
Fl-Evanġelju tal-lum, Ġesù għal darbtejn jenfasizza l-ħarsien tal-kmandamenti tiegħu. Jgħid: “Jekk tħobbuni, ħarsu l-kmandamenti tiegħi” (Ġw 14:15). Imbagħad fl-aħħar: “Min iżomm il-kmandamenti tiegħi u jħarishom, dak hu li jħobbni” (Ġw 14:21). Qed ikun ċar Ġesù li meta aħna ngħidu li nħobbuh, mhux sempliċiment kliem li ngħidu u nieqfu hemm. L-imħabba lejn Ġesù mhijiex sempliċi sentiment li nħoss. Ġesù ma jgħidx: jekk tħobbuni, oqogħdu ammirawni. Lanqas jgħid: jekk tħobbuni, ibżgħu minni. Imma: “Jekk tħobbuni, ħarsu l-kmandamenti tiegħi”.
Għaliex il-kejl tal-imħabba lejn Alla hu proprju f’dak li nagħmlu. Li nagħmlu fil-ħajja tagħna, l-għażliet li nieħdu, hemmhekk qed nuru kemm inħobbu tassew lil Alla. Aħna nafu li meta Ġesù ġie biex jiġbor il-kmandamenti tiegħu, ġabarhom fl-imħabba lejn Alla u l-imħabba lejn il-proxxmu. U qal: dawn it-tnejn juru tassew il-kmandamenti ta’ Alla.
Jien nixtieq li naraw fil-prattika dal-kliem ta’ Ġesù. Għax meta hu qed jgħid “jekk tħobbuni, ħarsu l-kmandamenti tiegħi”, mhux qed jgħid xi ħaġa li qiegħda fl-ajru, imma fil-prattika tal-ħajja ta’ kuljum. U ħa nagħti xi eżempji mill-kmandamenti ta’ Alla, li aħna nafuhom u li tgħallimniehom meta konna żgħar, u li għadhom jgħoddu ħafna għal żmienna.
La ssemmix l-isem ta’ Alla fil-batal
Jekk il-Mulej jgħid fil-kmandamenti tiegħi biex aħna ma noffendux lil Alla bi kliemna – “la ssemmix l-isem ta’ Alla fil-batal” – ifisser li jekk veru nħobbu lil Alla, ma noffenduhx bi kliemna. Noqogħdu attenti li meta nsemmu l-isem ta’ Alla u ta’ Ommu Marija, nuru rispett u mħabba. Ġieli jkun hemm min jgħid: imma jien hekk magħmul, magħmul noffendi. Mhux magħmul hekk, għax Alla lil ħadd ma ħalaq joffendih! Sirt hekk maż-żmien; u kif sirt hekk maż-żmien, agħmel ħiltek biex ma tibqax hekk. L-offiża lil Alla hi tant komuni sfortunatament fostna. Hi ħaġa verament kerha. Il-Mulej ifakkarna: jekk tħobbuni, toffendunix.
Ma’ dan ukoll, irridu ngħidu wkoll ir-rispett li għandna nuru lejn xulxin, l-istima li għandna nuru lejn xulxin fi kliemna. Hija sfortuna li kultant bi kliemna, b’dak li niktbu – u ħa nsemmi speċjalment il-media soċjali – nitkellmu b’mod li ninsulentaw, inweġġgħu, kultant kalunji lil xulxin. Qisu hawn min jikteb, u mbagħad forsi xi darba jaħseb! Qabel konna ngħidu li għandek taħseb qabel tikteb, u hawn min jikteb sempliċiment dak li jiġih f’moħħu. Imma tista’ tagħmel ħafna ħsara. Ma għandniex aħna, bil-kliem tagħna, inweġġgħu lill-oħrajn, ninsulentaw lill-oħrajn. Hemmhekk nuru – bil-mod li aħna nitkellmu fuq l-oħrajn u l-istima li nuru – kemm inħobbu tassew lil Alla.
