Ritratt: Vatican Media

Mill-ewwel ġurnata tal-pontifikat tiegħu nhar it-8 ta’ Mejju 2025, il-Papa Ljun XIV ħeġġeġ lil kulħadd biex iħabrek għall-paċi, liema paċi tiġi minn Kristu Rxoxt.

Minn dakinhar sal-lum, il-Papa qatt ma qata’ mill-appell tiegħu biex jieqfu l-gwerer kif ukoll sabiex tinkiseb il-paċi bejn il-popli. Minkejja li l-appelli tiegħu mhux dejjem ġew milqugħa tajjeb minn kulħadd, il-Papa dejjem wassal il-messaġġ ta’ Ġesù b’kull mod possibbli.

Il-Libreria Editrice Vaticana ppubblikat ktieb ġdid bl-isem Disarmed and Disarming: Peace is a Gift. Dan il-ktieb jiġbor fih id-diskorsi u l-messaġġi tal-paċi li l-Papa Ljun għamel mill-bidu tal-pontifikat tiegħu. Dan il-ktieb għandu introduzzjoni miktuba mill-Papa nnifsu li qatt ma ġiet ippubblikata qabel, u li fiha jagħmel referenza għad-diska ta’ Bob Dylan li wkoll qatt ma ħarġet għall-pubbliku Go Away You Bomb. Fid-daħla, il-Papa faħħar ukoll l-eżempju tal-Beatu Floribert Bwana Chui, u l-Qaddejja ta’ Alla Giorgio La Pira u Dorothy Day għall-mod ta’ kif ħadmu favur il-paċi.

Kontinwament, il-Papa Ljun XIV jisħaq li l-paċi fid-dinja ma tistax tinbena permezz tal-armi nukleari, iżda biss permezz tad-diżarm, tad-djalogu u tal-konverżjoni tal-qalb.

Fir-riflessjoni tiegħu, il-Qdusija Tiegħu fakkar li l-paċi mhijiex biss responsabbiltà tal-mexxejja tad-dinja, iżda tibda mill-ħajja ta’ kuljum ta’ kull persuna. Huwa jgħid li l-paċi tinbena permezz ta’ ġesti żgħar ta’ maħfra, rispett u solidarjetà fil-familji, fuq il-post tax-xogħol u fis-soċjetà.

Il-Papa jesprimi wkoll tħassib dwar iż-żieda fit-tiġrija għal iktar armamenti u jwissi li, fl-era nukleari, il-vera garanzija tal-paċi mhijiex il-qawwa militari iżda d-diżarm. Huwa jfakkar li d-dinjità tal-bniedem u l-ħarsien tal-ħajja għandhom jibqgħu fil-qalba ta’ kull deċiżjoni politika.

Huwa jappella biex il-bnedmin ma jaqtgħux qalbhom quddiem il-gwerer li għaddejjin fid-dinja u jħeġġeġ kemm lill-insara kif ukoll lill-persuni ta’ rieda tajba biex ikunu “bennejja tal-paċi”, filwaqt li jfakkar li l-imħabba u l-għoti tal-ħajja għall-oħrajn huma l-unika triq li twassal għal paċi dejjiema.

Sors: Newsbook Malta