Ritratt: Ian Noel Pace – Arċidjoċesi ta’ Malta

Il-messaġġ tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

L-ewwel nett grazzi ħafna tal-preżenza tagħkom. Kif qal Andrew, għadni ġej minn Ruma, fejn għal ġimgħa sħiħa, aħna l-isqfijiet, il-presidenti tal-konferenzi episkopali tad-dinja kollha u l-patrijarki tal-Knejjes Orjentali, xi familji lajċi, u anke l-facilitators ovvjament, iddiskutejna r-realtà tal-familja 10 snin wara d-dokument tal-Papa Franġisku – Amoris laetitia.

Nixtieq naqsam magħkom din l-esperjenza b’mod qasir. Jiena ħriġt minn din il-ġimgħa intensa ħafna, b’din il-persważjoni: li għandna nagħmlu ħilitna kollha biex nerġgħu npoġġu l-familja fil-qalba tal-missjoni tal-Knisja. U qed ngħid hekk lil kull wieħed u waħda minnkom: nixtieqkom li fil-gruppi, fl-għaqdiet tagħna, nagħmlu ħilitna biex nivvalurizzaw ir-rwol tal-missier u tal-omm, jew tal-ġenitur, għax għandna familji wkoll b’ġenitur wieħed.

Irridu nsibu l-familja kif inhi, u mhux kif nixtiquha. Iltaqgħu mal-familja kif inhi! Fejn qiegħda fid-dinja tal-lum. Agħmlu ħilitkom biex il-familja tersaq lejn il-Mulej Ġesù, u mhux lejna. Ejjew ma naħlux enerġija, u nitolbu l-Mulej jinqeda bina, biex il-familja Maltija u Għawdxija tersaq lejn Ġesù – li Ġesù jkun iċ-ċentru tal-ħajja tagħha.

Ritratt: Ian Noel Pace – Arċidjoċesi ta’ Malta

Allura qed nitlob li l-familja tibqa’ tkun fekonda, li tkun imbierka bl-ulied. Il-ġenituri jsibu l-irwol tagħhom li jitqaddsu flimkien, bil-paċenzja li jieħdu b’xulxin; imma anke li jrabbu lil uliedhom fil-biża’ ta’ Alla. X’jiġifieri fil-biża’ ta’ Alla? Mhux twerwir ta’ Alla, imma li Alla ma jkunx ‘żero kbir’. Ftakru f’dak ir-raġel li waqqaf din is-soċjetà, li l-fdalijiet tiegħu qegħdin warajna; imma l-ispirtu tiegħu huwa magħna, fostna. U kienet toħroġ tnehida mill-qalb Dun Ġorġ: ‘għal ħafna nies, Alla huwa żero kbir’.

Imma t-talba li rridu nbiddlu, u li trid toħroġ minn qalbna hija talba oħra ta’ Dun Ġorġ: ‘Sinjur Alla, jiena għandi bżonnok’. Kemm għandha bżonnha din it-talba s-soċjetà Maltija; kull wieħed u waħda minna, il-familji tagħna, l-għaqdiet tagħna, meta ngħidu l-għaqdiet, iridu jkunu Kristo-ċentriċi.

Nirringrazzjak ta’ dik il-kelma sabiħa: li Kristu jkun fin-nofs: “fejn tnejn jew tlieta jkunu miġbura f’ismi hemm inkun f’nofshom” (Mt 18:20). Dik il-wegħda ta’ Ġesù ma tonqosx.

Ritratt: Ian Noel Pace – Arċidjoċesi ta’ Malta

Aħna bl-imħabba ta’ bejnietna, għax dak tfisser li tkun miġbur f’isem Ġesù – li tħobb tassew lil xulxin; li nikkwota l-motto tal-qaddis li se niċċelebraw għada San Ġwanni Pawlu II, li inti lil oħtok, lil ħuk tkun tista’ tgħidlu ‘totus tuus‘ (jiena kollni tiegħek). Din kienet l-ewwel kelma tal-konsagrazzjoni lill-Madonna skont San Luigi De Montforte: “Totus tuus ego sum, et omnia mea tua sunt” (jiena kollni tiegħek, Sultana u Omm tiegħi, u kulma għandi huwa tiegħek). Imma dawk iż-żewġ kelmiet: ‘kollni tiegħek’, ifhimhom fil-ħajja tal-familja, ifhimhom fil-ħajja tal-assoċjazzjonijiet tagħna: fejn aħna ningħataw lil xulxin, mingħajr pretensjoni, imma bi mħabba kbira.

Jiena nberikkom u nirringrazzjakom, u anke fuqkom nitlob il-barka tal-Ġenesi – li titkattru.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta