
L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Żerriegħa tal-mustarda u ftit ħmira. Dawn isemmi Ġesù llum fl-Evanġelju, u jsemmihom bħala xbieha tas-Saltna tas-Smewwiet. Mal-ewwel tolqotna kemm jagħżel affarijiet żgħar, ordinarji, li soltu ma toqgħodx titkellem ħafna fuqhom. Żerriegħa tal-mustarda, kif jgħid Ġesù, “l-iżgħar waħda fost iż-żrieragħ kollha” (Mt 13:32), u n-nies li kienu qed jisimgħuh kienu jifhmu li hi verament żerriegħa żgħira; u l-istess meta jsemmi l-“ftit ħmira” (Mt 13:33).
X’inhu l-messaġġ li jrid iwassal Ġesù meta b’dawn iż-żewġ parabboli qosra? L-ewwel nett, meta jgħid “żerriegħa tal-mustarda”, qed jgħid kif Alla jaħdem permezz ta’ dak li hu żgħir, ta’ dak li hu ċkejken, ta’ dak li hu ftit; u bil-qawwa ta’ Alla dan, imbagħad, isir xi ħaġa kbira. Missirijiet tal-Knisja, fl-ewwel żminijiet, kienu japplikaw din għall-ħajja stess ta’ Ġesù. Għax Ġesù, twieled f’Betlehem, minn familja fqira, f’post fejn ma kienx jissemma, anke fl-inħawi, baqa’ f’din il-familja għal tletin sena, imbagħad ħareġ għall-ministeru tiegħu – tliet snin – u spiċċa msallab. Imma dik kienet bħal din iż-żerriegħa tal-mustarda li mbagħad tat ħajja ġdida, għax Ġesù qam mill-mewt, u bis-saħħa tal-qawmien mill-mewt u tal-inżul tal-Ispirtu s-Santu, lil-Knisja xterdet mad-dinja kollha. Hi bħal din iż-żerriegħa tal-mustarda li mbagħad “issir siġra hekk li l-għasafar tal-ajru jiġu jbejtu fil-friegħi tagħha” (Mt 13:32).
Naturalment, dak li kienu applikaw għal ħajja ta’ Ġesù, japplika wkoll għal kull wieħed u waħda minna fil-ħajja tagħna. Għax il-messaġġ li qed jagħti Ġesù hu: Alla hekk jaħdem fina. Aħna kultant ninġibdu b’affarijiet spettakolari, li jagħmlu ħafna ħoss, li jkunu kontinwament fl-aħbarijiet; imma Alla jaħdem l-aktar fl-affarijiet iż-żgħar ordinarji tal-ħajja ta’ kuljum. Hekk jaħdem fina, u hekk jaħdem ukoll permezz tagħna. Innutaw kemm affarijiet żgħar ikunu bħal diż-żerriegħa tal-mustarda li tikber u tħalli ħafna frott – per eżempju, kelma ta’ ġid, jew preżenza fejn xi ħadd marid jew marida, jew azzjoni ta’ mħabba, ta’ maħfra. Kultant huma affarijiet li jidhru żgħar, imma fil-fatt, permezz tagħhom, Alla jagħmel affarijiet kbar. Għalhekk il-messaġġ li jrid jagħtina hu dan: li aħna nagħrfu kif ngħixu l-ħajja tagħna b’mod li l-affarijiet iż-żgħar, ordinarji, nagħmluhom bl-akbar imħabba, u nħallu f’idejn il-Mulej biex minnhom joħroġ il-frott.
Anke meta jsemmi l-ftit ħmira. Li tolqtok fil-ħmira hi, kif jgħid fl-Evanġelju, li titħallat “ma’ tliet sigħan dqiq sa ma tkun għoliet l-għaġna kollha” (Mt 13:33). Il-ħmira taħdem minn ġewwa, tittrasforma minn ġewwa, b’mod li ma tibqax hi, ma tibqax tara l-ħmira, imma tkun għamlet il-ħidma tagħha. Hawn ukoll hu messaġġ għalina kif tassew ngħinu biex tikber is-Saltna ta’ Alla permezz ta’ trasformazzjoni minn ġewwa, ta’ bidla li nistgħu nagħmlu minn ġewwa. L-istess, b’affarijiet żgħar, ordinarji, imma meta aħna nagħżlu l-valuri li għallimna Ġesù, inkunu qed inġibu din it-trasformazzjoni minn ġewwa.
Hemm ħafna eżempji sbieħ. Ħaġa li tolqtok hi kif il-Knisja taħdem proprju b’dal-mod li qed jgħid Ġesù. Kultant issib min jgħid: imma l-Knisja x’qed tagħmel fuq din? U kif ma titkellimx fuq din? Imbagħad tirrealizza li l-Knisja tkun tkellmet qabel dan irrealizza; qabel qam hu filgħodu, tkun ilha li tkellmet, u tkun ilha li ħadmet f’dan il-qasam għal snin twal, qabel dan irrealizza. Kultant hekk jiġri – qisu għax il-bniedem jistenna xi ħaġa li tolqot l-għajn, li tagħmel ħafna storbju, li tkun fl-aħbarijiet. Il-Knisja, il-ħidma tagħha, hi kontinwament, kullimkien, f’kull komunità, minn nies li qed jgħixu tassew il-Kelma ta’ Alla, u jagħmlu ħafna ġid.
Illum nirringrazzjaw lil Alla li jurina li dan hu l-istil tiegħu, u li dan għandha jkun l-istil tagħna, ta’ kif naħdmu – bħal żerriegħa tal-mustarda, miżrugħa f’art tajba li tagħmel il-frott u tikber bħala siġra li tagħmel il-frott, u bħal ftit ħmira li ġġib bidla minn ġewwa, u bidla li tkun għall-ġid.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju




