
Il-messaġġ tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Illum huwa jum ta’ ringrazzjament, ta’ ferħ u ta’ tama. Niċċelebraw il-gradwazzjoni ta’ sitt persuni fit-tmiem ta’ programm impenjattiv ta’ riabilitazzjoni. Il-mixja tagħhom ma kinitx waħda faċli. Talbet kuraġġ, perseveranza, sinċerità magħhom infushom, sagrifiċċju, kapaċità li jaċċettaw l-għajnuna, u r-rieda li jerġgħu jibdew mill-ġdid, ħafna drabi wara li esperjenzaw tbatija, fallimenti u mumenti ta’ qtigħ il-qalb.
Illum nifirħulhom. U nirringrazzjawhom tal-messaġġ li qed jagħtu lis-soċjetà kollha tagħna: li l-bniedem qatt ma għandu jiġi identifikat mal-iżbalji tiegħu, u li, bl-għajnuna meħtieġa, bid-determinazzjoni u bil-grazzja ta’ Alla, dejjem hemm il-possibbiltà ta’ bidu ġdid.

Din l-okkażjoni tagħtina wkoll opportunità biex napprezzaw il-ħidma sabiħa li l-Knisja f’Malta ilha twettaq għal tant snin permezz tal-Caritas. Bis-sehem tal-professjonisti, il-ħaddiema, il-voluntiera u l-benefatturi tagħha, Caritas mexxiet u akkumpanjat lil għadd kbir ta’ persuni u familji f’mumenti mill-aktar diffiċli f’ħajjithom. Caritas tiltaqa’ mar-realtà wiċċ imb wiċċ. Tiltaqa’ mal-persuna li hemm wara l-istatistika. Tara mill-qrib kemm il-ħsara li jġib magħha l-abbuż tad-droga, kif ukoll il-bidliet straordinarji li jistgħu jseħħu meta persuna tingħata l-għajnuna meħtieġa biex terġa’ ssib it-triq tagħha.
Bħala Knisja, aħna kburin b’din il-missjoni. Hija espressjoni konkreta tal-imħabba Nisranija u tal-konvinzjoni tagħna li kull persuna umana tiswa, u għandha dinjità li qatt ma tista’ tintilef jew tiġi mċaħħda minnha.
Fl-istess ħin, din iċ-ċelebrazzjoni tistedinna nirriflettu fuq ir-responsabbiltajiet tagħna bħala soċjetà. Illum nixtieq nenfasizza punt wieħed: kemm irridu noqogħdu attenti li ma nagħtux messaġġi mħallta, mixed messages, speċjalment lill-adolexxenti u liż-żgħażagħ – jiġifieri li, minn naħa, ninvestu riżorsi kbar biex ngħinu lil persuni jegħlbu l-vizzju u jibnu ħajjithom mill-ġdid; imma min-naħa l-oħra, nibagħtu messaġġi li jinnormalizzaw jew inaqqsu mill-gravità tal-użu tad-droga u l-ħsara li ġġib.

Hu importanti li aħna nagħtu messaġġ wieħed ċar li d-droga hija ħażina u li tagħmel il-ħsara. Meta aħna nagħmlu differenza bejn droga li tagħmel ħsara u droga li ma tagħmilx ħsara, droga li toqtol u droga li tirrikrejak, inkunu ġa qed nagħmlu ħsara, għax inkunu qed nagħtu messaġġ kontradittorju lit-tfal, lill-adolexxenti u liż-żgħażagħ.
Nappella biex nisimgħu b’attenzjoni l-vuċi ta’ dawk li jinsabu fuq quddiem nett f’din il-ħidma mal-vittmi, kif ukoll dawk li huma stess għaddew mill-esperjenza tal-vizzju. Jekk aħna nisimgħu l-istejjer ta’ dawn il-persuni u l-familji tagħhom, u ta’ dawk li jaħdmu magħhom, nagħrfu kemm ħsara tagħmel anke dik id-droga li kultant tissejjaħ ta’ rikreazzjoni, kemm ħsara tista’ tagħmel mentalment. Ma nistgħux ninjoraw ir-realtà, għax fl-aħħar mill-aħħar naħsdu ż-żerriegħa li tkun inżergħet. U min ibati? Tbati s-soċjetà Maltija. Ibatu t-tfal, l-adolexxenti u ż-żgħażagħ u l-familji tagħhom, ibati kulħadd!
Illum il-ħarsa tagħna tibqa’ ffukata fuq it-tama. Lilkom li temmejtu dan il-programm: grazzi tal-kuraġġ tagħkom. Grazzi wkoll lil dawk kollha li akkumpanjawkom. Il-mixja tagħkom ma tispiċċax illum. Ftakru li l-istorja tagħkom issa tista’ tkun għajn ta’ tama għal oħrajn li forsi qed iħossuhom maqbuda fid-dlam, tkun dawl li jmexxihom lejn il-libertà u l-fejqan.

Nitolbu biex nibqgħu nibnu soċjetà li ma tabbanduna qatt lil min qed ibati, li tappoġġja l-ħidma imprezzabbli ta’ dawk kollha li qed jipprovdu appoġġ, u li jkollha l-għerf u l-kuraġġ tqiegħed il-ġid tal-persuna umana, speċjalment taż-żgħażagħ tagħna, fil-qalba ta’ kull politika u ta’ kull deċiżjoni.
Il-Mulej li hu għajn ta’ kull tama u ta’ kull bidu ġdid ibierek lilkom u lill-għeżież tagħkom.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju




