L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Din il-mara hija omm; għandha tifla maħkuma mix-xitan, mill-ħażen; tifla li hija lsira tal-ħażen. Għalkemm mhijiex Lhudija, f’Ġesù għarfet lill-Mulej: “Ħenn għalija, Mulej” (Mt 15:22). Tirrikonoxxi li huwa Bin David, taf min hu, taf lil min qed titlob. Kull meta tkellmu, tkellmu b’umiltà kbira, imma wkoll b’għarfien kbir ta’ min qed titkellem miegħu – il-Mulej.
L-istint tagħha ta’ omm iġagħlha tippersisti u tinsisti, ma taqtax qalbha; bħalma, meta xi ħadd qed jitlob pjaċir għal xi ħadd ieħor, b’xi mod tagħmel wiċċek iżjed, għax mhux għalik qed titlob, imma għal uliedek. Aħna rridu nsellmu lil tant ġenituri li, kif jgħid il-Malti, “għat-tfal tagħmel kollox”. Għax l-istint li l-Mulej iqiegħed fina, li jqiegħed fil-missier u fl-omm, huwa istint tant qawwi.
U din il-mara, għalkemm taf li m’għandhiex dritt, għax mhijiex Lhudija, taf ukoll li, jekk hemm xi ħadd li jista’ jgħin lil bintha, huwa Ġesù. U tinsisti miegħu.
U Ġesù jagħmilha test. Forsi din il-paġna hija mument fejn Ġesù jittestja lil din il-mara forsi aktar minn qatt qabel. Għaliex l-ewwel risposta tiegħu għat-talba tal-mara hija s-silenzju: “Iżda hu ma weġibhiex kelma” (Mt 15:23).
Ħafna drabi aħna nikkonfrontaw ruħna meta niltaqgħu mas-silenzju tal-Mulej. “Għaliex mhux qed jismagħni? Ilni tant nitolbu! Donnu t-tarrax, ma jridx jismagħni l-Mulej.” Din kienet l-esperjenza wkoll ta’ din il-mara: is-silenzju tremend tal-Mulej. Aħna nkunu persważi li qed nitolbuh xi ħaġa tajba, u din il-mara żgur kienet qed titolbu xi ħaġa tajba: li t-tifla tagħha tinħeles mill-ħakma tax-xitan.

Id-dixxipli ma jafux x’se jaqbdu jagħmlu. Imma jixtiequ, almenu, jeħilsu minn din il-mara: “Eħles minnha, għax ġejja tgħajjat warajna” (Mt 15:23). Dan il-kumment tad-dixxipli jurina li din il-mara ma talbitx lill-Mulej bil-kalma biss, imma kienet insistenti ħafna.
U Ġesù jgħid xi ħaġa misterjuża ħafna. Dan il-mument tal-Evanġelju ta’ San Mattew jinsisti li Hu mibgħut, kif jgħid Hu stess, “għan-nagħaġ li ntilfu mid-dar ta’ Iżrael” (Mt 15:24). “Jiena ġejt mibgħut għall-poplu ta’ Alla, għax Alla wegħedhom is-salvazzjoni, wegħedhom Salvatur, u jiena rrid infittex in-nagħaġ il-mitlufa ta’ din id-dar ta’ Iżrael.”
San Pawl, fit-Tieni Qari li smajna llum, jgħid: dan huwa l-ġens tal-wegħda; imma jinsisti wkoll li Alla ddeċieda juri ħniena mhux biss mal-poplu li għażel, imma ma’ kulħadd.
U dan l-Evanġelju huwa konferma. Nistgħu ngħidu li f’din il-mara Kangħanija hemm aħna wkoll – il-ġnus li m’aħniex Lhud, imma li ltqajna ma’ Ġesù, u Hu rrisponda għat-talb tagħna fil-mument tiegħu, u ħelisna mill-ħakma tax-xitan.
Ġesù, kważi kważi, meta qiegħed jittestja lil din il-mara – ma ngħidx li jumiljaha – imma l-eżami li jagħmlilha huwa qawwi, fejn jgħidilha: “Mhux sew tieħu l-ħobż tal-ulied u tixħtu lill-ġriewi” (Mt 15:26).
U hi tgħidlu: “Hekk hu, Mulej, iżda l-ġriewi wkoll jieklu l-frak li jaqa’ minn fuq il-mejda ta’ sidienhom!” (Mt 15:27). “Iva, naċċetta, imma jiena lesta nieħu anke mill-loqom, mill-frak li jibqa’.” X’umiltà kbira!
Ġesù jittestja l-qalb ta’ din il-mara, jara l-persistenza tagħha, l-umiltà tagħha, u jagħraf il-fidi tagħha. Issa aħna, min jaf kemm għandna xewqat fil-qalb tagħna, min jaf kemm għandna ħolm, anke intom li għadkom tibdew il-ħajja. Min jaf kemm se tibdew titolbu lil Ġesù, ma tieqfu qatt; min jaf kemm tixtiequ titolbu għall-qraba li huma morda, għall-paċi fid-dinja, għall-ġustizzja.

U kultant inħossu li l-Mulej ma jismagħniex mill-ewwel. Ikun qed jittestjana xi ftit, irridu nammettu. Dan l-Evanġelju jagħmlilna kuraġġ biex ma naqtgħux qalbna, u nafdaw ukoll fih, li fil-mument tiegħu se jagħtina dak li hu tassew ta’ ġid għalina.
Ħafna drabi aħna nitolbu xi ħaġa, xi ħolma straordinarja li ma tkunx ta’ ġid għalina, imma aħna nkunu persważi li l-Mulej għandu qalbu iebsa magħna, għax ma taniex dak li nixtiequ. Imbagħad jasal il-mument li tgħid: “Imnalla! Imnalla!”
Kemm hi ħaġa sabiħa li aħna u nitolbu, nitolbu l-ewwelnett mingħajr ma naqtgħu qalbna; nitolbu b’umiltà u b’fiduċja kbira. U ma niddejqux ngħidulu: “Jekk mhux se tagħtini l-main course, almenu agħtini xi loqma, nkun kuntent xorta.”
“Mara, kbira hija l-fidi tiegħek! Ħa jsirlek kif tixtieq” (Mt 15:28).
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Qari tal-Quddiesa
Qari I: Iż 56, 1.6-7
Responsorju: 66 (67), 2-3,5.6.8
Qari II: Rum 11, 13-15,29-32
L-Evanġelju: Mt 15:21-28

Ritratt: L-Arċidjoċesi ta’ Malta – Ian Noel Pace




