passaġġi jinbidlu skont ir-rekwiżiti tal-policy l-ġdida?  

    1. Konklużjoni

     
    L-ODZ policy qed tipproponi aspetti ta’ policy li jistgħu jindirizzaw domanda ġenwina ta’ żvilupp li hija meħtieġa għat-tisħiħ tal-agrikoltura f’Malta. Iżda l-policy kif inhi abbozzata bħalissa qed tiftaħ iktar minn bieb wieħed biex l-abbużi jkunu jistgħu jiġu ppjanati sewwa minn min għandu interess li jagħmel profitt minn fuq l-ambjent Malti. Ir-riżultat ikun li jaqa’ l-valur tal-ambjent kemm għall-ġenerazzjoni preżenti ta’ abitanti, kif ukoll għal dawk li se jiġu warajna.


    [1] Artiklu 69 tal-Att dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tal-Iżvilupp 2010
    [2] Policy 1.2A