Fid‑dawl tad‑direttivi l‑ġodda maħruġa mill‑awtoritajiet tas‑saħħa, l‑Arċidjoċesi ta’ Malta qed tissospendi minnufih il‑laqgħat tal‑gruppi tagħha li jsiru b’mod fiżiku, inkluż is‑sessjonijiet ta’ katekeżi tat‑tfal. 

Filwaqt li tapprezza li għadd ta’ laqgħat diġà qed isiru online, l‑Arċidjoċesi tkompli tinkoraġġixxi biex, fejn hu possibbli, dawn l‑inizjattivi pastorali jkomplu b’mod virtwali. Din id‑direttiva terġa’ tiġi kkunsidrata wara l‑11 ta’ April li ġej.

Il‑Knisja tkompli tħeġġeġ biex nitolbu lil Alla għas‑saħħa tal‑poplu tagħna u biex nieħdu ħsieb xulxin billi nosservaw id‑direttivi għall‑ħarsien tas‑saħħa.