Weġġah lil missierek u ’l ommok
Nieħdu l-kmandament ta’ Alla li nirrispettaw lill-ġenituri tagħna – “weġġah lil missierek u ’l ommok”. Kemm hu importanti, u llum qed niċċelebraw proprju Jum l-Omm, li nuru rispett lejn il-ġenituri tagħna. Anke meta jikbru, anke meta tonqoshom is-saħħa, u jkollhom aktar bżonn, aħna nuru l-appoġġ u r-rispett lejhom. Hemm, fir-rispett lejn il-ġenituri tagħna, qed nuru kemm tassew inħobbu lil Alla.
La tisraqx
Kmandament ta’ Alla jgħid ukoll “la tisraqx”. Aħna nafu li l-onestà u l-integrità huma importanti ħafna fil-ħajja tagħna. Nuru tassew kemm inħobbu lil Alla meta aħna nġibu ruħna sew anke fejn jidħol il-kuntatti mal-oħrajn – li aħna qatt ma nfittxu li niggwadanjaw minn fuq ħaddieħor b’mod inġust, li nisirqu, bil-miftuħ jew bil-moħbi, lill-oħrajn.
La toqtolx
Jgħid ukoll kmandament ta’ Alla “la toqtolx”. Aħna nafu kemm hu importanti dan, speċjalment meta nħarsu lejn il-gwerer li jsiru li jirriduċu l-qtil qisu xi ħaġa normali, li tibqa’ għaddejja. Qisu kważi logħba kultant! Kultant ikun hemm nies li jiġġustifikaw dan. Jgħidlek: bilfors jibbumbardjaw. Biex tolqot lil wieħed, toqtol il-kumplament tan-nies! Għalhekk il-kmandament ta’ Alla “la toqtolx” ifakkarna kemm hu importanti li aħna nuru rispett lejn il-ħajja ta’ kull persuna.
U niftakru wkoll li “la toqtolx” jgħodd dejjem; ir-rispett u l-protezzjoni tal-ħajja umana dejjem. Ma nistax ngħid “veru ma toqtolx, imma jekk xi ħadd ikun għadu ma twelidx, ikun għadu fil-ġuf, hemm hekk nista’”. Le, ma tistax! La toqtolx. Hemm nuru tassew kemm inħobbu lil Alla.
La tixhidx ħaġa b’oħra
Il-kmandamenti kollha nistgħu nsemmu, wieħed wieħed. Dejjem lilna jgħinuna biex aħna nagħrfu kif meta nħarsuhom, qegħdin nuru tassew li nħobbu lil Alla. L-istess meta jgħid “la tixhidx falz”, li aħna l-kliem tagħna jkun kliem veru, li jirrispetta l-verità, bħalma qal Ġesù llum fl-Evanġelju li jagħtina “l-Ispirtu tal-verità” (Ġw 14:17). Jekk jien għalija l-gidba hi ħaġa komuni, jew nigdeb għax jaqbilli, qed nuri li ma nħobbx tassew lil Alla.
Għajnuna biex ngħixu ta’ nies
Il-kmandamenti Alla tahomlna mhux bħala ktajjen, jew bħala piż, imma bħala għajnuna biex ngħixu ta’ nies, u biex noħolqu soċjetà fejn hemm rispett lejn xulxin, bħala nies li nirrispettaw lil xulxin. Għalhekk hu sabiħ dan l-Evanġelju tal-lum li jfakkarna biex nagħmlu ħilitna ħalli nħarsu l-kmandamenti ta’ Alla, għax hemmhekk nuru tassew kemm inħobbu lilu b’qalbna kollha.
Nitolbu lill-Mulej illum. Niftakru l-kliem li kien qal Ġesù: “Mhux min jgħidli ‘Mulej, Mulej’ jidħol fis-Saltna tas-Smewwiet, imma min jagħmel ir-rieda ta’ Missieri li hu fis-smewwiet!” (Mt 7:21). Nitolbuh din il-grazzja: li aħna nagħmlu ħilitna – bil-limitazzjonijiet tagħna, bid-difetti tagħna, u meta niżbaljaw nitolbu maħfra, għax il-Mulej dejjem jaħfrilna. U jagħtina din il-qawwa biex nagħmlu ħilitna ħalli ngħixu l-kmandamenti tiegħu u hemm nuru tassew kemm inħobbu lilu b’qalbna kollha, b’ruħna kollha u bil-qawwa tagħna kollha.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju




