
Caritas Malta dalgħodu nediet il-Maratona ta’ Mħabba, li se tixxandar fuq l-istazzjonijiet kollha s-Sibt 7 ta’ Novembru bejn il-11am u l-11pm.
Din l-inizjattiva ta’ ġbir ta’ fondi għandha l-għan li ssaħħaħ is-sostenibbiltà u l-kontinwità tas-servizzi kollha offruti mingħajr ħlas lill-persuni u familji l-aktar fil-bżonn.
F’konferenza stampa fil-Caritas Community Centre fil-Ħamrun, ġie spjegat kif il-fondi miġbura tul il-Maratona ta’ Mħabba jagħtu sapport biex Caritas Malta tkompli u ssaħħaħ il-ħidma tagħha fil-qasam tas-servizzi psiko-soċjali, il-prevenzjoni u l-ħidma fil-komunità.
Id-Direttur ta’ Caritas Malta Anthony Gatt, ta ħarsa lejn il-ħidma estensiva tul l-2025. Spjega kif il-Counselling u Social Work Unit, permezz ta’ professjonisti fil-qasam, għenet 303 persuni b’922 sessjoni ta’ appoġġ, filwaqt li l-gruppi ta’ sapport laħqu 260 persuna oħra.
Spjega wkoll dwar il-ħidma fil-komunità, il-programmi ta’ prevenzjoni fl-iskejjel, u servizz ta’ Employees Assistance Programme mogħti lill-kumpaniji, fejn Caritas laħqet aktar minn 11,129 persuna, inkluż studenti, ġenituri, impjegati, żgħażagħ u professjonisti.
Rigward servizzi relatati mad-dipendenza fuq id-droga, id-direttur ta’ Caritas qal li fl-2025 total ta’ 1,038 persuna fittxew l-għajnuna għall-problemi relatati mad-droga, filwaqt li minn dawn kien hemm 253 admission fi programmi residenzjali. 426 membru tal-familja ngħataw appoġġ speċjalizzat.
‘Min Jaf li Kieku’: kanzunetta b’messaġġ ta’ paċi u solidarjetà
Tnediet il-kanzunetta ‘Min Jaf li Kieku’, lirika u b’kompożizzjoni mill-istudenti tal-Kulleġġ San Ġorġ Preca, il-Ħamrun u l-Kulleġġ Missjunarju ta’ San Pawl bħala parti mill-kampanja CaritasFest 25/26 fejn bħala parti mill-proġett edukattiv annwali ta’ Caritas, it-tema magħżula għal din is-sena kienet il-paċi, b’rispons għar-realtajiet u l-isfidi li d-dinja qed taffaċċja. Din il-kanzunetta hi parti mill-ħidma preventiva ta’ Caritas Community Wellbeing and Development Unit.

Fil-konferenza stampa, l-istudenti qasmu riflessjonijiet dwar l-importanza tal-paċi fid-dinja u kif kull persuna tista’ tagħti s-sehem tagħha biex tinbena soċjetà aktar magħquda.
Il-kanzunetta nbniet permezz ta’ sensiela ta’ workshops immexxija minn Prof. Michael Spagnol u Daniel Cauchi, fejn seba’ studenti ħadmu flimkien biex jiktbu l-lirika u l-mużika.
Ir-recording tal-kanzunetta sar f’Lulju ta’ din is-sena bl-appoġġ tal-HSBC Malta Foundation. Josef Pace, Koordinatur tas-servizzi psiko-soċjali spjega li l-għan tal-kanzunetta hu li titqassam mal-iskejjel u mal-komunità kollha biex tfakkarna fil-passi żgħar ta’ kuljum li nistgħu nieħdu biex inżommu l-paċi f’qalbna u f’dawk ta’ madwarna.

Monsinjur Martin Micallef, Vigarju Episkopali għall-ħidma fid-Djakonija, tkellem dwar il-parabbola tas-Samaritan it-Tajjeb, u li dan jirrifletti l-ħidma tal-Caritas, dak li tagħti kas lin-nies vulnerabbli fis-soċjetà Maltija. Il-Knisja f’Malta hija pijuniera fil-qasam soċjali u l-Caritas hija waħda mill-ikbar entitajiet li għandha l-Knisja u li tkun dejjem bil-bieb miftuħ biex sservi b’dan il-mod ħafna drabi fis-skiet.
Caritas Malta qed tħeġġeġ lill-pubbliku biex ikun ġeneruż fid-donazzjonijiet tiegħu għax bis-saħħa ta’ din l-għajnuna finanzjarja is-servizzi jkomplu jevolvu u jissaħħu aktar għal dawk l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà.
Kull donazzjoni tfisser opportunità oħra biex persuna jew familja ssib l-appoġġ li teħtieġ fil-ħin u bla ħlas.

Sors: Newsbook Malta






