L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Ta’ kull sena ninġabru fil-knejjes tagħna sabiex nagħmlu din it-talba lil Alla għal ħutna l-mejtin.

Ta’ kull sena, b’mod speċjali fl-ewwel tmint ijiem ta’ dan ix-xahar ta’ Novembru, li nafuh ukoll bħala x-xahar tal-mejtin, inżuru ċ-ċimiterji tagħna. Mhux għaliex ħutna qegħdin fiċ-ċimiterju.

Fiċ-ċimiterju hemm il-fdalijiet ta’ ħutna; il-fosdqa li ħallew warajhom huma u jgħaddu minn din il-ħajja għall-ħajja ta’ dejjem.

Jekk trid tfittex lill-maħbubin tiegħek, tfittixhomx fiċ-ċimiterju. Hemmhekk issib il-fdalijiet tagħhom, dak li ħallew warajhom fuq din l-art u li jfakkrek fil-preżenza tagħhom f’din id-dinja. Imma agħmel att ta’ fidi li se tiltaqa’ magħhom fil-quddiesa li fiha titlob għalihom. Tippretendix li jċemplulek, imma meta titlob għalihom, huma jkunu magħna f’dan il-misteru kbir ta’ mħabba li llum qed niċċelebraw f’din il-quddiesa.

Għax dan hu misteru kbir ta’ mħabba.

Ftakru fil-qari tal-lum minn San Pawl. Alla, f’ibnu l-għażiż, tana sinjal ta’ kemm iħobbna. U l-imħabba tiegħu mhijiex ibbażata fuq il-merti tagħna. Ma ħabbniex għax aħna tajbin, imma ħabbna għax aħna xbieha tiegħu, għax aħna wliedu. Ir-rieda ta’ Alla għal kull wieħed u waħda minna, inkluż għal dawk li ħallewna, huma mietu kif mietu, hija li min jixtieq isalva, isalva.

U kemm hi ħaġa sabiħa li l-Knisja tgħallimna li t-talb li nagħmlu llum għandu effett fuq ħutna, anke lil hinn miż-żmien u mill-ħajja tagħna.

Ritratt: Arċidjoċesi ta’ Malta – Ian Noel Pace

Ejjew nitolbu għal ħutna u niftakru fil-kliem ċar ta’ Ġesù: jien nixtieq li lkoll issalvaw, li lkoll tinġabru miegħi fil-ħajja ta’ dejjem.

Tgħidli: allura m’hemmx ġudizzju, infern u ġenna? Hemm! Ġesù jitkellem ċar dwar it-traġedja ta’ min ma jridx ikun miegħu, anke fil-ħajja ta’ dejjem. Imma aħna nitolbu biex il-maħbubin tagħna, u aħna wkoll, nibqgħu ngħixu dik it-talba li ngħidu fil-mument tat-tqarbin: “La tħallinix ninfired minnek.”

Meta llum iżżuru l-oqbra tal-għeżież tagħkom, itolbu għalihom u għidulu: “Mulej, agħti l-grazzja lill-għeżież tiegħi biex ma jinfirdu qatt minnek.”

Tgħidli: il-ġudizzju sar! Imma t-talba tiegħek li tagħmel illum tidħol fil-qalb ta’ Alla, li għalih m’hemmx passat u futur; kollox hu preżenti. Din hi l-qawwa tal-ħniena ta’ Alla. Bit-talb tiegħek, li jsir fiż-żmien, dak li hu temporali għandu qawwa fl-eternità.

Huwa att ta’ mħabba kbira li niftakru f’ħutna l-mejtin. Ejjew nitolbu u, tal-inqas, nixtiequ li meta jasal il-mument tagħna, ikun hemm min jaħseb fina.

Naħseb li ġieli smajtuni x’nagħti bħala tweġiba lil Ġesù: “Meta trid, Mulej, imma m’inix mgħaġġel.”

Imma ngħidlu hekk għax naf li għad jasal il-mument u, meta jdoqq il-qanpiena, isibni lest.

Tinsewx li, għalkemm illum qed nitolbu għall-mejtin, tajjeb li niftakru wkoll li meta l-Mulej jiġi u jħabbat il-bieb tagħna, isibna fl-imħabba. Għax il-ġudizzju se jsir fuq dan: fuq l-imħabba.

L-imħabba tiegħek innifsek, lejn il-proxxmu u lejn Alla.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta

Ritratt: Arċidjoċesi ta’ Malta – Ian Noel Pace

Il-Qari tal-Quddiesa
Qari I: Ġob 19:1.23-27a
Responsorju: S 26
Qari II: Rum 5:5-11
L-Evanġelju: Ġw 6:37-40