Ritratt: Ian Noel Pace – Arċidjoċesi ta’ Malta

L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Hemm mistoqsijiet li nagħmluhom għax irridu nkunu nafu xi ħaġa. U hemm mistoqsijiet li nagħmluhom għax irridu nkunu nafu tassew lill-persuna. Fl-Evanġelju tal-lum, Ġesù jagħmel lid-dixxipli tiegħu mistoqsija ta’ dan it-tieni tip: “Min jgħidu n-nies li hu Bin il-bniedem?” (Mt 16:13) U mbagħad jagħmlilhom mistoqsija aktar personali: “Imma intom, min tgħidu li jien?” (Mt 16:15).

Din hija waħda mill-aktar mistoqsijiet importanti fl-Evanġelju kollu. Nafu x’wieġbu n-nies – ma kellhomx idea korretta ta’ min hu Ġesù. X’jaħsbu n-nies qatt ma jista’ jkun waħdu kriterju ta’ x’inhu veru u ta’ x’inhu falz, ta’ x’inhu tajjeb u ta’ x’inhu ħażin. Imma Pietru jwieġeb: “Inti l-Messija, Bin Alla l-ħaj” (Mt 16:16). Pietru ma jagħtix sempliċement isem jew titlu lil Ġesù, imma jagħmel stqarrija ta’ fidi. Jagħraf min hu tassew Ġesù.

U Ġesù, bi tweġiba, jagħtih missjoni: “Int Pietru, u fuq din il-blata jiena nibni l-Knisja tiegħi” (Mt 16:18). Hemm xi ħaġa tassew sabiħa f’dan il-mument. Pietru jagħraf sew min hu Ġesù. U meta jagħraf min hu Ġesù, jibda jiskopri wkoll min hu hu stess, u għal xiex qed isejjaħlu l-Mulej.

Mitejn sena wara

B’mod profond, din hija wkoll l-istorja ta’ Santa Jeanne Antide Thouret, il-fundatriċi tas-Sorijiet tal-Karità, li llum qed infakkru b’radd il-ħajr il-200 anniversarju mill-mewt tagħha, li jaħbat proprju għada. Santa Jeanne Antide mietet f’Napli fl-24 ta’ Awwissu 1826.

Ritratt: Ian Noel Pace – Arċidjoċesi ta’ Malta

Għexet ħajja ta’ servizz straordinarju, ta’ sagrifiċċju, ta’ tbatija u ta’ fedeltà. Ma mitetx wara ħajja fejn kollox mexa bla problemi. Għaddiet minn diżappunti. Kien hemm nuqqas ta’ ftehim. Kien hemm firda u tbatija. Ma ratx matul ħajjitha t-twettiq sħiħ ta’ dak kollu li kienet tittama għalih. U madankollu baqgħet fidila.

Din hija ħaġa tassew importanti li niftakru llum. Għax kultant naħsbu li l-qdusija tfisser li, fl-aħħar, kollox f’ħajjitna jispiċċa sew u sabiħ. Il-ħajja ta’ Jeanne Antide tgħallimna xi ħaġa oħra: il-qdusija tfisser li nibqgħu fidili, anke meta ma narawx l-istampa kollha. Hi tgħallmet tħalli ħajjitha f’idejn Alla.

U hawnhekk nerġgħu lura għal Pietru. Pietru jgħid: “Inti l-Messija”.  Santa Jeanne Antide, bil-mod tagħha, qattgħet ħajjitha kollha tgħix din l-istqarrija tal-fidi. Hi fehmet li jekk Ġesù hu tassew il-Messija, allura l-fqar mhumiex sempliċement problema soċjali; huma ħutna. Jekk Ġesù hu tassew il-Messija, il-morda mhumiex piż li rridu nimmaniġġjaw: huma persuni li d-dinjità tagħhom trid tiġi mħarsa. Jekk Ġesù hu tassew il-Messija, it-tifel jew it-tifla abbandunati ma jistgħux jiġu minsija. Jekk Ġesù hu tassew il-Messija, allura l-edukazzjoni mhijiex biss li ngħaddu l-għarfien; hija mezz biex ngħinu lil persuna tiskopri li Alla jħobbha. U jekk Ġesù hu tassew il-Messija, allura l-karità mhijiex sempliċement li nagħmlu xi ħaġa tajba. Il-karità hija laqgħa ma’ Kristu nnifsu.

Fidi li ssir karità

Din kienet fil-qalba tal-vokazzjoni ta’ Santa Jeanne Antide. Sa minn żgħożitha, tul iż-żmien tar-Rivoluzzjoni Franċiża, fl-eżilju, fl-iskejjel, fl-isptarijiet u fis-servizz lill-fqar, u fl-aħħar snin tagħha f’Napli, baqgħet tirritorna għall-istess konvinzjoni tal-Evanġelju: Kristu jinsab f’dawk li d-dinja faċilment tinjora.

Ritratt: Ian Noel Pace – Arċidjoċesi ta’ Malta

Fil-ħidma tagħha f’Napli, ħadet ħsieb il-morda, żaret lill-fqar u fetħet skejjel. Il-karità tagħha ma kinitx xi ħaġa astratta. Kellha idejha u saqajha. Daħlet fl-isptarijiet, marret fil-klassijiet, daħlet fid-djar. Messet it-tbatija tal-bniedem. U din hija waħda mir-raġunijiet għaliex ix-xhieda tagħha għadha rilevanti tant, mitejn sena wara.

Id-dinja nbidlet ħafna minn żmien Jeanne Antide. Imma l-qalb tal-bniedem ma nbidlitx daqshekk. Għad hawn min hu waħdu, hawn il-faqar, hawn min hu mwarrab, hawn il-mard, hawn tfal għandhom bżonn lil xi ħadd jemmen fihom.  Għad hawn familji li għandhom bżonn lil xi ħadd jimxi magħhom.

In-nies għandhom bżonn jiltaqgħu ma’ Nsara li mhux biss jitkellmu dwar l-imħabba ta’ Alla, imma jagħmlu din l-imħabba ta’ Alla tidher. Din hija l-vokazzjoni li jgħixu b’tant ġenerożita s-Sorijiet tal-Karità.

X’qed jitlob minna l-Mulej

Għalhekk, il-200 anniversarju mhuwiex sempliċement okkażjoni biex infakkru data fl-istorja. Jgħinna biex nagħmlu mistoqsija importanti, il-mistoqsija li Ġesu għamel lil Pietru: “Min tgħidu li jien?” Din il-mistoqsija qed issir lil kull wieħed u waħda minna: min hu Ġesù għalija?

Għax it-tweġiba għal din il-mistoqsija tbiddel kollox. Jekk hu tassew iċ-ċentru ta’ ħajti, dak li jiddetermina kif inħares lejn il-persuna l-oħra u speċjalment lejn min hu vulnerabbli, il-fidi ssir missjoni – bħalma saret il-fidi ta’ Pietru. L-istqarrija tiegħu twassal għal missjoni. Santa Jeanne Antide ma żammitx il-fidi tagħha magħluqa ġewwa l-kunvent, imma għexet il-missjoni tagħha billi ħarġet lejn il-fqar, lejn il-morda, lejn it-tfal li kellhom bżonn edukazzjoni. Ħadet lil Kristu f’sitwazzjonijiet ta’ tbatija u ta’ inċertezza. U għamlet dan mhux għax kienet ċerta li kollox kien se jirnexxi, imma għax kienet ċerta li Kristu huwa fidil.

Din hija waħda mill-aktar lezzjonijiet importanti għall-ħajja reliġjuża llum u għal kull min hu ispirat mill-fidi fil-ħidma soċjali. Kultant nistgħu nkunu tentati nkejlu l-ħidma tagħna bis-suċċess li jidher. Imma l-Evanġelju jagħtina kejl ieħor: il-fedeltà.

Ritratt: Ian Noel Pace – Arċidjoċesi ta’ Malta

Hu jibni l-Knisja li hi tiegħu

Ġesù ma jgħidx lil Pietru: “Int se tibni l-Knisja tiegħi bil-qawwa tiegħek”. Jgħidlu: “…Jiena nibni l-Knisja tiegħi”. Kemm hu ta’ faraġ dan il-kliem! Il-Knisja, fl-aħħar mill-aħħar, hija l-ħidma ta’ Kristu. Il-kongregazzjoni hija l-ħidma ta’ Kristu. Il-vokazzjoni ta’ kull reliġjuża hija l-ħidma ta’ Kristu.

Il-ħidma tagħna hija li nibqgħu fidili lejn Kristu u nħalluh jaħdem permezz tagħna. Santa Jeanne Antide fehmet dan. Hi esperjenzat is-suċċess, imma ukoll l-oppożizzjoni. Rat l-iżvilupp pożittiv, imma ukoll il-firda u t-tbatija. Rat il-ferħ li tara l-kongregazzjoni tagħha tinfirex, imma mietet mingħajr ma rat l-għaqda sħiħa li kienet tixtieq.

U madankollu, Alla kien għadu jaħdem. Għax Alla jara l-istorja kollha. Din hija lezzjoni ta’ min niftakruha dejjem. Aħna naraw kapitlu wieħed. Alla jara l-istorja kollha. Santa Jeanne Antide ma setgħetx tara l-frott kollu tal-ħidma tagħha. Ma ratx il-kongregazzjoni tinfirex f’pajjiżi u f’ġenerazzjonijiet differenti. Ma setgħetx tara dan il-kunvent, u lis-sorijiet miġbura hawn. Imma Alla rahom. Iż-żerriegħa li hi ħawlet bil-fidi ma mititx magħha. Saret siġra. U l-Knisja għadha ssib dell u kenn taħt il-friegħi tagħha.

Għall-mistoqsija ta’ Ġesu “Min tgħidu li jien?”, inwieġbu llum ma’ Pietru: “Inti l-Messija, Bin Alla l-ħaj”. U nħallu din it-tweġiba ssir konkreta.  Jekk hu l-Messija, ejjew naqduh fil-fqar, nagħrfuh fil-morda, niddefendu l-ħajja u d-dinjità ta’ kull bniedem, nibqgħu fidili anke meta ma narawx il-frott tal-ħidma tagħna. Niftakru dejjem: il-karità tibda mhux xi mkien ’il bogħod, imma mill-persuna li Alla jqiegħed ħdejna.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju