L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Hemm kelma partikulari fl-Evanġelju tal-lum li turina xi ħaġa speċjali ħafna f’Ġesù. L-Evanġelju jgħid: “Ra n-nies u tħassarhom, għax kienu mdejqa u mitluqa qishom nagħaġ bla ragħaj” (Mt 9:36). Dil-kelma hi: “tħassarhom”. Bil-Malti, aħna ngħidu “titħassar” meta tara lil xi ħadd u jiddispjaċik għalih, tħoss simpatija għalih. Imma fil-fatt il-kelma kif inhi fl-Evanġelju hi ħafna aktar qawwija milli sempliċiment għax tarah, u titnikket, jew tħoss għalih. Hi l-kelma li tfisser li inti tħoss minn ġewwa, fil-qiegħ nett ta’ qalbek.
Dil-kelma, fil-fatt, insibuha fl-Evanġelju f’diversi drabi kemm għal Ġesù nnifsu, u kemm fil-parabboli li qal Ġesù. Niftakru, per eżempju, il-Parabbola tas-Samaritan it-Tajjeb, li meta għadda u ra dak mitluq fil-ġenb wara li kienu qabżu fuqu l-ħallelin, l-Evanġelju jgħid; “tħassru” (Lq 10:33). Hija l-istess kelma. Jew inkella l-Parabbola tal-Iben il-Ħali, meta l-iben iż-żgħir telaq, imbagħad ġie lura, u l-Evanġelju jgħid li l-missier “tħassru” (Lq 15:20). Jiġifieri li int tħoss fil-fond ta’ qalbek, fil-qiegħ nett ta’ qalbek, għal dik il-persuna.
Għeżież
Għalhekk l-Evanġelju qed jurina xi ħaġa importanti ħafna fuq Ġesù: li Ġesù kien jimpurtah minn kull bniedem, minn kull persuna. Għalih kull persuna kienet, u hi, għażiża. Ma kienx jgħaddi u jara folla nies, u jibqa’ għaddej; ma kienx jibqa’ indifferenti, imma kien tassew iħoss għall-persuna fil-fond ta’ qalbu. Biex jurina li Alla hekk hu magħna – Alla jimpurtah minn kull wieħed u waħda minna. Għalih aħna għeżież. Qabel ma nagħmlu xi ħaġa li hija ta’ ġid, hu diġà jkun ħabbna, u lilna, kull wieħed u waħda minna, qegħidna fil-qalb tiegħu.
Għaliex hi importanti ħafna din? Għax imbagħad fl-Evanġelju naraw il-missjoni li ta lill-appostli li għażel. Imma l-messaġġ huwa: kollox jibda minn din il-kompassjoni, minn din l-imħabba vera lejn kull persuna. Hemmhekk irid ikun il-bidu dejjem tal-ħidma tagħna anke bħala Knisja.
L-Evanġelju juri li Ġesù, wara li tħassarhom, imbagħad l-ewwel ħaġa li jgħid: “Il-ħsad huwa kbir, imma l-ħaddiema huma ftit. Itolbu…” (Mt 9:37-38). Mela l-ewwel ħaġa li jrid Ġesù, wara li tħassar lill-persuna, hija t-talb. Qed jgħidilna: minn hemm irridu nibdew, mit-talb. It-talb mhux sempliċiment tgħid talba u daqshekk. It-talb iqegħidna f’għaqda ma’ Alla, u f’għaqda miegħu biex ikun hu li jmexxina, u jkun hu li jgħinna fil-ħidma tagħna.

Ħsad
Ħaġa li tolqotni ħafna f’dan l-Evanġelju hu meta Ġesù jgħid: “Il-ħsad huwa kbir”. Ara kif jitkellem differenti milli kultant nitkellmu aħna. Aħna, meta nħarsu lejn il-ħidma li għandna, ngħidu: il-problemi huma kbar, id-diffikultajiet huma kbar. Kultant minn hemm nibdew, u veru! Imma Ġesù jibda “il-ħsad huwa kbir”, għax f’kull problema u f’kull diffikultà, jara opportunità ta’ ħidma. Għalhekk jgħid “il-ħsad huwa kbir”, u li hemm bżonn nitolbu biex ħafna jilqgħu s-sejħa li hu jagħmel, ħalli jkunu jistgħu jaħdmu tassew fl-għalqa tiegħu.
Missjoni
Wara li jsemmi t-talb, Ġesù jsejjaħ lil dawk it-tnax u jagħtihom missjoni. Żgur li ħaġa li aħna nagħrfu meta nisimgħu l-ismijiet ta’ dawn it-tnax-l appostlu hu li Ġesù ma għażilx nies perfetti. Altru! Għażel midinbin. Għażel nies li kellhom id-difetti tagħhom. Għażel nies li kultant naqsu anke lilu, bħalma naraw f’Pietru, li hu għażel biex imexxi u li ċaħdu; bħalma naraw f’diversi minnhom, kollha ħlief wieħed, li abbandunawh fil-Passjoni. Imma għażel lilhom biex huma, jekk jilqgħuh, hu jibdilhom u jagħmilhom appostli tiegħu, u jagħtihom dik il-missjoni sabiħa li smajna: biex iwasslu l-Evanġelju, ifejqu, ikeċċu x-xjaten, il-ħażen. Ara kemm hi missjoni sabiħa li għandhom l-appostli, li għandha l-Knisja! Għax il-missjoni mhijiex biss tat-tnax-l appostlu, imma hi ta’ kull min jieħu sehem fil-ħajja tal-Knisja.
Il-Knisja għandha din il-missjoni sabiħa li tgħin lill-bniedem, li turi kompassjoni miegħu, li tgħinu biex ifiq, tgħinu biex jibda ħajja ġdida. Tgħinu biex iħossu tassew f’għaqda ma’ Alla u mal-oħrajn.

Apprezzament
Illum jien nixtieq niftakar f’ħafna nies fil-ħajja tal-Knisja li kontinwament jaħdmu b’dan l-ispirtu li semma Ġesù. Kemm hawn nies ta’ qalb kbira, ta’ kompassjoni, li jaħdmu qalb it-tfal, qalb iż-żgħażagħ, il-familji, l-anzjani, nies li huma vulnerabbli, li għandhom bżonnijiet partikulari. Kemm hi sabiħa meta tara nies iddedikati, u li qed jaħdmu b’dan l-ispirtu ta’ Ġesù! U tiftakar li din il-missjoni li Ġesù ta lill-Knisja hawn ħafna li qed jagħmluha. Hemm bżonn nuru apprezzament lejn dawn in-nies.
Fil-parroċċa stess, bħalma hi dil-parroċċa tan-Naxxar, hawn nies dedikati, hawn nies li tassew jispirahom dan l-ispirtu ta’ Ġesù ta’ kompassjoni. U li qed jagħmlu ħafna ġid. Dan jagħmluh ħafna drabi, bħalma kien jagħmlu Ġesù, fis-skiet, fil-kwiet, mingħajr ħafna storbju, imma b’mod effettiv. Illum nixtieq nirringrazzja lill-Mulej ta’ dawn in-nies, fosthom is-saċerdoti li għandna dejjem nuru apprezzament lejhom għall-ħidma tagħhom; u tant nies oħra impenjati fil-ħidma ta’ parroċċa, ma’ Malta kollha u Għawdex, li qed jagħmlu ħafna ġid lin-nies, speċjalment lil dawk li huma l-aktar fil-bżonn. Huma għandhom dan l-ispirtu ta’ Ġesù, u l-kompassjoni qiegħda fil-qiegħ ta’ qalbhom, u lesti għalhekk li jgħinu lil dawk li huma fil-bżonn.
Talb
Illum nitolbu, bħalma qal Ġesù, biex ikun hemm ħafna li jwieġbu għal din is-sejħa ta’ Ġesù ħa jimxu warajh proprju b’dan l-istess spirtu. Il-ħsad huwa kbir – hemm ħafna ħidma x’issir – imma l-ħaddiema huma ftit, bħalma naraw aħna fil-komunitajiet tagħna. Illum nitolbu biex ikun hemm aktar nies li jwieġbu għal din is-sejħa ħalli l-imħabba ta’ Ġesù tasal għand kull bniedem, u speċjalment għand dawk li huma l-aktar fil-bżonn.
Ħa nagħmlu din it-talba fil-quddiesa llum, speċjalment biex il-Mulej jgħin lil diversi nies li jwieġbu għas-sejħa tiegħu ħalli jkomplu jaqduh b’dan l-ispirtu sabiħ.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju





