• Nhar it-Tlieta, 8 ta’ Diċembru 2015, l-Arċisqof Charles J. Scicluna iċċelebra Quddiesa għal dawk il-koppji li żżewġu matul l-2015. Din iċ-ċelebrazzjoni saret fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta. Wara l-Quddiesa, l-Arċisqof iltaqa’ personalment mal-koppji miżżewġa.

    Homily by Archbishop Charles J. Scicluna

  • Kon-Katidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta

    8 ta’ Diċembru 2015

    Ħafna jistaqsu, b’mod speċjali bħal-lum, għaliex jintagħżel il-Vanġelu (Lq 1, 26-38) li għadna kemm smajna? U dan għaliex il-Vanġelu li qara Claude, id-djaknu, jirrakonta t-tnissil ta’ Ġesù u mhux it-tnissil ta’ Marija. Fil-fatt, dan il-Vanġelu joqgħod tajjeb fil-25 ta’ Marzu, 9 xhur qabel it-twelid ta’ Ġesù. Illum aħna qegħdin 9 xhur qabel it-twelid ta’ Marija, mit-8 ta’ Diċembru sat-8 ta’ Settembru. Fil-liturġija kollox perfett imma intom diġa bdejtu tindunaw, għeżież mizzewġin friski, li fid-dinja ta’ vera mhux kollox perfett. Tippjana mod u jiġri mod ieħor.

    Allura għaliex naqraw dan il-Vanġelu? Minħabba t-tislima tal-anġlu u dak li jgħid lill-Madonna li aħna l-Insara domna sekli nirriflettu fuqu biex wasalna għal din il-festa sabiħa tal-lum, dik tat-Tnissil bla Tebgħa tal-Verġni Mqaddsa Marija. Meta l-anġlu jersaq lejha bħala messaġġier mill-Mulej, jgħidilha: “Sliem għalik, mimlija bil-grazzja”. U jgħidilha wkoll: “Tibżax għaliex int sibt grazzja quddiem Alla”.

    Intom tafu x’jiġifieri meta ngħidilkom ‘tieħu grazzja ma’ xi ħadd’. Nispera li ħadtu grazzja ma’ xulxin, u nieqfu hemm. Li tieħu grazzja, li ssib grazzja tgħaddi mill-esperjenza ta’ mħabba sabiħa u tħossok maħbub jew maħbuba kif int. Int kif int! Din hija esperjenza li lill-bniedem tagħtih tama fil-ħajja tiegħu u ssir ankra tal-eżistenza tiegħu.

    Għeżież koppji li żżewwiġtu din is-sena, l-ewwel awgurju tiegħi għalikom hu li intom tibqgħu ta’ kuljum tieħdu grazzja ma’ xulxin, u li jkollkom dik l-imħabba lejn xulxin li għandu Alla għalina. Għax il-kelma grazzja hija tip speċjali ta’ mħabba fejn inħobbok mhux għax għandek ħafna points fil-pitazz, imma nħobbok għalik innifsek, mingħajr ma nippretendi ħafna affarijiet lura jew noqgħod nikkalkula.

    “Inti mimilja bil-grazzja” jgħidilha l-anġlu. “Alla ħares lejk u inti sibt grazzja quddiemu u għażlek għal missjoni speċjali”. Dan kien il-kliem tal-anġlu lill-Madonna. Dan il-kliem jista’ joqgħod ukoll għalikom. Il-Mulej għażilkom għal missjoni speċjali. L-ewwelnett li tħobbu lil xulxin u li bl-imħabba tagħkom lejn xulxin tkunu sinjal qawwi tal-imħabba ta’ Alla għad-dinja, għal kull bniedem.

    Intom u ssibu grazzja ma’ xulxin, tixhdu għall-grazzja li Alla ħa bina. F’dawn il-granet qaddisa tal-Milied, quddiem il-presepju ta’ Betlem, aħna nistgħu ngħidu: Alla ħa grazzja magħna, uriena mħabba speċjali, ħabbna mhux għax konna gustużi, jew konna twajbin, jew konna qaddisin.

    Fl-ewwel Qari (Ġen 3, 9-15.20) smajna ġlieda bejn żewġ miżżewġin, raġel u mara. Tipikament il-mara, Eva, twaħħal f’Adam. Adam iwaħħal f’Eva, u dan il-kunċett huwa konferma li kultant il-beraq li jkun hemm fil-ħajja tagħkom kien mill-bidu, issa, u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem.

    Hemm ukoll aspetti posittivi fl-Ewwel Qari. Għalkemm jitkellem fuq il-waqa’ tal-ewwel ġenituri tagħna, li aħna nsejħu d-dnub tan-nisel, hemm ukoll għatx għall-għerf u għall-ħajja. Lil martu Adam semmieha Eva għax kienet omm il-ħajjien kollha. Hawnhekk jagħtina l-isem fundamentali mhux biss tal-mara, imma tal-koppja. Il-koppja miżżewġa hija l-għerq tal-ħajjin kollha. It-talba tiegħi llum hija li intom bħala miżżewġin tkunu, skont ir-rieda t’Alla u bil-koperazzjoni tagħkom, għajn ta’ ħajja għal xulxin, anke billi tnisslu wlied ġodda għall-familja tagħkom u għas-soċjetà

    Nagħlaq billi neżortakom, inħeġġiġkom, biex tikbru fil-qdusija fl-imħabba. Kemm hi sabiħa din l-espressjoni li smajna fit-Tieni Qari: “għażilna fih sa’ minn qabel il-ħolqien tad-dinja biex inkunu qaddisa u bla tebgħa quddiemu fl-imħabba” (Ef 1, 4). Intom hekk se tkunu qaddisin, hekk se tkunu, bla tebgħa. Tgħiduli: ‘kultant niżloq fin-niexef taf!’ Kulħadd jgħaddi minn din l-esperjenza, ħafna drabi kuljum, imma nibqgħu xorta msejħin inkunu qaddisin billi kuljum inġeddu l-proponiment, l-impenn għall-imħabba. Intom din il-vokazzjoni tgħixuha billi tħobbu ħafna lil xulxin.

    Kif nagħmel kull sena, infakkarkom fil-parir li San Ġorġ Preca ta lil Dr Spiteri. Meta qallu: ‘Sinjur, se niżżewweġ’, Dun Ġorġ qallu: ‘tajjeb, issa mur lura fid-dar fejn se tgħixu u fuq il-blata ta’ kull bieb ikteb tlett kelmiet: paċenzja, paċenzja, paċenzja’. Bil-paċenzja li tieħdu b’xulxin, bis-saram ta’ din il-ħajja, biċ-ċirkustanzi li ssibu ruħkom fihom, intom tgħixu ħajja iżjed trankwilla, basta titgħallmu tieħdu paċenzja u ssiru tassew qaddisin.

    Tinsewx li qed niltaqgħu f’jum speċjali meta l-Papa Franġisku inawgura l-Ġublew Straordinarju tal-Ħniena. Qabel xejn, uru ħniena bejnietkom. Meta tonqsu lil xulxin tqattgħux il-karti malajr, bl-għaġġla, għax dik faċli tagħmilha. Qisu li meta jberraq u jagħmel ir-ragħad, tagħmlu impenn bejnietkom – dan parir li jħobb jirrepeti l-Papa Franġisku – li tippruvaw tagħmlu paċi qabel torqdu. Tħallux ir-rankur, il-weġgħat, jibqgħu jikkankraw fikom. Kunu umli biżżejjed biex titkellmu fuq xi ħaġa li qed iddejaqkom. Ibżgħu għall-flus ta’ xulxin biex tgħixu fil-paċi. Timxix jew tmiddx il-pass ikbar milli l-Mulej tak, ħalli ma taqax fl-inkwiet u fid-dejn żejjed. Imma fuq kollox tittraskurawx dik is-siegħa fil-ġimgħa li tagħmlu fil-Knisja. Jiena nitlob li aħna l-qassisin ma ndejqukomx b’omeliji twal, imma li dik l-esperjenza ta’ darba fil-ġimgħa fit-tempju tal-Mulej tkun ħolqien ġdid, fejn terġgħu tibdew tieħdu r-ruħ mill-ġdid.

    Ħaġa tajba ħafna wkoll hi li titolbu flimkien ta’ kuljum, imqar Sliema u Qaddisa, jew inkella talba spontanja b’idejkom f’xulxin bħalma għamiltu fil-mument qaddis tal-kunsens tagħkom meta ħadtu id il-leminija ta’ xulxin u wegħdtu fedeltà dejjiema lil xulxin.

    Il-Mulej iberikkom u jagħtikom ħajja mimlija paċi u hena fih.

      Charles J. Scicluna

         Arċisqof ta’ Malta

  • Photos: Curia Communications Office