L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Meta Ġesù jsemmi ż-żerriegħa tal-mustarda, qed isemmi żerriegħa żgħira ħafna li mill-bogħod lanqas taraha. U meta jsemmi l-ħmira, qed isemmi xi ħaġa wkoll li hi ftit. Żerriegħa u ħmira huma dawk li fil-fatt jaħdmu minn ġewwa, ix-xogħol li jagħmlu huwa minn ġewwa.

Meta Ġesù jgħid li s-Saltna tas-Smewwiet tixbah lil żerriegħa tal-mustarda, qed jgħid li diż-żerriegħa ma tibqax żerrriegħa imma tiżviluppa f’siġra. U l-ħmira tħallatha mad-dqiq biex imbagħad ma tibqax ħmira imma ssir xi ħaġa differenti meta ttella’ l-għaġna. Għalhekk, li qed jgħid huwa li s-Saltna tas-Smewwiet tinbena fis-skiet, fil-kwiet, b’mod pożittiv imma li jagħmel differenza. Hi differenti ħafna minn saltniet oħra. Meta nisimgħu l-kelma ‘saltna’, f’moħħna jkollna l-ideja ta’ setgħa, ta’ poter, mentri kif taħdem is-Saltna ta’ Alla hi differenti.

Innutaw kif Ġesù qatt ma juża kliem li kultant aħna nisimgħu, forsi anke f’xi marċi ta’ festi – pereżempju: supremazija jew supremazija assoluta, dominanza, l-aqwa fost kulħadd, magħna ma jlaħħaq ħadd.  Is-Saltna tas-Smewwiet tikber u tinbena b’mod differenti għal kollox minn dan: fil-kwiet, fis-skiet, mingħajr ħafna kjass u storbju.

Dan il-kliem ta’ Ġesù hu kliem ta’ inkoraġġiment kbir għalina. Aħna kultant ngħidu hekk: Jien x’differenza nista’ nagħmel fil-ħajja? X’bidla pożittiva nista’ nġib? Jien min jien? M’għandix xi setgħa, xi poter, ma nistax inġiegħel lin-nies! Ġesù jfakkarna li s-Saltna tas-Smewwiet ma tinbeniex b’dal-mod, bil-poter, bis-setgħa, billi ġġiegħel. Imma tinbena b’dak il-ftit li tista’ tagħmel li hu pożittiv, ħafna drabi fis-skiet u fil-kwiet, imma li jħalli l-frott.  Hemm tkun tassew sinjal ta’ tama.

Il-Papa Franġisku fl-eżortazzjoni appostolika tiegħu Ifirħu u Thennew (nru 16), jitkellem fuq “ġesti żgħar” li jagħmlu bidla pożittiva. Aħna nistgħu naħsbu f’ġesti bħal dawn fil-ħajja tagħna – pereżempju, kelma ta’ inkoraġġiment; tbissima sinċiera; li tieqaf tisma’ lil xi ħadd li jixtieq jiftaħ qalbu; li kultant tkun preżenti, bħal meta tmur tara lil xi ħadd marid, u tinduna li iktar ma tgħid kliem ikun agħar, imma l-preżenza hi preżenza li qed tittrasmetti l-imħabba. Hemm ukoll l-għajnuna li tagħti fis-skiet u fil-kwiet, jaf biha min qed jirċeviha u Alla. Hekk tinbena s-Saltna ta’ Alla b’mod effettiv u li jħalli l-frott.

Illum nitolbu lill-Mulej, speċjalment aħna u nitolbu t-Talba tal-Missierna ftit ieħor fil-quddiesa, meta ngħidu “Tiġi Saltnatek”. Nitolbuh biex aħna nkunu dawk li naħdmu b’dan l-istil li wriena hu. Kultant hawn min jgħix bl-istorbju u bil-ħoss u b’ħafna kjass, u min-naħa l-oħra hawn min jaħdem fis-skiet u fil-kwiet. Alla wriena li dan hu l-istil tiegħu. Għalhekk nitolbuh biex aħna wkoll inkunu dawk li naħdmu biex tinbena din is-Saltna ta’ Alla bil-mod li wriena hu, u hekk inkunu tassew sinjal ta’ tama.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju