L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Jista’ wieħed jitlaq lil martu fuq xi ħaġa, tkun xi tkun?” (Mt 19:3). Din hija d-domanda li għamlu l-Fariżej lil Ġesù, kif naqraw fl-Evanġelju skont San Mattew, u din hija domanda li dak iż-żmien kienu jagħmluha għaliex kien hemm ideat differenti fost il-Lhud. Kien hemm min jgħid: iva, anke għal xi ħaġa żgħira, tista’ titlaq lil martek. U kien hemm min jgħid: le, għal xi ħaġa żgħira le, imma għal xi ħaġa kbira tista’ titlaq lil martek.

Imma Ġesù ma jweġibx għal din id-domanda billi jgħid jekk hix ħaġa żgħira jew ħaġa kbira li ġġagħlek imbagħad titlaq lil martek. Imma jmur lura għall-bidu, jiġifieri għall-pjan ta’ Alla – dak li Alla ried meta ħalaqhom “raġel u mara” (Mt 19:4) – u Ġesù jgħid: “Minħabba f’hekk li raġel iħalli lil missieru u ’l ommu, u jingħaqad ma’ martu, u t-tnejn isiru ġisem wieħed. Għalhekk mhumiex iżjed tnejn imma ġisem wieħed” (Mt 19:5-6). Imbagħad jgħid: “Dak li għaqqad Alla ma għandux jifirdu l-bniedem” (Mt 19:6).

Mela Ġesù qed jgħid: il-ħsieb ta’ Alla hu li raġel u mara, meta jingħaqdu flimkien fiż-żwieġ, isiru ħaġa waħda; u mhuwiex hekk għal ċertu perjodu, per eżempju għal ħames snin jew għal għaxar snin, imma jsiru ħaġa waħda għal ħajjithom kollha, għal dejjem. Dak hu l-ħsieb ta’ Alla. Għalhekk, mal-ewwel nindunaw li meta Ġesù qed jerġa’ jurihom x’inhu l-ħsieb ta’ Alla, qed jgħidilhom li ż-żwieġ mhuwiex sempliċiment kuntratt li forsi jkollu l-klawsola, imbagħad: jekk jiġri xi ħaġa, niftiehmu, u daqshekk. Iż-żwieġ hu ħafna aktar minn hekk fil-ħsieb ta’ Alla. Huwa patt, huwa għaqda sħiħa b’fedeltà għal dejjem. Nafu li dak kien il-messaġġ li Ġesù wassal b’mod ċar lin-nies, u l-ewwel Insara wkoll kienu jifhmu din il-vokazzjoni għall-ħajja taż-żwieġ. Għax, fil-fatt, meta tara xi tfisser, tinduna li hi sejħa – vokazzjoni minn Alla. Għalhekk għandha piż kbir. Dan mhux sempliċiment int, minn ħaġa għal oħra, tidħol għall-ħajja taż-żwieġ; imma, hi xi ħaġa serja, ta’ responsabbiltà, li titlob formazzjoni u li titlob preparazzjoni. U li hi xi ħaġa kbira f’għajnejn Alla, għax hija s-sejħa tiegħu.

Nafu li mhix faċli, u din jistgħu jgħiduha l-miżżewġin. Mhix faċli li tgħix iż-żwieġ kif inhu fil-ħsieb ta’ Alla. Jitlob attenzjoni, sagrifiċċju, sensittività, ġenerożità, paċenzja, kultant maħfra. Imma min jidħol għall-ħajja taż-żwieġ, kif qed jgħid Ġesù hawn, ma jistaqsix: x’se nieħu jien? Imma: kif se nagħti lili nnifsi? Dik l-imħabba kif urihielna Ġesù, li ma tfissirx li tfittex sempliċiment x’jaqbillek, x’tieħu int, x’se takkwista, imma kif se tagħti lilek innifsek, u kif tnejn jagħtu lilhom infushom lil xulxin. Għalhekk Ġesù jgħid: “dak li jgħaqqad Alla ma għandux jifirdu l-bniedem”. Issa aħna nafu li hemm ħafna sfidi għall-miżżewġin, u nafu li jeħtieġu ħafna l-għajnuna ta’ Alla. Għaliex biex tgħix iż-żwieġ, kif inhu fil-ħsieb ta’ Alla, trid l-għajnuna tiegħu. Trid li hu jagħtik id-dawl u l-qawwa biex tgħix tassew din is-sejħa għaż-żwieġ. Għalhekk il-Knisja tkompli twassal din il-verità, li hi: x’inhu l-ħsieb ta’ Alla għaż-żwieġ.

Ovvjament, meta l-Knisja twassal din il-verità, ma jfissirx li ma tagħtix każ dawk kollha li sabu diffikultajiet kbar fil-ħajja taż-żwieġ. Aħna nafu, meta nħarsu madwarna, kemm hawn nies li sabu diffikultajiet kbar. U minna jridu nies li jisimgħu lil min għaddej minn tbatija fil-ħajja taż-żwieġ, u li joffru għajnuna, appoġġ, mhux ġudizzju u kundanna. Speċjalment meta jkun hemm każijiet dolorużi ta’ nies li minħabba s-sitwazzjoni, ikollhom jisseparaw, minna jridu min jagħtihom appoġġ u għajnuna, u kompassjoni u mħabba. Aħna, bħala Knisja, inkomplu nwasslu dejjem il-verità kif inhi fil-ħsieb ta’ Alla, imma kif uriena Ġesù stess ukoll, irridu nuru mħabba kbira lejn min għaddej minn tbatija.

Għalhekk illum tajjeb li nitolbu għall-miżżewġin kollha, biex jgħixu b’fedeltà, b’ġenerożità, din is-sejħa li Alla għamlilhom; biex ifittxu l-għajnuna meta jkun hemm diffikultajiet li jinqalgħu; biex dejjem jaħdmu flimkien ħalli jsaħħu l-ħajja taż-żwieġ tagħhom. Nitolbu li aħna ngħinu lill-familji, li nkunu dejjem ta’ appoġġ għalihom, speċjalment għall-għaqda fi ħdan il-familji. U nitolbu wkoll għal dawk li għaddejjin minn żmien diffiċli, għal dawk li kellhom esperjenza qarsa u negattiva fil-ħajja taż-żwieġ tagħhom, biex fina jsibu nies mimlija kompassjoni li ngħinuhom, li nifhmuhom, li nagħtuhom l-għajnuna kollha li jeħtieġu fis-sitwazzjoni diffiċli tagħhom. Hu b’dal-mod li aħna nkunu qed ngħixu tassew din il-kelma ta’ Ġesù li jrid li aħna ngħixuha dejjem b’verita u b’imħabba sħiħa.

✠ Joseph Galea-Curmi 
    Auxiliary Bishop of Malta