“Mara, int meħlusa mill-mard tiegħek” (Lq 13:12). Dan hu li Ġesù jgħid lil waħda mara li kienet fis-sinagoga waqt li kien qiegħed jgħallem. Ġesù ra li din il-mara kellha bżonn tfiq, u qalilha: “inti meħlusa mill-mard tiegħek” U qiegħed idejh fuqha u fejjaqha. Ħa nħarsu ftit lejn din il-ġrajja – lejn Ġesù, lejn din il-mara, kif ukoll ir-reazzjoni li kien hemm mill-kap tas-sinagoga u min-nies li kienu fis-sinagoga.
L-ewwel nett, x’naraw f’Ġesù? Qalb mimlija mħabba u kompassjoni. Dak il-kliem li smajna lil San Pawl jgħid fl-Ittra tiegħu lill-Efesin (ara Ef 4:32) – proprju Ġesù huwa l-ikbar eżempju tiegħu. Għaliex lil Ġesù dejjem hekk narawh, u f’din il-ġrajja kien qiegħed jgħallem fis-sinagoga; u l-Evanġelju jgħid li lemaħ lil waħda mara li kienet ilha tmintax-il sena marida. Filwaqt li f’okkażjonijiet oħra għandna n-nies li jmorru għand Ġesù jitolbuh biex ifejjaqhom, hawnhekk kien hu li, mingħajr ma l-mara talbitu, qalilha: “inti meħlusa mill-mard tiegħek”. Sejħilha u fejjaqha. Għaliex lil Ġesù dejjem narawh dak li jġib il-fejqan, dak li jġib il-ħelsien, dak li jagħti li jagħti tama ġdida, dak li jagħti ħajja ġdida. U hekk għamel hawnhekk, proprju f’din l-okkażjoni li kien qed jgħallem fis-sinagoga, imma kien hemm dan il-bżonn kbir tal-mara li kienet tant snin marida.
Ħa nħarsu ftit lejn din il-mara. Jolqotna l-fatt li kienet tbati daqshekk – tmintax-il sena sħaħ – u naturalment, mhux biss mill-marda tagħha imma minn dak li kienet tfisser li tkun marida b’dak il-mod, għaliex lanqas setgħet toqgħod dritta, jgħid l-Evanġelju, u xorta kienet hemmhekk fis-sinagoga. Din il-mara kellha din il-grazzja li tiltaqa’ ma’ Ġesù, li Ġesù jfejjaqha, jagħtiha ħajja ġdida. U x’kienet ir-reazzjoni tagħha? L-Evanġelju jgħid li din il-mara: “waqfet dritta u bdiet tfaħħar lil Alla” (Lq 13:13). Kemm hu sabiħ – tfaħħar lil Alla għal dak li għamel magħha! Din il-mara, li batiet tant, kif irċeviet din il-grazzja kbira, bdiet tfaħħar lil Alla.
Imma fis-sinagoga kien hemm ħaddieħor – kien hemm il-kap tas-sinagoga. U dan, minflok feraħ, minflok faħħar lil Alla, kellu “saħna fuqu għax Ġesù fejjaq f’Jum is-Sibt” (Lq 13:14). U qal lin-nies – ma żammhiex għalih jew f’qalbu – tistgħu tiġu f’sitt ijiem biex titfejqu imma mhux f’Jum is-Sibt. Dar-raġel, kap tas-sinagoga, lanqas fehem x’jiġifieri Jum is-Sibt. Għax Jum is-Sibt kien ifisser jum dedikat speċjali għal Alla, biex in-nies f’Jum is-Sibt lil Alla jfaħħruh u biex jiċċelebraw dak li Alla hu. X’hemm ċelebrazzjoni isbaħ mill-fejqan? X’hemm isbaħ milli turi kemm Alla jaħdem qalb il-poplu milli tara l-fejqan li Ġesù ġab lil din il-mara? Għalhekk, li kellu jgħid, hu: dan li qed naraw, dan il-fejqan hu l-isbaħ ċelebrazzjoni ta’ Jum is-Sibt. Mhux qed jikser Jum is-Sibt! Imma ara x’jiġrilek meta jkollok il-preġudizzju, meta ma tkunx kapaċi lanqas tara dak li hu sabiħ u tfaħħar lil Alla tiegħu, tara dak li hu pożittiv u tgħid: hawnhekk din hi l-ħidma ta’ Alla.
Nitolbuh lill-Mulej … biex qatt ma nintrikbu mill-preġudizzju, minn dak li jdallam lil moħħna u ma jħalliniex naraw ċar
Imma n-nies li kien hemm, ħafna minnhom ma mxewx fuq l-istess linja ta’ ħsieb tal-kap tas-sinagoga. L-Evanġelju jgħid, u hekk jispiċċa, li “n-nies ilkoll ferħu għal dawk l-għeġubijet kollha li kien qiegħed jagħmel” (Lq 13:17). U lilna dan hu li jgħallimna l-Evanġelju tal-lum: jurina li Ġesù dejjem jimpurtah minn kull bniedem, hu mimli mħabba u kompassjoni; li lilna jrid ukoll iwasslilna dak li f’ħajjitna jagħmlilna l-ġid, kultant il-fejqan, anke l-fejqan minn ġewwa, minn dak li jfixkilna; u li aħna għandu jkollna f’qalbna spirtu ta’ tifħir, ringrazzjament, nifirħu għal dak li Alla jagħmel magħna.
Nitolbuh lill-Mulej illum biex aħna jkollna dan l-ispirtu f’ħajjitna, u biex qatt ma nintrikbu mill-preġudizzju, minn dak li jdallam lil moħħna u ma jħalliniex naraw ċar – bħalma kien il-każ ta’ dal-kap tas-sinagoga; imma li aħna nagħrfu dak li Alla jagħmel magħna, u f’qalbna u fuq fommna dejjem ikun hemm it-tifħir lil Alla, li aħna nfaħħruh, li nirringrazzjawh, u nifirħu għal dak li hu jagħmel magħna.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju




