Id-diskors tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Eċċelenza President ta’ Malta, sinjuri. Xtaqt nibda b’silta mill-poeżija Lil Malta ta’ Dun Karm li nkitbet 100 sena ilu. F’dan is-sunett Petrarkan, Dun Karm jibda billi japprezza l-Italja, u jgħid: “Inħobb fis-sewwa lil ġara tagħna”. Japprezza lill-Ingilterra “li għandha fehma tal-azzar daqs il-qawwija”, imbagħad idur lejn Malta:

“Iżda daqsek lil ħadd, o Malta tiegħi,
għax int biss ommi, int tajtni l-isem,
u għadmek għadmi u demmek jiġri miegħi.

Daqsek lil ħadd; għaliex jekk inti żgħira,
setgħetek huma kbar fir-ruħ u l-ġisem,
u ġmielek sa fil-kbar nissel il-għira.”

Ovvjament dan sentiment nobbli u patrijottiku. Tirrealizzaw li kif ikellem lil Malta, qed jantiċipa dak li jikteb fl-Innu Malti. Xtaqt nikkwota wkoll il-poeżija Inħobbok, Poplu Tiegħi ta’ poeta iżjed riċenti, għalkemm midħla ħafna ta’ Dun Karm, lil Prof. Oliver Friggieri, li ħalliena ftit xhur ilu. Ippermetuli naqra din il-poeżija kollha għax hija interessanti ħafna għax anke Oliver jammetti li jħobbu lill-poplu Malti.

“Inħobbok, poplu tiegħi
li taf toħloq l-allat
kuljum u tiżfen magħhom
iż-żifna tas-sigħat.

Inħobbok poplu tiegħi,
li tilqa’ ġewwa fik,
kull ħaġa li l-barrani
jġib mill-bogħod għalik.

Inħobbok, poplu tiegħi,
bl-imħabba tat-tabib,
li taħt il-ġilda jfittex
il-mard, u l-mard isib.”

Fl-opinjoni tiegħi dawn iż-żewġ atteġjamenti, b’xi mod jiddiskrivu ftit l-istat tan-nazzjon f’dan il-perjodu. Aħna kburin ħafna bl-għeruq tagħna, imma s-siġra tagħna għandha wkoll xi ftit weraq jew friegħi marrada. It-tabib li jħobb iħares lejn il-pazjent, imma jħobbu xorta. Ħin minnhom, Oliver jipprova jpoġġi sebgħu fuq il-pjaga — bħalma jagħmel tabib tajjeb u l-President Vella jifhimni iżjed minn kulħadd — u fil-poeżija Eġoċentriżmi jitkellem fuq l-awtoreferenzjalità u n-narċiżiżmu li qed joħnoqna. Wara kollox, it-titlu ta’ din is-sezzjoni mhuwiex biss ‘Jien Malti/ja’, imma wkoll ‘Agħmilli like’. Din l-ossezzjoni tal-perċezzjoni. Donnu l-approvazzjoni ta’ xi ħadd ser tagħmilni dak li jien. Qisu m’iniex kuntent b’dak li jien imma kważi ossessjonat bil-perċezzjoni ta’ ħaddieħor fuqi. Interessanti ħafna dak li qal Dr Vincent Marmarà, jiġifieri li hemm parti kbira tal-poplu tagħna li qiegħed fil-kultura ta’ Facebook, minn fejn ġibna l-kultura tal-like. Fil-poeżija qasira Eġoċentriżmi, Oliver Friggieri jħares lejna u jgħid:

“Issa,
b’kuxjenza mdewba, ngħixu taħt ir-rota
li ddur kuljum fuq id-drawwiet imsewsa
maħluqa minn Jien u Int oħrajn għalina.”

Donnu hemm, biex ngħidu hekk, identità maħluqa għalina mill-oħrajn. B’xi mod dan hu sintomu ta’ eġoċentriżmu marid. Jiena naħseb li din hi l-marda tal-poplu tagħna, li Dun Karm, f’poeżija profetika li jismiha Progress ra mill-bidu. 100 sena ilu, huwa u jħares lejn il-poplu tagħna, Dun Karm inkwieta:

“Li kull fejn iddawwar wiċċek,
nies imbergħna u mqarrsa …
theddid, tilwim, f’kull kelma,
saret traġedja l-farsa.”

Din id-dijanjosi tal-profeti, hija wkoll dijanjosi li hemm bżonn nagħtu kasha.

Veru wkoll li aħna: art u baħar. Jien naħseb li, jekk hemm mudell li jiddefinixxina hija li aħna poplu ta’ art u baħar. Xi ħadd mill-persuni li kkonsultajt qabel ma bdejt nagħmel din ir-riflessjoni qalli: ‘Swar u portijiet’. B’xi mod, proprju l-art tagħna, li minn dejjem kienet, mhux biss fil-belt ta’ Melite, imma mbagħad fi żmien il-Kavallieri, madwar ix-xtut tagħna, fortifikata għad-difiża. Biex ngħidu hekk, hija fosdqa li ħafna minna huma komdi fiha.

Impressjonat mill-fatt li ħafna minna huma kuntenti li twieldu hawnhekk, iżda li l-multikulturiżmu jinkwetana. Il-baħar jiftaħna għal ambjent ħafna iżjed ostili imma wkoll huwa parti mill-identità tagħna. Dawn iż-żewġ elementi, anke fir-realtà reliġjuża, ma nistgħux ninsewhom. Wara kollox, 2,000 sena ilu, aħna ssemmejna fl-Atti tal-Appostli. Dawn iż-żewġ elementi, l-art u l-baħar, huma preżenti f’din in-narrattiva li wkoll tagħtina identità. “Meta ħlisna mill-għarqa, sirna nafu li l-gżira kien jisimha Malta. In-nies tagħha ġiebu ruħhom magħna bi ħlewwa li ma bħalha. Laqgħuna tajjeb” (Atti 28:1-2). Ir-rakkont taż-żjara ta’ tliet xhur tal-Appostlu tal-Ġnus fostna, proprju tikkonferma dan. Wara kollox kien ġie u fejjaq. Kien tabib li mhux biss poġġa s-saba’ fuq il-pjaga, imma fejjaqha wkoll. Kienet esperjenza ta’ fejqan. “Wara dan imbagħad bdew jersqu għandu l-morda l-oħra tal-gżira, u hu fejjaqhom. Urewna ġieħ kbir, u meta ġejna biex nitilqu, għabbew fuq il-ġifen kulma konna neħtieġu” (Atti 28:9-10).

Kieku llum kellu jiġi San Pawl, b’275 kollegi tiegħu, x’konna nagħmlu? Jien naħseb din hi l-kriżi li hemm bżonn nikkonfrontaw: l-atteġjament tagħna lejn il-baħar. Li għalkemm hu opportunità li aħna nimirħu, sar ukoll sfida meta jġib nies li ma applikawx biex jiġu jew forsi m’għandhomx il-flus biex isiru ċittadini.

Nixtieq nikkonkludi b’konsiderazzjoni li l-Papa Franġisku għamel fuq din id-dikotomija, bejn il-lokali u universali. Fl-enċiklika li l-Papa nieda s-sena li għaddiet, Fratelli Tutti, qal: “Ta’ min ifakkar li bejn il-globalizzazzjoni u lokalizzazzjoni hemm tensjoni. Jeħtieġ li nagħtu attenzjoni lid-dimensjoni globali,” għalina huwa l-baħar, “biex ma naqgħux fil-medjokrità li ġġib magħha l-ħajja ta’ kuljum. Fl-istess waqt, ma rridux ninsew dak li hu lokali, li jżommna saqajna mal-art. It-tnejn magħqudin flimkien ma jħalluna bl-ebda mod naqgħu f’xi wieħed minn dawn iż-żewġ estremi: l-ewwel, li ċ-ċittadini jkollhom jgħixu f’universaliżmu astratt u globalizzanti; it-tieni, li jsiru mużew tal-folklor,” li dan huwa periklu kbir anke għall-Knisja, “ta’ eremiti li moħħhom imwaħħal mal-post tagħhom, ikkundannati li jirrepetu dejjem l-istess ħwejjeġ bla ħila li jħallu jisfidahom dak li hu differenti u li japprezzaw il-ġmiel li Alla jxerred lil hemm mill-konfini tagħhom” (Fratelli Tutti nru 142).

Jiena nħoss li waħda mill-kriżijiet kbar, huwa n-nuqqas ta’ traxxendent. Aħna għandna ppjanar imma ma għandniex sens ta’ estetika. It-tikrih ta’ pajjiżna juri li għandna kriżi ta’ traxxendent. Nikkonkludi b’ħajku ta’ Oliver Friggieri:

“Staqsejt lil dudu
jekk jafx min ħalqu. Qalli:
‘Xi Ħadd li jħobbni!’”

Grazzi.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta