
L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Ibqa’ magħna” (Lq 24:29). Dan huwa l-kliem li jgħidu lil Ġesù d-dixxipli li kienu mexjin lejn Għemmaws, kif smajna fl-Evanġelju. U Ġesù laqa’ t-talba tagħhom, u baqa’; anke meta ma baqgħux jarawh, baqa’ fosthom bi preżenza speċjali.
Illum din iċ-ċelebrazzjoni flimkien fil-knisja parrokkjali ta’ Ħal Għaxaq mhijiex biex niċċelebraw sempliċement anniversarju, imma hija storja ta’ grazzja: 400 sena ta’ preżenza ta’ Alla fost il-poplu tiegħu. Din il-knisja parrokkjali ta’ Ħal Għaxaq saret dar għal tant ġenerazzjonijiet li hawnhekk sabu lil Alla, laqgħuh, tkellmu miegħu, u ħallewh ibiddel ħajjithom.
Erba’ sekli huma żmien twil. U madankollu, fil-fond, hemm ħaġa waħda li qatt ma nbidlet: il-fedeltà ta’ Alla. In-nies inbidlu, iż-żminijiet inbidlu, imma Alla baqa’ l-istess, dejjem preżenti, dejjem jaħdem. Din il-parroċċa rat kollox: ferħ u niket, bidu u tmiem, tama u biża’. Imma fuq kollox rat lil Alla jaħdem fis-skiet, fil-qalb tan-nies. Baqa’ dejjem iwieġeb għat-talba “Ibqa’ magħna”.
U għalhekk illum, bħala komunità, nieqfu u niftakru. Inħarsu lura mhux biex nibqgħu mwaħħlin fil-passat, b’sens ta’ nostalġija, imma biex nagħrfu kemm Alla kien kbir magħna.
Inħarsu lura bi gratitudni
Illum hija ġurnata ta’ ringrazzjament profond. Mhux biss bil-kliem, imma b’atteġġjament tal-qalb.
Nirringrazzjaw lil Alla għal dawk kollha li għaddew minn din il-parroċċa u li b’ħajjithom bnewha. Mhux biss il-bennejja tal-ġebel, u dawk li sebbħu din il-knisja b’opri sbieħ ta’ arti, imma dawk li bnew komunità ta’ fidi: ġenituri li għallmu lil uliedhom jitolbu u jgħixu l-ħajja Nisranija; kappillani u saċerdoti li taw ħajjithom għas-servizz – u fostna hawn preżenti wħud li kienu kappillani ta’ din il-parroċċa, u saċerdoti li taw jew qed jagħtu servizz f’din il-komunità; reliġjużi li xandru l-imħabba ta’ Alla; lajċi li servew b’ġenerożità kbira. Kemm stejjer moħbija hemm wara dawn il-ħitan! Kemm talb li qatt ma deher fil-beraħ! Kemm sagrifiċċji li ħadd ma ra ħlief il-Mulej!
Il-gratitudni tiftaħ għajnejna biex naraw li xejn minn dan ma kien kumbinazzjoni. Kollox kien parti minn storja akbar, storja li Alla nnifsu kiteb flimkien mal-poplu tiegħu. U din il-gratitudni tagħtina wkoll fiduċja: jekk Alla mexa ma’ dan il-poplu għal 400 sena, se jibqa’ jimxi magħna llum u għada.

Magħqudin taħt il-ħarsien ta’ Marija u Ġużeppi
Din il-parroċċa għandha identità sabiħa u profonda: hija mqiegħda taħt il-ħarsien tal-Assunta, Marija mtellgħa s-sema; u fl-istess ħin tagħti ġieħ speċjali lil San Ġużepp.
F’Marija Assunta naraw il-milja tal-wegħda ta’ Alla: Marija, bniedma bħalna, li waslet għall-glorja. Hi tfakkarna li l-mixja tagħna għandha destin sabiħ: il-ħajja ma tispiċċax hawn, imma tinfetaħ għall-eternità.
F’San Ġużepp naraw il-qdusija tal-ħajja ta’ kuljum. Raġel sempliċi, fidil, li ma kellux bżonn kliem kbir biex jagħmel ir-rieda ta’ Alla. Huwa jgħallimna li l-kobor jinsab fil-fedeltà żgħira ta’ kuljum.
Marija u Ġużeppi qatt ma nfirdu. Kienu dejjem flimkien, u jifirħu fil-preżenza ta’ xulxin u ta’ Ġesù. Min jifridhom ikun għadu ma fehem xejn! Huma magħqudin, u hekk jibqgħu anke fi żminijietna.
Flimkien, Marija u Ġużeppi juruna x’inhi familja mibnija fuq Alla, x’inhi komunità li taf tisma’, taf tafda, u taf timxi anke meta t-triq mhix ċara. U dan huwa messaġġ qawwi għalina llum: parroċċa ma tistax tkun mifruda, maqsuma, jew magħluqa fi gruppi żgħar.
Aħna msejħin inkunu familja waħda. L-għaqda ma tfissirx li naħsbu l-istess fuq kollox, imma li nagħżlu l-imħabba fuq kollox. Li nagħżlu li nibqgħu flimkien, li nitgħallmu nifirħu flimkien, li naħfru, li nibnu pontijiet fejn faċli nibnu ħitan. Meta parroċċa tkun magħquda, issir sinjal qawwi fis-soċjetà. Issir xhieda li l-imħabba hi possibbli.
Parroċċa li tħares ’il quddiem b’viżjoni
Illum mhux biss jum ta’ tifkira, imma wkoll jum ta’ mistoqsija. Alla llum qed jistaqsina: U issa, x’se tagħmlu b’dak li rċevejtu?
Ma nistgħux nibqgħu biss nippreservaw il-passat. Il-ħarsien tal-patrimonju hu dejjem importanti u responsabbiltà tagħna llum, imma rridu niftakru li l-fidi mhix mużew tal-istorja. Il-parroċċa, fil-ħidma pastorali tagħha, mhix post fejn inżommu dak li kien “għax dejjem hekk sar”, imma fejn niskopru dak li Alla għadu jrid jagħmel illum u fiż-żmien li ġej.
Dan jitlob minna kuraġġ. Jitlob minna li noħorġu mill-kumdità, li niftħu qalbna għal ideat ġodda, li nisimgħu dak li l-Ispirtu qed jgħid lill-Knisja llum. Jitlob minna li jkollna viżjoni li naraw aktar ’il bogħod minn dak li jidher, li nemmnu li Alla għadu kapaċi jagħmel affarijiet ġodda f’din il-komunità.
Parroċċa missjunarja
Jekk din il-parroċċa trid tkun fidila għall-vokazzjoni tagħha, trid tkun parroċċa li toħroġ ’il barra. Parroċċa li tħares biss lejn ġewwa tmut bil-mod il-mod. Parroċċa li toħroġ, li tiltaqa’, li tilqa’, issir ħajja.
Aħna msejħin inkunu Knisja li tilqa’ lil min iħossu mitluf, tisma’ lil min hu waħdu jew waħedha, tersaq lejn min jinsab fil-periferiji tal-ħajja, u twassal kelma ta’ tama lil min tilef it-tama. Dan jitlob ukoll kreattività. L-Evanġelju hu dejjem l-istess, imma l-mod kif inwassluh irid ikun ħaj, frisk, u adattat għaż-żminijiet tagħna.
L-Ispirtu s-Santu qed jaħdem, u naf li hawn din iż-żerriegħa tiegħu preżenti u mifruxa fil-komunità. L-istedina li jagħmel lilna l-Ispirtu ta’ Alla hu biex nikkoperaw miegħu, u b’kuraġġ nagħrfu dak li Alla qed jistedinna għalih.
Il-futur jibda llum
Il-futur ta’ din il-parroċċa mhuwiex xi ħaġa astratta, xi ħaġa fl-ajru. Għandu wiċċ: huwa wiċċkom. Intom illum responsabbli biex din l-istorja tkompli. Intom il-ġenerazzjoni li se tħalli wirt lill-oħrajn.
Il-futur jibda bl-għażliet żgħar ta’ kuljum: kif titkellmu ma’ xulxin, kif tilqgħu lil xulxin, kif taħdmu b’rispett, kif taqdu, kif tħobbu, kif tkunu flimkien magħquda ma’ Ġesù. Nitolbu lill-Mulej biex il-wirt li tħallu jkun wirt ta’ parroċċa ħajja, parroċċa magħquda, parroċċa fejn issaltan l-imħabba.
Nimxu flimkien lejn il-glorja
Ħuti, taħt il-ħarsien tal-Madonna, li diġà waslet fil-glorja, u bl-eżempju qawwi u kwiet ta’ San Ġużepp, li dejjem imsieħeb magħha, ejjew nimpenjaw ruħna mill-ġdid: li nkunu parroċċa ta’ qalb grata, parroċċa magħquda, parroċċa li tħares ’il quddiem b’fidi, u parroċċa li toħroġ b’kuraġġ biex twassal lill-oħrajn għand Kristu.
Jalla din iċ-ċelebrazzjoni, li hi tifkira sabiħa tal-passat, titfa’ wkoll il-ħarsa tagħna ’l quddiem. Jalla minn qalb din il-komunità, illum, titla’ “iva” ġdida lil Alla, iva mimlija fiduċja, mimlija tama, iva li tiftaħ triq għall-futur.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta




