Fuq talba tal‑Isqfijiet ta’ Malta u Għawdex, Caritas Malta f’kollaborazzjoni ma’ Caritas Internationalis qed tappella għad‑donazzjonijiet ta’ flus b’risq il‑poplu tal‑Afganistan u dak tal-Ħaiti, li qed ibatu minħabba ċirkustanzi li għaddej minnhom pajjiżhom. F’dawn iż‑żewġ pajjiżi għadd kbir ta’ persuni qed jgħaddu minn ħafna tbatija u biża’ wara li tilfu djarhom u spiċċaw mingħajr ikel u affarijiet bażiċi sanitarji fost diffikultajiet oħra.
Fl‑Afganistan, eluf ta’ persuni qed jippruvaw jaħarbu minn pajjiżhom wara li t‑Talibani reġgħu ħadu kontroll tal‑pajjiż. In‑Nazzjonijiet Magħquda għamlu appell u talbu lill‑pajjiżi ġirien biex iħallu l‑fruntieri miftuħa. Huwa mbassar li madwar nofs miljun Afgan, inkluż nisa u tfal, se jaħarbu lejn dawn il‑pajjiżi sal‑aħħar tas‑sena.
Fl‑14 ta’ Awwissu, il‑Ħaiti ntlaqat minn terremot b’qawwa ta’ 7.2 li ħalla madwar 2,200 persuna mejta u aktar minn 12,000 ruħ midruba. Mal‑130,000 dar inqerdu filwaqt li 24,400 persuna kellhom jiġu trasferiti biex jingħataw kenn f’postijiet oħra. Huwa stmat li madwar 650,000 persuna jeħtieġu assistenza umanitarja.
Caritas Malta qed tappella għall‑ġbir ta’ donazzjonijiet biex permezz ta’ Caritas Internationalis tingħata l‑assistenza tant meħtieġa f’dawn il‑pajjiżi.
Min jixtieq jagħti donazzjoni jista’ jibgħat ċekk pagabbli lill‑Fondazzjoni Caritas Malta – Emergency Aid Fund, indirizzat: Caritas Community Centre, Emergency Aid Commission, Triq Mountbatten, il‑Ħamrun, ĦMR 1577.
Id‑donazzjonijiet ta’ flus jistgħu jitwasslu personalment fil‑Caritas Community Centre, Triq Mountbatten, il‑Ħamrun, jew jingħataw ukoll lill‑kappillani fil‑parroċċi biex jgħadduhom lil Caritas Malta.
Jistgħu jiġu depożitati wkoll donazzjonijiet ta’ flus f’dawn il‑kontijiet bankarji:
HSBC MT22MMEB44897000000089021513051
BOV MT78VALL22013000000040023270071
APS MT31APSB77046000489010489011015
Il‑Papa Franġisku stess, ftit tal‑jiem ilu, talab għad‑djalogu u l‑paċi fl‑Afganistan, u appella għas‑solidarjetà mal‑vittmi tat‑terremot f’Ħaiti. L‑Arċisqof Charles Scicluna, l‑Isqof Awżiljarju Joseph Galea‑Curmi u l‑Isqof Anton Teuma jingħaqdu mal‑Papa u jitolbu lill‑Insara Maltin biex filwaqt li jitolbu għall‑poplu Afgan u dak tal-Ħaiti, ikunu ġenerużi bid‑donazzjonijiet tagħhom b’risq dawk li qed ibatu.
Min jixtieq iktar informazzjoni dwar din l-inizjattiva jista’ jċempel fuq 22199000.