L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Il-qalb, ir-ruħ u l-moħħ. Dawn huma t-tlieta li jsemmi Ġesù hawnhekk, meta jrid jenfasizza l-imħabba lejn Alla bħala l-kmandament il-kbir. Staqsieh wieħed għaref fil-Liġi: “liema hu l-kmandament il-kbir, fil-Liġi?” (Mt 22:36), u Ġesù jgħidlu: “Ħobb lill-Mulej Alla tiegħek b’qalbek kollha, b’ruħek kollha u b’moħħok kollu” (Mt 22:37). Imma li kien speċjali għal min kien qed jisma’ lil Ġesù kien il-fatt li Ġesù ma waqafx hemm, imma miegħu żied kmandament ieħor, li Ġesù jgħid li jixbhu: “Ħobb li għajrek bħalek innifsek” (Mt 22:39). U jgħaqqad dawn it-tnejn bħala ż-żewġ kmandamenti li “huma l-qofol tal-Liġi kollha u tal-Profeti” (Mt 22:40).
X’irid jgħid Ġesù b’dan lilna llum? L-ewwel nett, Ġesù qed jinsisti li fil-qalba tal-ħajja tagħna Nisranija għandu jkun hemm l-imħabba. Hija l-imħabba li għandha tmexxina: l-imħabba lejn Alla, qabel kollox – l-imħabba sħiħa lejn Alla – u l-imħabba lejn l-oħrajn. Jekk il-ħajja tagħna Nisranija hija biss qisu piż u obbligi, li nagħmlu biex qisna aħna nikkuntentaw lill-Mulej, hemm xi ħaġa importanti nieqsa. Għaliex hija l-imħabba li għandha tmexxina. U dak li nagħmlu, u dak li nagħżlu li ma nagħmlux, proprju bħala espressjoni tal-imħabba tagħna. Meta l-Mulej tana l-kmandamenti, li Ġesù semma wkoll, diversi kmandamenti, jekk aħna nħarsu lejhom biss bħala obbligi, u ninsew li għandhom ikunu espressjoni tal-imħabba tagħna, ma nkunux morna fil-qalba tal-ħajja tagħna Nisranija. Ġesù qed jgħid: anke meta aħna nagħżlu li ċerti affarijiet ma nagħmluhomx għax huma ħżiena, dan ikun ħiereġ mill-imħabba, l-imħabba tagħna lejn Alla u lejn l-oħrajn. Mela, fil-qalba tal-ħajja Nisranija għandu jkun hemm l-imħabba.
Ġesù hawnhekk iwieġeb billi jgħid li l-ewwel kmandament hu: l-imħabba sħiħa u totali lejn Alla. Dan għaliex jista’ jiġrilna, anke aħna li nkunu nemmnu, li Alla qisu jidħol f’parti sekondarja fil-ħajja tagħna, flok fiċ-ċentru tal-ħajja tagħna – kultant niftakru fih, kultant niftakru li qiegħed hemm. Imma Ġesù qed jgħidilna: mhux hekk għandha tkun il-ħajja tagħna, imma l-imħabba lejn Alla għandha tkun totali. Għalhekk isemmi l-imħabba li tkun b’qalbna kollha, b’ruħna kollha u b’moħħna kollu – jiġifieri li l-qalb tkun mimlija bl-imħabba lejn Alla, li hi tweġiba għall-imħabba tiegħu kontinwa lejna. L-istess ir-ruħ tagħna, li jkollha fiduċja sħiħa f’Alla. U l-moħħ tagħna li jgħinna nimxu skont il-kelma tiegħu, għax jekk aħna verament inħobbuh, nimxu skont dak li jgħidilna hu. Mhix imħabba vera jekk aħna nisimgħu l-kelma tiegħu, ngħidu “din kelma sabiħa!”, imbagħad nagħmlu dak li jogħġob lilna. Għalhekk l-ewwel hija l-imħabba totali lejn Alla.
Imma Ġesù mbagħad iżid – u dan hu importanti ħafna – il-kmandament l-ieħor: li aħna nħobbu lil għajrna, lill-oħrajn, bħalna nfusna. U jgħaqqadhom flimkien. Qed jgħid: l-imħabba għandha tkun lejn l-oħrajn – lejn dawk li magħhom niltaqgħu, lejn dawk li magħhom ngħixu. Irridu niftakru ħafna li l-imħabba ma tfissirx li inti tħoss emozzjoni u daqshekk. Jalla tkun ukoll emozzjoni sabiħa li tħoss, imma l-imħabba tfisser li inti trid il-ġid tal-oħrajn, u tfittex li tagħmlilhom il-ġid. U kemm ta’ min hu simpatiku, u kemm ta’ min hu antipatiku. Għax hawn nies li tkun taħdem magħhom u tgħix magħhom li min-natural tagħhom jiġbduk, u oħrajn jimbuttawk. Imma l-imħabba ma tfissirx li tagħżel u tgħid: jekk xi ħadd jimbuttani, immur ’il bogħod minnu jew minnha. Imma l-imħabba tfisser: anke jekk dan antipatiku, tridlu l-ġid, u tagħmillu l-ġid, u tgħid kelma ta’ ġid. Dik hi l-imħabba. Għalhekk, mhijiex biss li tħoss. Kultant tħoss il-kontra fil-qalb tiegħek, imma tgħid: jien irrid nagħmel ħilti biex verament inħobb bil-fatti.
Aħna nafu li fil-ħajja tagħna nuru din l-imħabba speċjalment fl-affarijiet iż-żgħar ta’ kuljum – kelma ta’ ġid, preżenza ħdejn xi ħadd li hu marid u fil-bżonn, għajnuna li nistgħu noffru, li nisimgħu. Li tisma’ ħafna drabi hi verament espressjoni ta’ mħabba.
Għalhekk Ġesù jgħaqqadhom flimkien. Dan tajjeb li niftakru, u għal dan nitolbu: li aħna dejjem ngħaqqdu flimkien l-imħabba totali lejh u l-imħabba lejn l-oħrajn, kif għallimna hu. U niftakru: b’dal-mod li nkunu qed ngħixu tassew il-ħajja Nisranija, kif irid minna Ġesù.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta




