L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Huwa Ġesù stess fl-Evanġelju li għadna kemm smajna llum li jwassalna biex nifhmu t-tifsira profonda ta’ dak il-ġest li smajna dwaru fl-ewwel qari (Num 21:4-9): Mosè jitlob lil Alla biex jeħles lill-poplu mill-gidma velenuża tas-serp. Lil Mosè, Alla jissuġġerilu jagħmel serp tal-bronż, jarbulah u kull min iħares lejh ifiq u b’hekk is-serp tal-bronż jintrefa’ u jsir mezz ta’ fejqan u salvazzjoni. 

Fl-Evanġelju Ġesù jgħid li bħalma Mosè għolla s-serp fid-deżert, hekk jeħtieġ li Bin il-Bniedem jintrefa’ biex ikun ta’ salvazzoni, kull min iħares lejh b’fidi, b’imħabba, b’tama, ifiq (ara Ġw 3: 14-15). Mela Ġesù stess qed japplika għalih innifsu t-tixbiha tas-serp tal-bronż li jġib il-fejqan. Bħal-lum, fil-festa tal-Eżaltazzjoni, il-Knisja tagħżel dan il-qari dwar l-irfiegħ ’il fuq tal-kurċifiss, tas-salib imqaddes, propju biex tfakkarna li s-salib imqaddes huwa għalina għajn ta’ faraġ, għajn ta’ tama, għajn ta’ fejqan, għajn ta’ salvazzjoni.

Wara kollox, dak li kien strument ta’ tortura ħarxa isir għalina sinjal u balzmu ta’ faraġ u ta’ paċi. X’misteru kbir! Alla jbiddel il-ħażen tal-bniedem f’għajn ta’ ġid. Jekk għandna xi dubju dwar din il-ħaġa, biżżejjed inħarsu lejn Ġesù msallab. Il-kefrija tal-bnedmin, id-dnub ta’ kull wieħed u waħda minna, iwasslu lil Ġesù biex jobdi lill-Missier sal-mewt, anzi sal-mewt tas-salib (Fil 2:8). U Alla jbiddel il-kefrija, id-dnub u n-nuqqas tal-imħabba tagħna f’għajn ta’ tama, għajn tnixxi ilma safi ta’ tisfija u fejqan. Mhux ta’ b’xejn insellmu lill-Mulej bit-talba sabiħa: ‘Nadurawk, o Ġesù, u nberkuk, għax b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna’.

Ġesù jitkellem ukoll fuq is-salib meta jispjegalna kif għandna bżonn nimxu warajh. “Min irid jimxi warajja, irid jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu kuljum u jimxi warajja” (Mk 8:34). Imma x’jiġifieri terfa’ salibek? Ifisser li titgħallem tieħu paċenzja bil-limiti kollha u bis-sitwazzjonijiet diffiċli li tippreżentalek il-ħajja ta’ kuljum. Ma qalx biex nefgħu salibna darba iva u darba le’, imma “jerfa’ salibu kuljum”. Kuljum se nsibu xi kontrattemp. Kuljum qalbna forsi tingħafas b’xi weġgħa li diffiċli ninsewha jew tgħaddi. Qalbna kuljum tirrealizza kemm għad baqalna x’nitgħallmu fit-triq tal-imħabba. Kuljum!

Kuljum il-Mulej ifakkarna li s-salib li tela’ fuqu — għax tellajnieh aħna — għalih kienet li jtemm ir-rieda ta’ Missieru li jħobb b’mod straordinarjament kbir, infinit ngħidu aħna. Imma dik l-għanja tal-imħabba li l-Mulej jgħanni minn fuq is-salib, is-salib tad-dulur tiegħu, il-magħmudija tal-kefrija li ma ċaħadhiex imma aċċettaha minn idejn Missieru, ‘dak il-kalċi tal-morr’ kif kien iħobb isejjaħlu San Ġorġ Preca, tgħallimna il-kejl tal-imħabba.

Qed niftakar f’sitwazzjonijiet diffiċli fil-familji fejn hemm il-mard, il-qtiegħ il-qalb, fejn hemm il-weġgħa. Kultant tgħejja. Kemm se ndum inbati? Kemm se ndum inġarrab din is-sitwazzjoni? Meta ngħejjew inħobbu niftakru fil-Mulej li rxoxta mit-triq tas-salib. Il-Mulej ikun il-faraġ, id-dawl u l-paċi ta’ qalbna.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Num 21:4b-9
Salm: 77, 1-2, 34-38
Qari II: Fil 2:6-11
Evanġelju: Ġw 3:14-17

Aktar ritratti >>