Ritratt: Ian Noel Pace – Arċidjoċesi ta’ Malta

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

L-antifona għall-quddiesa tal-festa ta’ San Franġisk fil-missal Ruman tgħid hekk: Franġisku raġel ta’ Alla, telaq daru u ċaħad għall-wirt tiegħu, u sar fqir u nieqes minn kollox iżda ħadu miegħu l-Mulej.

Inġbarna hawnhekk bħala familja Franġiskana biex niċċelebraw dan il-mument meta l-Mulej jieħu miegħu lill-qaddej tiegħu Franġisku. Kien it-3 ta’ Ottubru 1226, tmien mitt sena ilu, u Franġisku li ltaqa’ mal-Mulej hu u jikkontempla l-kurċifiss ta’ San Damiano u jisma’ l-vuċi “Ibni l-knisja tiegħi”;  fl-aħħar mumenti ta’ ħajtu, reġa’ lura għall-vokazzjoni primordjali, oriġinali tiegħu. Quddiem l-Isqof ta’ Assisi, neża’ minn ħwejġu, b’fiduċja f’Alla l-missier li jlibbes il-ġilju tal-widien u jitma lill-għasafar tal-ajru. U fl-aħħar ta’ ħajtu ried jerġa’ lura lejn dik l-għera oriġinali, il-libsa tat-twelid tagħna meta noħorġu minn ġuf ommna, il-libsa li għażel hu biex jitwieled għall-ħajja ta’ dejjem.

Imma dak in-nhar l-għera tiegħu kixfet is-sinjal tas-Sultan, il-pjagi li l-Mulej għażel li jżejnu bihom, u jgħabbih bihom, fl-Averna. Wasal Santa Marija degli Angeli, sfinit, għajjien, bilkemm jara, u ppjagat. Meta nxteħet fuq l-art, bl-għajnuna ta’ sħabu, għeri, kif ġabitu ommu, kien xbieha ta’ Dak li fuq is-salib ta ħajtu għalina. Għax kif ngħidu fit-talba tal-offerti llum, is-super oblata, San Franġisk t’ Assisi ntrabat mal-misteru tas-salib bil-ħrara kollha ta’ qalbu. Il-leħen li sejjaħlu biex jibni l-knisja mill-ġdid, kien il-leħen tal-kurċifiss, ta’ Kristu Msallab, u Franġisku rrealizza li tibni l-knisja mhux biss ġebla fuq ġebla, imma bl-eżempju. Il-knisja tirringrazzja lil Alla, fil-liturġija tal-festa tiegħu għall-eżempju sabiħ ta’ faqar u umiltà. U f’dawn iż-żewġ premjijiet hemm is-sigriet tar-rilevanza perenni, imma b’mod speċjali, tar-rilevanza attwali ta’ San Franġisk.

Ritratt: Ian Noel Pace – Arċidjoċesi ta’ Malta

Il-faqar? Hawn xi ħadd jitħabat biex ikun fqir? Hawn xi ħadd, fis-soċjetà tagħna, li bħala għan ta’ ħajtu huwa li jgħix fqir? Il-valuri li tgħallem id-dinja ta’ madwarna, huma li iżjed ma jkollok, iżjed tkun, u din hija l-bluha li Francesco di Bernardone ċaħad, meta għadda mill-umiljazzjoni tal-priġunerija u tal-mard. Irrealizza l-frugħa u l-bluha tad-dinja, u li kien hemm reġina –  Donna Povertà, li seta’ jkun tassew il-qaddej tagħha, il-kavallier tagħha, billi jiritha, billi jsegwiha, għax waqt li jsegwiha kien qed jimita lill-

Mulej “li ma qagħadx iqis tiegħu li hu daqs Alla, imma tneżża’ minn kollox, iċċekken, obda sal-mewt, anzi sal-mewt tas-salib” ( Fil 2:8). Allura, f’dan il-faqar magħżul mhux b’sens negattiv, imma bħala programm ta’ ħajja, hemm ukoll l-eżempju tal-umiltà; għax il-faqar mhux it-tħaddim tal-miżerja, imma l-għażla ta’ ħajja sobrija, sempliċi, ferħana, libera – dan hu l-faqar.  Hija wkoll ħajja umli li tagħmel spazju għall-aħwa.

M’hemmx fraternità mingħajr umiltà. Aħna nafu li bl-eżempju ta’ San Franġisk, mhux biss inbniet il-knisja, imma wkoll tfarket is-saltna ta’ Satana, għax Satana huwa supperv, u l-umiltà tkexxkxu. Satana jċekkċkilna quddiemna t-tlellix tad-dinja, u l-faqar ibeżżgħu, bħalma jbeżżgħu l-misteru tal-inkarnazzjoni. Hekk ukoll ibeżżgħu l-impenn u tbeżżgħu l-għotja ta’ San Franġisk. Morru ippriedkaw, jekk hemm bżonn użaw ukoll il-kliem. U Franġisku kien jemmen li kull kelma trid tkun mirfuda mix-xhieda, u l-Mulej meta taħ id-don tal-pjagi u d-dulur u t-toqol li jinġieb magħhom, ried jagħti sinjal lill-knisja li f’dak il-qaddej, sab qaddej li sar jixbhu. Il-Papa Ljun, fl-ittra li bagħat lill-familja Franġiskana, fil-bidu ta’ din is-sena mqaddsa Franġiskana, sellem it-tranżitu qaddis ta’ San Franġisk bħala laqgħa ma’ oħtna l-mewt, kif isejħilha fil-Cantico delle Creature : Laudato sii, o mio signore, per nostra sora Morte corporale, dalla quale nessun uomo vivente può scappare ( Tkun imfaħħar,
Mulejja, f’oħtna l-mewt tal-ġisem,li minnha l-ebda ħaj ma jista’ jaħrab).

Ritratt: Ian Noel Pace – Arċidjoċesi ta’ Malta

Din oħtna il-mewt,li għalkemm, (intom tafu li jiena għandni din it-talba, ngħidlu:  “meta trid, imma m’iniex mgħaġġel”), se niltaqgħu magħha dejjem, xi darba, ma nistgħux naħarbuha, imma San Franġisk jilqa’ l-mewt bħala oħtu li tiftaħlu l-bieb għal-laqgħa tiegħu ma’ Ġesù: il-maħbub tiegħu, il-maħbub ta’ ħajtu. Il-Papa Ljun jagħmel din l-osservazjoni: “Franġisku mar jiltaqgħa mal-mewt jgħum fil-paċi … jgħum fil-paċi”. U f’dinja fejn il-kultura tistieden lill-anzjani tagħna, lill-morda terminali tagħna, mhux biex jaċċettaw il-mewt bħala oħthom, imma jipprovokawha, iġibuha b’idejhom; l-eżempju ta’ Franġisku jgħallimna: Ilqa’ lil oħtok il-mewt meta jasal il-mument, mimli paċi.

Xtaq li jisma’ r-rakkont tal-passjoni skont San Ġwann, u s-Salm 141, li huwa salm ta’ fiduċja totali fil-Mulej. U aħna nixtiequ nieħdu l-eżempju ta’ Franġisku u nitolbuh biex bħalu, mhux biss inħaddnu l-faqar u l-umiltà f’ħajjitna, imma ngħixuhom bħala preparazzjoni għal-laqgħa tagħna ma’ oħtna l-mewt, li tagħmel il-ħajja tagħna prezzjuża, bħala talba ta’ abbandun u ta’ fiduċja fil-Mulej.

 Nitolbu biex is-soċjetà tagħna, anki permezz tax-xhieda ta’ uliedu  spiritwali llum, tifhem li hemm valur kbir fis-sempliċità, fir-rispett lejn il-ħolqien, fl-imħabba għall-fqar, u li l-arroganza twassal għad-diżastru, l-umiltà hija oħt il-paċi.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Sir 50: 1, 3-7
Responsorju: Salm 15
Qari II: Gal 6: 14-18
L-Evanġelju: : Mt 11:25-30

Aktar ritratti