Photo: Ian Noel Pace – Archdiocese of Malta

“Dawn il-ħwejjeġ għedthomlkom biex ma titfixklux” (Ġw 16:1). Hawnhekk Ġesù qed jitkellem mad-dixxipli tiegħu fl-Aħħar Ċena. Kien mument żgur diffiċli ħafna għalih, u kien jaf ukoll minn xiex se jgħaddu d-dixxipli tiegħu. Imma, għalkemm qed jara din l-esperjenza kerha li se jgħaddi minnha hu bil-passjoni u l-mewt, u għad-dixxipli għalihom kien se jispiċċa kollox mitluf, ried li jgħidilhom kliem ta’ inkoraġġiment – biex huma, wara li jgħaddu minn din l-esperjenza, jiftakru li hu qalilhom dan il-kliem; imbagħad, wara l-qawmien mill-mewt tiegħu u bl-inżul tal-Ispirtu s-Santu, hemmhekk jirċievu l-qawwa biex jegħlbu kull tip ta’ biża’.

Hawnhekk Ġesù jitkellem fuq l-Ispirtu li kien se jibgħatilhom aktar ’il quddiem, fuq ix-xhieda, u fuq il-prezz li riedu jħallsu bħala dixxipli tiegħu – it-tbatija li jridu jgħaddu minnha. Ħa naraw dawn it-tlieta.

Ġesù jitkellem fuq l-Ispirtu li se jibgħatilhom, li jsejjaħlu “id-Difensur” (Ġw 15:26). L-Ispirtu s-Santu hu dak li jagħti l-qawwa, imma wkoll dak li jipproteġi. Hawnhekk Ġesù jgħid “l-Ispirtu tal-verità” (Ġw 15:26), biex ifakkarhom li l-qawwa tal-Ispirtu se tgħinhom biex huma jkunu dejjem xhieda tal-verità. Kemm hi importanti din fi żmienna – kienet importanti fi żmien id-dixxpli, imma anke fi żmienna, meta mdawrin b’ħafna affarijiet foloz, fake. Kultant anke meta taqra xi ħaġa, u meta tara anke filmat, ma tafx jekk hux veru jew le; jew tisma’ xi ħaġa, ma tafx jekk hix vera jew le. Qegħdin proprju fi żmien li, mad-dinja kollha, kultant hemm din il-konfużjoni. Hawn min juża l-gidba wkoll bħala mezz kif tasal – għalhekk iktar u iktar issir diffiċli. Imma Ġesù jgħidilhom: se nibgħatilhom l-Ispirtu tal-verità, li kontinwament ifakkarkom f’dak li għedtilkom jien, biex ikomplu mexjin fit-triq il-vera, it-triq it-tajba, it-triq li twassal tassew għall-ħajja.

Hawn Ġesù jgħid: “intom ukoll tixhdu” (Ġw 15:27) aktar ’il quddiem. Nafu kemm fl-ewwel komunitajiet Insara kienet importanti x-xhieda. Kienet importanti l-kelma, imma mal-kelma dejjem ix-xhieda. Meta kienu jaraw kif kienu jgħixu l-Insara fil-bidu, dik kienet tattira n-nies li kienu jgħidu: ara kemm hu sabiħ tgħix kif iridna Ġesù! Fuq hekk qed jitkellem Ġesù meta jitkellem fuq ix-xhieda. Aktar ’il quddiem, iħabbrilhom li huma kienu se jkunu xhieda tiegħu. U xhieda jfisser li int ma tibżax tistqarr lil Ġesù, kif fil-fatt għamlu mbagħad dawn id-dixxipli li ma beżgħux. Issa, iva, kienu deħlin għal esperjenza ta’ biża’ kbir, imma bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, saru xhieda bil-kuraġġ kollu u bla biża’. Kemm hu importanti fi żmienna llum meta kultant ikun hemm min jistħi juri li hu Nisrani jew Nisranija. Anke bir-radd tas-salib, per eżempju – tistħi trodd is-salib quddiem l-oħrajn. Għaliex? Trid il-permess ta’ xi ħadd biex trodd is-salib? U jekk hemm min jeħodha bi kbira, problema tiegħu jew tagħha, mhix tagħna!

Ġesù jgħid ukoll: “Ikeċċukom barra mis-sinagogi, mhux biss imma tasal is-siegħa meta min joqtolkom jaħseb li jkun qed jagħti qima lil Alla” (Ġw 16:2). Qed iħabbar il-persekuzzjoni, u verament din seħħet. Seħħet mal-ewwel Insara, li tant kien hemm minnhom martri. Għaddew minn tbatija u persekuzzjoni. Imma mhix xi ħaġa tal-passat biss; hi xi ħaġa tal-preżent ukoll. Għadha tiġri fid-dinja li jkun hemm min hu ittorturat, ikkalpestat, anke maqtul – ippersegwitat minħabba li hu Nisrani jew Nisranija. Imma rridu niftakru li, bħalma jgħid Ġesù hawn, u fehmu d-dixxipli, mhijiex biss dat-tip ta’ persekuzzjoni. Hemm qisha tip ta’ persekuzzjoni sottili minn taħt – li flok tkun aggressiv, tirredikola lil min qed iwassal il-valuri tal-Evanġelju, per eżempju. Kultant insibuha din, anke fostna – meta titkellem fuq ċerti valuri li għallimna Ġesù, bħall-protezzjoni tal-ħajja, l-onestà, l-integrità, ġustizzja, ikun hemm min qisu jeħodha bi kbira meta jisma’ dawn. Jgħidlek: qed titkellem kontrija! Kontrik meta qed tħabbar l-Evanġelju? Għaliex hawn min il-kelma ta’ Alla ma ddoqqlux.

X’ifisser dan għalina? Ifisser li aħna għandna nkomplu nwasslu l-Evanġelju bla biża’ u bil-kuraġġ kollu, anke jekk dan ifisser kultant li ngħaddu minn tbatija, jew nies li ma jifhmuniex, jew nies li jirredikolaw il-kelma ta’ Alla. Kienet hekk fil-bidu, tkompli tkun hekk, imma lilna qatt ma għandha taqtgħalna qalbna jew b’xi mod iġġegħilna nidħlu f’qoxortna, imma għandna nkomplu, għax aħna għandna magħna l-qawwa tal-Ispirtu ta’ Alla li jmexxina. Nitolbu lill-Mulej biex aħna nkunu dejjem kapaċi, bil-qawwa tiegħu mhux bil-ħila tagħna, ngħixu b’fedeltà lejh u lejn dak li jitlob minna llum hu.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju