L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Qamet kwestjoni bejn id-dixxipli dwar min kien l-akbar fosthom” (Lq 9:46). Hekk naqraw illum fl-Evanġelju skont San Luqa. Din il-kwestjoni kienet bejn id-dixxipli, imma Ġesù “għaraf x’kellhom f’moħħhom” (Lq 9:47).  Min jaf x’dispjaċir kellu! Għax jekk kien hemm xi ħaġa li ried kontinwament iwasslilhom lid-dixxipli tiegħu, hu li ma jfittxux min hu l-akbar, min hu superjuri, min jiddomina, imma li għandhom ifittxu li jservu, li jaqdu. U għalhekk, kif smajna proprju fl-Akklamazzjoni ta’ qabel l-Evanġelju, kien qalilhom: “Bin il-bniedem ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jaqdi, u biex jagħti ħajtu b’fidwa għall-kotra” (Mk 10:45).

Biex Ġesù jwasslilhom il-messaġġ, ressaq tifel żgħir lejh, u qalilhom: “Min jilqa’ lil dan it-tifel żgħir minħabba f’ismi, ikun jilqa’ lili; u min jilqa’ lili, ikun jilqa’ lil dak li bagħatni” (Lq 9:48). Issa aħna, meta naqraw din is-silta, ngħidu: ħaġa sabiħa li ħa tifel żgħir u wriehom lilu bħala eżempju ta’ kif huma għandhom jilqgħu lil kulħadd u għandhom jaqdu. Fil-fatt, fi żmien Ġesù, kien messaġġ aktar qawwi. Għaliex? Għax it-tfal dak iż-żmien kienu jħobbuhom, imma ma kellhomx xi sehem importanti. Kienu insinifikanti. Ħadd ma kien jiġih f’moħħu li jġib tifel żgħir bħala eżempju. It-tfal kienu hemm biex tgħallimhom, biex tgħidilhom x’għandhom jagħmlu, u huma jimxu skont dak li tgħidilhom. 

Imma Ġesù, meta għamel hekk, ried iwassal il-messaġġ. L-ewwel nett, li t-tfal għandhom sehem importanti. Qegħdin hemm biex ngħallmuhom, verament; imma anke biex nisimgħuhom, biex nakkumpanjawhom, biex nipproteġuhom. Kif Ġesù qal fuq it-tfal: “min jilqa’ lilhom, jilqa’ lili”. Għalhekk qed jgħid kemm aħna għandna nipproteġu lit-tfal minn kull abbuż għax, fuq l-istess kliem ta’ Ġesù, min jabbuża lilhom qed jagħmel l-ikbar offiża lilu, lil Alla. Ġesù ried iwasslilhom, permezz tat-tfal, proprju dan il-messaġġ: li fil-ħajja tal-komunita Nisranija, ma għandniex infittxu min hu l-akbar, min hu superjuri, min se jiddomina fuq l-oħrajn – kif kultant jiġrilna fil-kliem tagħna, jew anke fl-atteġġjament tagħna. Imma għandna nfittxu, bħal Ġesù, li naqdu, li nqiegħdu l-ewwel lil dawk li huma l-iżgħar, li huma l-aktar fil-bżonn, l-aktar vulnerabbli. Dawk għandhom ikunu fl-ewwel post – bħalma Ġesù wera, imbagħad, lid-dixxipli tiegħu meta, fl-Aħħar Ċena, niżel jaħsel saqajn id-dixxipli u qalilhom: Kif għamilt jien, hekk agħmlu intom ukoll (ara Ġw 13:15).

Hemm messaġġ ieħor importanti fl-Evanġelju llum, meta Ġesù jgħid lid-dixxipli: “min mhuwiex kontra tagħkom, huwa magħkom” (Lq 9:50). Għaliex qalilhom hekk? Għax kien hemm dik l-idea, u bħalma kien hemm dak iż-żmien teżisti wkoll fostna kultant, li aħna nifirdu n-nies: magħna – kontrina; dawk li jaħsbuha bħalna huma magħna, l-oħrajn huma kontrina. U meta jkollna din il-mentalità, naqraw kollox hekk. Allura jekk tgħid xi ħaġa, jgħidu: “fetaħ il-kanuni kontrihom, jew kontrih”. Għaliex? Għax għandek il-mentalità: aħna – huma, aħna kontra l-oħrajn, huma kontrina. Din hi mentalità li ma għandhiex teżisti fil-ħajja tal-komunità Nisranija. Kultant, ngħiduha kif inhi, anke fil-festi tagħna: dawn huma magħna, tal-partit tagħna, tal-banda tagħna, tal-għaqda tagħna; u dawk huma kontrina. Għalhekk mentalità li tifred. Imma Ġesù qed jgħid: ma nħarsux b’dal-mod lejn l-oħrajn. Aħna għandu jkollna dejjem qalbna miftuħa għal kulħadd. 

Il-Knisja hija miftuħa għal kulħadd. Issa jekk ikun hemm min iqiegħed lilu nnifsu kontriha – dik deċiżjoni tiegħu jew tagħha. Imma mhux aħna, mhux aħna nqisu lil ħaddieħor bħala xi għadu. Aħna qalbna miftuħa għal kulħadd. U hekk għandna nkunu fi kliemna, fl-imġiba tagħna, fl-attitudni tagħna, għaliex għalina ħadd ma nqisuh kontrina. Imma aħna nqisu lil kulħadd, bħalma Ġesù qal hawnhekk lid-dixxpli tiegħu, bħala parti mill-komunità, u qalbna għal kulħadd. 

Nitolbu lill-Mulej illum biex jgħinna ħalli dawn iż-żewġ tagħlimiet importanti jinżlu f’moħħna u f’qalbna: li aħna dejjem infittxu li nqiegħdu l-ewwel liż-żgħir, u li naqdu, mhux li niddominaw; u li qalbna tkun miftuħa għal kulħadd.

✠ Joseph Galea-Curmi 
    Auxiliary Bishop of Malta