L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Telaq b’qalbu sewda” (Mt 19:22). Kemm tolqtok din li dan iż-żagħżugħ li ltaqa’ ma’ Ġesù, wara djalogu miegħu, jitlaq lura b’qalbu sewda! Mhix normali, għax in-nies meta ltaqgħu ma’ Ġesù, anke l-iktar nies li kienu batuti jew li kienu mbiegħda, midinbin, meta ltaqgħu ma’ Ġesù, ġabilhom il-paċi fil-qalb u telqu ferħana, telqu ħielsa.
Għaliex dan “telaq b’qalbu sewda”? Ħa nħarsu ftit lejn dan id-djalogu tiegħu ma’ Ġesù li, biex ngħid hekk, hu maqsum fi tnejn. Meta hu jistaqsieh “x’għandi nagħmel tajjeb biex nikseb il-ħajja ta’ dejjem?” (Mt 19:16), ir-risposta ta’ Ġesù hija ċara u tonda: “ħares il-kmandamenti” (Mt 19:17). U meta hu jistaqsieh “liema?”, Ġesù wkoll isemmi diversi mill-kmandamenti ta’ Alla. Mela l-ewwel messaġġ importanti li qed jagħti Ġesù hawnhekk lil dan iż-żagħżugħ, u lilna wkoll, huwa dak li l-ewwel inħarsu l-kmandamenti ta’ Alla. Għax il-kmandamenti ta’ Alla huma dawk li jgħinu biex aħna jkollna l-ħajja ta’ dejjem, u dawk li jgħinu biex fis-soċjetà n-nies jgħixu ta’ nies, u jkollna soċjetà tassew umana.
Fil-fatt, Ġesù jsemmi wħud mill-kmandamenti. Ikun tajjeb li aħna niftakruhom dawn, u kultant żmien anke nerġgħu naqrawhom. Ħa nsemmi eżempji milli qal Ġesù. “La toqtolx” (Mt 19:18) – Ġesù jgħid ċar u tond li l-kmandament ta’ Alla huwa “la toqtolx”. Il-Mulej ma qalilniex: staqsu lin-nies x’jaħsbu meta għandek toqtol, lil min għandek toqtol, f’liema ċirkustanzi tista’ toqtol. La toqtolx – ċar. Għalhekk, marbut ma’ dan il-kmandament, hemm ir-rispett lejn il-ħajja umana dejjem – mill-bidu nett tagħha, mit-tnissil, sat-tmiem naturali tagħha. Qed jgħid li ma hemmx ċirkustanzi meta aħna għandna nieħdu f’idejna d-deċiżjoni noqtlux jew le.
Jgħid: “la tisraqx” (Mt 19:18). Hawn huwa ċar ukoll: is-serq huwa dejjem ħażin. Kemm jekk isir bil-miftuħ, u tisma’ li daħlu f’dar u serqu oġġetti minn hemmhekk – xi ħaġa li dejjem jistħoqqilha kundanna kbira – imma anke meta jsir minn taħt, u ħadd ma jarah, u dak li hu ta’ ħaddieħor iġġibu lejk, u dak li hu tan-nies tagħmlu tiegħek. Jgħid Ġesù: “la tixhidx falz” (Mt 19:18). Isemmi hawnhekk li l-kelma tagħna għandha tkun dejjem vera, u qed isemmi b’mod partikulari wkoll il-ġurament falz. Jekk inti tieħu ġurament falz, qed tmur b’mod ċar kontra dan il-kmandament ta’ Alla.
Ġesù jsemmi diversi kmandamenti oħra biex ifakkarna li dak jiġi l-ewwel. Għaliex dawn il-kmandamenti huma dejjem x’ma għandekx tagħmel? Għax meta inti tara x’ma għandekx tagħmel, qed tħares il-libertà tiegħek u tal-oħrajn. U qed tagħti sehmek għal soċjetà li tkun tirrispetta tassew il-bniedem. Issa ż-żagħżugħ kien iħarishom dawn il-kmandamenti, imma xtaq xi ħaġa iżjed, u Ġesù ried jagħtih dak li xtaq. Imma dan iż-żagħżugħ kien “għani ħafna” (Mt 19:22) u ma kienx lest li jiddistakka ruħu mill-għana tiegħu. Ma kienx lest li jkun ġeneruż. Ġesù hekk xtaq minnu: li hu jkollu teżor, u t-teżor ikun li jimxi warajh, u Ġesù jkun it-teżor tiegħu. Imma dan kien marbut ma’ dak li kellu, u ma riedx iħalli dan. U għalhekk “telaq qalbu sewda”.
Il-messaġġ hu: il-ġid li għandek, il-proprjetà li għandek, il-flus li għandek mhux se jimlewlek qalbek u jagħtuk il-paċi. Sakemm huma mezzi li tużahom għall-ġid, u permezz tagħhom tgħin lil min hu fil-bżonn, iva. Imma jekk inti taħseb li iktar ma jkollok, iktar aħjar, iktar se tkun kuntent fil-ħajja, mhuwiex hekk. Qalbek sewda tkun, bħal dan iż-żagħżugħ. Għalhekk dan hu messaġġ importanti li jagħtina Ġesù: li aħna għandna nfittxu tassew dak li jimla lil qalbna, li huwa hu, Ġesù – il-paċi li jagħti hu, il-ferħ li jagħti hu. U dak jgħinna mbagħad biex nużaw tajjeb il-ġid li għandna, b’mod li qatt ma nitilfu l-ġid li jibqa’ għal dejjem.
Nitolbu lill-Mulej illum. L-ewwel nett, l-ewwel messaġġ li tana – li aħna nħarsu l-kmandamenti tiegħu, u li dawn jibqgħu dejjem f’qalbna u nħarsuhom b’imħabba kbira; mhux sempliċiment bħala obbligu, imma li nħarsuhom b’imħabba kbir. U li nfittxu tassew li nimlew qalbna mhux b’dak li għandna, imma nimlew qalbna bl-imħabba ta’ Alla, bil-paċi li jagħtina hu, bil-ferħ li jagħtina hu, li jgħallimna mbagħad nużaw tajjeb u b’mod ġeneruż il-ġid li hu jipprovdilna.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta




