L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Qegħdin fi żmien li mhux daqshekk diffiċli li nifhmu dak li kien hemm fit-Testment il-Qadim: “Għajn b’għajn u sinna b’sinna” (Mt 5:38). Kultant meta tismagħha, tieħu l-impressjoni li int għandek tivvendika ruħek, imma meta din daħlet fit-Testment il-Qadim, ma daħlitx biex tħeġġeġ lin-nies jivvendikaw ruħhom, imma daħlet bħala restrizzjoni. Fil-fatt, insibu fil-ktieb tal-Eżodu: “int tħallas ħajja b’ħajja, għajn b’għajn, sinna b’sinna, id b’id, riġel b’riġel, dabra b’dabra, ġerħa b’ġerħa, tbenġila bi tbenġila” (Eżodu 21:23-26). U l-ħsieb kien dak iż-żmien biex in-nies, li kienu mdorrijin jissieltu u jkunu f’ konflitt, fi gwerer u fi ġlied, meta jirreaġixxu ma jkunux qegħdin: għal ħaġa li bniedem jagħmillek, tagħmillu għaxra; jekk kissirlek sinna, int tkissirlu x-xedaq; jekk weġġgħek b’xi mod, tweġġagħlu l-familja.
L-idea dak iż-żmien kienet hekk: ta’ restrizzjoni. U nifhmuha llum, għax illum, meta nħarsu madwarna fil-konflitti u l-gwerer, naraw kemm proprju ma jsirx hekk. Illum min imexxi kultant jirraġuna: jekk kissruli bini, jien neqred belt; jekk għamluli ħsara, jien neqred ċiviltà. Dan hu l-kliem li kultant jgħidu mexxejja llum f’dawn il-gwerer li hawn. Għalhekk nifhmu x’jiġifieri restrizzjoni: li l-mod kif tirreaġixxi ma jkunx sproporzjonat.
Imma Ġesù jgħid: mhux hekk għandna nagħmlu aħna li nemmnu fih. Ma għandniex, għal dak li nirċievu, inpattu b’mod ristrett. Le. Dan hu s-sens ta’ dak li qed jgħid hawn: “smajtu x’intqal…imma jien ngħidilkom” (Mt 5:38-39). Jgħidilna differenti. Li qed jgħid Ġesù hu li meta aħna nittrattaw mal-oħrajn għal xi ħaġa ħażina li nirċievu, ma npattux b’xi ħaġa ħażina, imma npattu bit-tajjeb. Għaliex? Għax aħna lill-oħrajn ma għandniex nittrattawhom bil-mod li ttrattawna, imma għandna nittrattawhom bil-mod li Alla jittrattana. Għax Alla, meta nonqsuh, jaħfrilna. Alla magħna hu kollu mħabba u ħniena, u hekk għandna nittrattaw lill-oħrajn.
Mhix faċli. Qatt mhi faċli li aħna nimxu ma’ dak li jgħidilna Ġesù, imma hi possibbli. Hi possibbli bl-għajnuna u l-grazzja li jagħtina hu. Hu wriena x’jiġifieri, għaliex kull kelma li qalilna, għexha hu qabilna. Meta hu jgħid, per eżempju: jekk xi ħadd jagħtik daqqa ta’ ħarta fuq ħaddek il-lemin, ma għandekx għax tak daqqa ta’ ħarta tagħtih oħra int. Fil-fatt lil Ġesù narawh fil-Passjoni, fl-Evanġelju skont San Ġwann, meta kien hemm wieħed mill-għases tal-qassis il-kbir li tah daqqa ta’ ħarta, x’għamel Ġesù? Ma tax daqqa ta’ ħarta lilu mbagħad, imma lilu qallu: “Jekk jiena għedt xi ħaġa mhix sewwa, urini fejn; imma jekk għedt is-sewwa, għaliex terfa’ jdejk fuqi? (Ġw 18:23) Għalhekk Ġesù mhux qed jgħid li aħna ma naħdmux għall-ġustizzja u ma ngħidux l-affarijiet ċari, mhux qed jgħid li nħallu l-abbużi għaddejjin. B’ebda mod! Imma Ġesù qed jgħid li aħna, fil-mod kif nittrattaw lill-oħrajn, qatt ma għandna nittrattawhom b’mentalità vendikattiva – li npattu. Hawn min jaħseb li tistrieħ meta tpatti, tistrieħ meta tivvendika ruħek. Mhu veru xejn! Għax jekk inti f’qalbek għandek dil-mibegħda b’mod li tpatti, ma tistrieħ xejn. Ma jkollokx il-paċi. Ġesù jrid li aħna jkollna l-paċi f’qalbna, li aħna nkunu nixbħuh bil-mod kif nittrattaw lill-oħrajn.
Hu jrid li aħna naħdmu wkoll biex inkissru ċ-ċiklu ta’ mibegħda u ta’ vjolenza. Għax ara x’jiġri ħafna drabi: bniedem jgħid kelma, l-ieħor iwieġbu; imbagħad jgħid kelma aktar qawwija, u l-ieħor jagħmel l-istess, u nibqgħu sejrin hekk. Qed ngħid mhux biss x’jiġri fi gwerer bejn nazzjonijiet – li jiġri– imma kultant bejn nies fil-familja stess, jew nies jafu lil xulxin. U tibqa’ sejra din. Ġesù jrid li aħna nkunu dawk li nwaqqfu dan iċ-ċiklu ta’ mibegħda, vjolenza, insulti. Inwaqqfuh bil-mod kif inġibu ruħna aħna.
Nafu li neħtieġu ħafna l-għajnuna ta’ Alla għal dan, imma nafu li hi possibbli u li ġġibilna ħafna paċi fil-qalb. U din hi t-talba li nagħmlu llum: li aħna qatt ma nirraġunaw b’mentalità ta’ tpattija, ta’ vendikazzjoni; li jkollna qalbna mimlija mħabba, ħniena u maħfra, kif inhi tal-Mulej magħna; u li ngħinu tassew biex nibdlu sitwazzjoni ta’ mibegħda f’sitwazzjoni ta’ mħabba – bil-mod kif aħna nitkellmu, bil-mod kif aħna nġibu ruħna, bil-mod kif aħna nittrattaw lil xulxin bl-istess imħabba, ħniena u maħfra li Alla jittratta magħna.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta




