
L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Għażiża Suor Melissa, ippermetili nindirizza lilek direttament. Inti għadek kemm urejt ix-xewqa tiegħek li minn idejn is-superjuri reliġjużi tiegħek tirċievi l-grazzja li tappartjeni lill-komunità tas-Sorijiet tal-Karità. L-impenn definittiv tiegħek qiegħed tagħtih f’din is-sena partikolari meta l-Kongregazzjoni tas-Sorijiet tal-Karità qiegħda tfakkar il-200 sena mill-mewt qaddisa tal-Fundatriċi u għalhekk nitolbok tingħaqad fl-ispirtu ta’ San Jeanne-Antide Thouret u tagħti ħajtek, kif tassew tixtieq għall-foqra.
Fid-dinja tal-lum hawn diversi kwalitajiet ta’ faqar. Imma forsi l-faqar l-iżjed profond huwa l-faqar ta’ min mingħalih għandu kollox u m’għandux bżonn lil Alla. Minn din il-knisja għażiża, San Ġorġ Preca minn jaf kemm-il darba tenna dik l-espressjoni li għallimna: ‘Sinjur Alla jiena għandi bżonnok.’ L-għotja tiegħek illum hija risposta elokwenti ta’ dan il-bżonn radikali, li mhux inti biss, imma l-umanità għandha l-bżonn radikali ta’ Alla.

Bil-professjoni perpetwa tiegħek kif tgħid il-liturġija sabiħa li ser niċċelebraw minn hawn u ftit mumenti oħra, inti tikkonferma l-wegħdiet tal-magħmudija u tgħix l-għaqda ma’ Kristu b’mod iżjed mill-qrib, waqt li timita lilu, l-Għarus ta’ ħajtek, u lil ommu Marija. L-istil ta’ ħajja li l-Knisja tinterpreta u tesprimi fil-voti tal-kastità, tal-ubbidjenza u tal-faqar. Il-ħajja tiegħek hija mod konkret ta’ kif inti tgħix il-faqar Evanġeliku, il-faqar fl-ispirtu. Il-Mulej jipprovdilek dejjem permezz tal-komunità. Tolqotni ħafna l-frażi li tgħidlek s-Superjura meta tikkonfermak fir-rieda tiegħek u tilqa’ l-professjoni perpetwa tiegħek meta tgħidlek ‘Inti mil-lum ’il quddiem, inti magħna f’kollox.’ U din it-totalità tfisser ukoll sejħa għall-karità mhux biss Evanġelika imma erojka. Infakkrek biss fil-frażi tal-qaddis Ġiżwita Ġiovanni Berchmans li fuq il-qabar tiegħu, San Injazju, għax hu midfun faċċata ta’ San Alwiġi Gonzaga, hemm miktub: Vita comunis maxima penitentia – Il-ħajja tal-komunità hija l-ikbar penitenza. Imma l-penitenza li tippurifika; il-penitenza li twassal għall-qdusija.
Il-Mulej permezz tal-komunità jsaffik u inti qies li tgħix il-vokazzjoni ta’ ismek, għax Melissa tfakkarna fl-għasel, fil-ħlewwa, fin-naħla. Tfakkarna wkoll fl-għerq tal-isem Grieg Melitae. Inti proprju tfajla rżina Maltija, Ħamruniża, li qed tingħata lil din il-komunità li f’Malta għamlet ħafna u ħafna ġid.

Is-Sorijiet tal-Karità dejjem sibnihom fejn kien hemm l-ikbar bżonn, fejn kien hemm l-ikbar tbatija. U jiena nawguralek li fejn tibgħatek l-ubbidjenza inti tkun espressjoni sabiħa tal-istil tal-Evanġelju, li kif kien iħobb jiddeskrivieh l-mibki Papa Franġisku huwa spirtu ta’ tenerezza, ta’ ħlewwa, ta’ kompassjoni u ta’ viċinanza. Il-Mulej iħaddnek mas-Salib ta’ Ġesù imma wkoll waqt dina t-tħaddina jagħtik il-ħlewwa tal-Irxoxt. Inti u tingħasar fil-magħsar tal-ubbidjenza qies li tingħaqad ma’ Ġesù l-għarus tiegħek imsallab u rxoxtat u li bħalu kull fejn tkun bil-ħlewwa mhux biss ta’ ismek imma wkoll ta’ ħajtek twassal il-fwieħa tiegħu li ġġib il-paċi fil-qalb.

Nawgurawlek!
Nitolbu għalik, u jien ir-ragħaj ta’ din id-djoċesi li qed tagħtik fiduċja b’ferħ lill-komunità reliġjuża li llum tappartjeni ġo fiha b’mod definittiv li aħna nagħtuk b’rigal u b’don; nitolbok titlob għalina.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Qari tal-quddiesa
Qari I: Mik 1: 4-9
Responsorju: Salm 12 (13): 4-6
Qari II: Rum 8: 28-30
L-Evanġelju: Mt 1: 1-16.18-23




