L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Żgur li jolqotna l-kuntrast li Ġesù jagħmel fil-bidu ta’ din is-silta, minn San Ġwann, bejn ragħaj tajjeb u mikri – xi ħadd li jikruh biex jieħu ħsieb in-ngħaġ li mhumiex tiegħu. U hawnhekk Ġesù qed jagħmel id-differenza għaliex hu qal: “Jiena r-ragħaj it-tajjeb” (Ġw 10:11). 

X’differenza jagħmel Ġesù? Prinċipalment hija li r-ragħaj tajjeb in-ngħaġ huma tiegħu, u l-interess tar-ragħaj huwa huma, li jieħu ħsiebhom, li jikkurahom, li jħarishom, li jipproteġihom. Min hu “mikri”, jgħid Ġesù, “in-ngħaġ mhumiex tiegħu” (Ġw 10:12) – u qed jitkellem fuq nies li, f’dal-każ, l-interess tagħhom mhuwiex in-ngħaġ imma huma nfushom. Anzi, lesti li jinqdew bin-ngħaġ għall-interess tagħhom. Għalhekk qed jgħid li, jekk ikun il-każ, u n-ngħaġ ikollhom bżonn li jkunu protetti, min hu mikri u n-ngħaġ mhumiex tiegħu, jaħrab, u n-ngħaġ jispiċċaw vittmi.

Did-differenza li jagħmel Ġesù bejn ragħaj tajjeb u xi ħadd li hu mikri, u li għandu l-interess tiegħu mhux tan-ngħaġ, jagħmilha apposta biex joħroġ aktar ċar li hu r-ragħaj it-tajjeb. Nafu kemm dan li jgħid Ġesù hawnhekk mhux qalu biss, imma għexu, għax il-ħajja kollha tiegħu kienet hekk: l-interess tiegħu ma kienx hu nnifsu imma n-nies: ġie biex jagħti ħajtu. Jekk hemm espressjoni fl-Evanġelju tal-lum ripetuta kontinwament hija dan: “Jiena nagħti ħajti” (Ġw 10:17; ara 10:11.15.18). Ġesù qed jgħid: dak hu r-ragħaj it-tajjeb, li jagħti ħajtu. Kif nafu, jagħti ħajtu speċjalment fil-passjoni u l-mewt tiegħu, imma ħajtu kollha kienet għotja, kienet l-għotja sabiħa għall-ġid tan-nies.

Għalhekk, jagħmel tajjeb li aħna llum inħarsu lejn il-Mulej bħala r-ragħaj it-tajjeb tagħna. Dan ifisser li, min-naħa tagħna, aħna għandna għażla kontinwament bejn li nimxu warajh jew li nitbiegħdu minnu. Jew li nimxu wara vuċijiet oħra. Aħna ngħixu fi żmien fejn nistgħu nisimgħu ħafna vuċijiet li lilna jgħidulna kif għandna ngħixu jew x’l-aħjar nagħmlu, u ħafna nies li jkunu mexxejja f’oqsma differenti. L-importanti hu li dejjem nimxu wara Ġesù, ir-ragħaj it-tajjeb tagħna, u jkun hu l-kejl ta’ dak li nisimgħu mingħand ħaddieħor, ta’ x’għandna nagħżlu fil-ħajja tagħna. Nafu li jekk aħna nagħżlu lilu bħala r-ragħaj it-tajjeb tagħna, aħna mexjin fid-direzzjoni t-tajba, aħna mexjin fit-triq tas-sewwa. Mentri jekk leħnu jintefa b’vuċijiet oħra, u nisimgħu u nimxu wara vuċijiet oħra, jekk ikunu jbegħduna minnu, imbagħad nafu li mexjin fi triq żbaljata.

Ġesù jgħid ħaġa sabiħa oħra mal-ħafna affarijiet sbieħ li jgħid f’din is-silta, meta jgħid: “Għandi wkoll ngħaġ oħra li mhumiex minn dan il-maqjel; lilhom ukoll jeħtieġ li niġbor, u huma jisimgħu leħni, u jkun hemm merħla waħda, ragħaj wieħed” (Ġw 10:16). Ġesù qed jitkellem fuq min mhuwiex parti minn din il-komunità li hija l-Knisja, imma qed jgħid li l-interess tiegħu hu kull bniedem, kull persuna, anke min mhuwiex parti, anke min tbiegħed. Dan juri kemm Ġesù għandu dejjem dan is-sens missjunarju – jiġifieri, li jħares ’il barra, li jiltaqa’ man-nies, ħalli lilhom ukoll iwassal is-salvazzjoni. Li jgħid hawn jgħodd ħafna wkoll għalina, għal kull wieħed u minna, li aħna dixxipli tiegħu – li għandu jkollna dejjem f’qalbna lil kulħadd, anke dawk li mhumiex parti mill-komunità tagħna, jew li b’xi mod jew ieħor tbiegħdu. Aħna nafu li l-figura tar-ragħaj it-tajjeb hi magħquda mar-ragħaj li jfittex in-nagħġa l-mitlufa, biex jerġa’ jdaħħalha lura fil-komunità. Dan hu wkoll li għandu jkollna f’qalbna dejjem: aħna li nagħżlu lil Ġesù bħala r-ragħaj it-tajjeb tagħna, u bħalu jkollna f’qalbna lil kulħadd, il-ġid ta’ kulħadd, anke ta’ dawk li huma mbegħdin, biex inressquhom dejjem lejn Ġesù, ir-ragħaj it-tajjeb.

Ħa nagħmlu din it-talba llum fil-quddiesa: Mulej, kun int ir-ragħaj it-tajjeb tagħna, u għinna biex f’qalbna jkollna l-istess spirtu tiegħek ma’ kulħadd – jiġifieri, li ngħinu lil kulħadd biex jersaq lejk, ħalli fih isib tassew il-ħajja.

✠ Joseph Galea-Curmi 
    Auxiliary Bishop of Malta