L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Għadni kif kont qed nara, illum wara nofsinhar fuq TV2000, parti minn filmat fuq Madre Tereża. Kull darba li nsegwi l-ħajja tagħha, tolqotni kif b’mod radikali għexet dal-kliem ta’ Ġesu: “Kulma għamiltu mal-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi” (Mt 25:40). Meta niftakru fil-ħajja ta’ Madre Tereża u dak kollu li għamlet, jolqotna kif kienet totalment dedikata biex isservi lil Kristu qalb l-ifqar fost il-fqar.

Imma jista’ jiġrilna li meta niftakru fil-ħajja tagħha, filwaqt li nammiraw dak li hi għamlet u dak li, b’riżultat tal-ħidma tagħha, għadu jsir illum mill-Missjunarji tal-Karità, naraw lilna nfusna qisna ’l bogħod – hi li kienet tant radikali, u aħna tant ’il bogħod biex nistgħu ngħixu bħalha. Għalhekk, nixtieq insemmi tliet punti kif dak li għamlet hi jista’ jkun ta’ għajnuna għall-ħajja tagħna biex ngħixuh ukoll illum bl-istess spirtu tagħha.

Mimlija bl-imħabba ta’ Alla

Madre Tereża kienet mimlija bl-imħabba ta’ Alla. Hi għarfet dak li smajna llum fit-Tieni Qari li hu ħabbna l-ewwel (ara 1 Ġw 4:10). Hi għarfet kemm Alla jħobbna, kif irid jaqsam din l-imħabba magħna, u jrid jimlielna qalbna bl-imħabba tiegħu. Għalhekk għarfet li hi, meta tħobbu, qed tħobb lil min ħabbha l-ewwel.

Kienet tħobb lil Alla b’mod qawwi. Kienet tħobbu fil-mumenti sbieħ tal-ħajja, fil-mumenti ta’ inizjattivi ġodda, imma anke fil-mumenti ta’ dlam, meta ċerti affarijiet ma setgħetx tarahom u tħosshom imma baqgħet fidila lejn Alla b’mod sħiħ. Hi din l-imħabba lejn Alla li mbagħad qasmet b’tant ġenerożità mal-oħrajn. Dan kien jidher fiha kontinwament – li dak li kienet tagħmel kienet tagħmlu għax tħobb lil Alla. Meta għażlet li tingħata għall-oħrajn, għamlet hekk sforz l-imħabba kbira lejn Alla.

Għalhekk, min kien jgħidilha – bħalma kien hemm min qalilha – “kieku tagħtini l-miljuni, dax-xogħol ma nagħmlux”, it-tweġiba tagħha kienet: ‘Lanqas jien kieku ma nagħmlu għal hekk! Dan qed nagħmlu għal Alla, sforz l-imħabba lejn Alla.’ Għalhekk setgħet tgħix tassew l-opri tal-ħniena, imqanqla minn din l-imħabba kbira lejn Alla.

Taqdi lill-ifqar fost il-fqar

Hekk setgħet taqsam din l-imħabba mal-oħrajn, u hawn naraw lil Madre Tereża qaddejja. Għexet dak li qal Kristu: “M’hemmx imħabba ikbar minn din: li wieħed jagħti ħajtu…” (Ġw 15:13). Hekk għamlet. Hi tat ħajjitha b’mod sħiħ, ma tatx biċċa minnha, jew xi ħaġa tagħha, imma tat lilha nnifisha b’mod sħiħ.

Il-Papa Ġwanni Pawlu II, dakinhar tal-beatifikazzjoni tagħha, kien sejħilha: “Ikona tas-Samaritan it-Tajjeb”. Fiha naraw dak li Ġesù qalilna fil-parabbola tas-Samaritan it-Tajjeb li sforz l-imħabba, tieqaf biex tgħin lil min hu fil-bżonnn. Tieqaf mill-programm tagħha, u tfittex lil min hu fil-bżonn.

Hawn naraw lil Madre Tereża li taqdi b’mod sħiħ u li tfittex lill-ifqar fost il-fqar, lil dawk li mhux biss huma mwarrba fil-ġenb imma totalment skartati – frott ta’ dak li l-Papa Franġisku jsejjaħ “il-kultura tal-iskart” – u hi tmur tfittex lilhom, biex lilhom twassal l-imħabba ta’ Alla. Meta hi, li kienet diġà reliġjuża ddedikata, iddeċidiet li twaqqaf il-Missjunarji tal-Karità, tiddedika ħajjitha b’dal-mod f’kongregazzjoni ġdida, għamlitu proprju biex tkompli dak li kienet bdiet imma tkomplih b’mod sħiħ billi taħdem fost l-ifqar fost il-fqar, ma’ dawk li ħadd ma jagħti kashom, ma’ dak li kieku jmutu bla ma ħadd jinduna bihom, ma’ dawk li lanqas tista’ tisma’ l-karba tagħhom għax huma totalment esklużi. Għal hekk tat ħajjitha. Dak li qal Ġesù: “Bin il-bniedem ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jaqdi u biex jagħti ħajtu b’fidwa għall-kotra” (Mt 20:28) hi għexitu b’mod sħiħ ma’ dawk l-aktar fil-bżonn.

Kieku kelli ngħid id-differenza kbira li għamlet Madre Tereża, hi din: hi ħarset lejn il-bniedem, anke lejn it-tarbija li għadha ma twelditx, u għarfet li hemm xi ħadd, mhux xi ħaġa.

Hawn nara lil Madre Tereża eżempju għalina biex inħallu lil Alla jimliena bl-imħabba tiegħu, biex imbagħad din l-imħabba nkunu nistgħu ngħadduha lill-oħrajn, skont is-sejħa tagħna. Hi wieġbet għas-sejħa li taha Alla biex taqdi lil dawk fl-ikbar bżonn. Lilna Alla jsejħilna, kulħadd b’mod differenti, biex ngħixuha din l-imħabba u naqdu fejn inkunu: mal-familja tagħna, ma’ dawk qrib tagħna, ma’ dawk li qed jgħixu f’solitudni, waħedhom. Lilhom nistgħu nwasslulhom l-imħabba ta’ Alla.

Tgħożż il-ħajja ta’ kull bniedem

Madre Tereża tolqotni ħafna bħala persuna li tgħożż il-ħajja, il-ħajja ta’ kull bniedem. Qatt ma għamlet distinzjoni ta’ kulur, ta’ razza, ta’ reliġjon, ta’ fehma, ta’ ġeneru biex tara lil min għandha tgħin. Għaliha kull bniedem għandu d-dinjità tiegħu jew tagħha. Kienet tgħin mhux għax dak hu hekk, u l-oħra hi hekk, jew mhijiex, imma tgħin sforz l-imħabba bħal Ġesù li toħroġ lejn kulħadd. Għaliha kull persuna kienet għażiża, kull bniedem għażiż.

Għalhekk, kull bniedem mill-ewwel mument tat-tnissil meta, fi kliemha, il-bniedem hu l-iċken, l-ifqar, l-iktar vulnerabbli, meta t-tarbija għadha ma twelditx imma hemm diġà xi ħadd, mhux xi ħaġa. Kieku kelli ngħid id-differenza kbira li għamlet Madre Tereża, hi din: hi ħarset lejn il-bniedem, anke lejn it-tarbija li għadha ma twelditx, u għarfet li hemm xi ħadd, mhux xi ħaġa. Għaliha l-affarijiet – dik ix-xi ħaġa – ma tantx kienu jimpressjonawha; imma fejn hemm xi ħadd, dak ifisser kollox. Bħalma wriena Ġesù, hekk għexet hi. Għalhekk, mill-ewwel mument tat-tnissil fejn hemm diġà xi ħadd, sat-tmiem tal-bniedem – dawk li qed imutu jsibu lilha biex twasslilhom l-imħabba, għallinqas mietu maħbuba – u f’kull waqt tagħha. Għaliha, il-ħajja kienet għażiża f’kull waqt tagħha.

Din hi eżempju għalina, biex aħna wkoll f’ħajjitna ngħożżu kull bniedem mit-tnissil sat-tmiem naturali tal-ħajja, u f’kull waqt tagħha. U nuru dan bl-atteġġjament tagħna, bil-kliem tagħna, u billi nieqfu ma’ dawk kollha li għandhom bżonn b’xi mod l-għajnuna, ikunu min ikunu.

Għalhekk, illum nixtieq nitlob lill-Mulej, bl-interċessjoni ta’ Madre Tereża, biex hu jgħinna ħalli jkollna dejjem aktar l-ispirtu tagħha – biex ikollna l-imħabba kbira lejn Alla li ħabbna l-ewwel u li jimlielna qalbna bl-imħabba tiegħu, biex nuru din l-imħabba fil-qadi tagħna speċjalment ma’ dawk li huma l-aktar fil-bżonn, u biex dejjem, bħalma għallmitna hi, ngħożżu l-ħajja bl-imħabba.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju