Photo: Vatican Media

It-8 ta’ Mejju 2026 jimmarka l-ewwel anniversarju mill-ħatra tal-Papa Ljun XIV bħala l-267 suċċessur ta’ Pietru. Sena wara li dehret id-daħna bajda fis-6:06pm mill-Kappella Sistina, l-ewwel sena tal-pontifikat tiegħu jidher li kienet immarkata minn stil kalm, missjunarju u profond li ħares lejn il-paċi u d-dinjità ta’ kull bniedem.

Sa mill-ewwel messaġġ tiegħu Urbi et Orbi, il-Papa għażel li jqiegħed il-paċi fiċ-ċentru tal-missjoni tiegħu, hekk kif sellem lid-dinja bil-kliem ta’ Kristu: “Il-paċi tkun magħkom ilkoll!”

Dan il-messaġġ ma kienx sempliċiment slogan biex ta bidu għall-pontifikat iżda linja ċara tal-ministeru, f’liema messaġġ il-kelma ‘paċi’ ntqalet minn tal-inqas 10 darbiet. Il-Papa tkellem ripetutament favur “paċi bla armi u paċi li żżarma”, waqt li appella biex id-dinja tagħżel id-djalogu flok il-vjolenza, u l-ġid komuni flok il-loġika tal-poter.

Għalkemm il-kritika u l-kummenti politiċi lejh ma naqsux, partikolarment minħabba l-appelli tiegħu favur il-paċi, il-migranti, u kontra l-gwerer, il-Papa evita li jidħol f’konfronti diretti. Minflok, baqa’ jinsisti li l-missjoni tiegħu mhijiex politika, iżda spiritwali u pastorali. Għaldaqstant huwa jibqa’ kommess li jfakkar lid-dinja fid-dinjità ta’ kull persuna umana.

Permezz tal-eżortazzjoni appostolika Dilexi te, il-Papa sostna li filwaqt li bħala Knisja huwa meħtieġ li tiġi evanġelizzata mill-foqra, “li tersaq qrib il-foqra jfisser li tersaq qrib il-ġrieħi ta’ Kristu.” Saħaq ukoll li meta wieħed iħares lejn il-foqra, ma għandux jara problema li teħtieġ soluzzjoni iżda li l-ewwel u qabel kollox irid jara li dik hija persuna umana.

3 Vjaġġi Appostoliċi

Tul din l-ewwel sena, il-Qdusija Tiegħu żar diversi pajjiżi barra l-Italja fosthom it-Turkija, il-Libanu, l-Alġerija, il-Kamerun, l-Angola u l-Ginea Ekwatorjali. Kienu vjaġġi li wrew b’mod ċar il-prijorità tiegħu lejn il-periferiji u lejn popli li qed jgħixu fi tbatija, fil-gwerer jew f’instabbiltà soċjali.

Fl-Alġerija, apparti li hija l-art ta’ Santu Wistin, il-Papa li huwa wkoll l-ewwel Papa li qatt żar dan il-pajjiż, wissa biex il-Mediterran ma jsirx “ċimiterju għall-migranti u r-refuġjati”, iżda jibqa’ spazju ta’ laqgħa u tama bejn il-popli. Fil-Kamerun, meta ltaqa’ ma’ tfal minn orfanatrofju, huwa qalilhom li “msejħin għal futur akbar mill-ġrieħi tagħkom.”

Dan l-appell ukoll deher fl-ewwel diskors meta ħeġġeġ li l-ħażen ma għandux l-aħħar kelma, u li mhuwiex se jirbaħ, hekk kif Alla jrid il-ġid u jħobb lil kulħadd.

L-Ispirtu tal-Għaqda bejn il-Knejjes

Waħda mill-aktar dimensjonijiet li spikkat matul din is-sena kienet dik ekumenika. Fi djalogu ma’ Knejjes oħra, il-Papa spiss tenna li “dak li jgħaqqadna huwa bil-wisq iktar minn dak li jifridna.”

Dan deher partikolarment waqt il-vjaġġ fit-Turkija flimkien mal-Patrijarka Ekumeniku Bartolomew I, fejn iż-żewġ mexxejja Nsara enfasizzaw il-bżonn ta’ xhieda komuni f’dinja dejjem aktar mifruda u polarizzata. Fl-għeluq tal-1700 sena mill-Konċilju ta’ Niċea, il-Papa sostna li d-dinja ma tistax tara d-dawl ta’ Kristu jekk tara biss firda bejn l-Insara.

Mument storiku ieħor kien il-laqgħa mar-Re Karlu III u r-Reġina Camilla fil-Vatikan. Il-fatt li l-Kap tal-Knisja Anglikana reġa’ talab mal-Kap tal-Knisja Kattolika wara sekli twal kien meqjus bħala pass simboliku importanti fir-relazzjonijiet bejn il-Knisja Kattolika u dik Anglikana. Mhux biss il-mument ta’ talb, iżda wkoll il-ġest ta’ sedja onorarja permanenti għar-Re Karlu III fil-Bażilika ta’ San Paolo Fuori Le Mura bil-motto “Ut unum sint” — “Ħa jkunu lkoll ħaġa waħda”, ikompli jsaħħaħ l-ispirtu ta’ dan il-pontifikat.

L-Għaqda u t-Tiġdid fil-Knisja Kattolika

Il-Papa Ljun XIV ta wkoll importanza kbira lis-sinodalità u l-kultura tas-smigħ.

Frott ix-xewqa tal-kardinali fil-kongregazzjonijiet prekonklavi, il-Papa qiegħed isejjaħ konċistorji – laqgħa bejn il-kardinali – iktar spissi. Sa issa, Ljun XIV diġà għamel konċistorju f’Jannar li għadda, u sejjaħ konċistorju ieħor f’Ġunju li ġej. Huwa semma’ li jrid kollaborazzjoni sħiħa fil-Ministeru Petrin li ġie fdat bih.

Deċiżjoni oħra li ssaħħaħ il-ħidma flimkien fil-Knisja hija r-rilaxxament tar-rapporti tas-Sinodu, li saru minn gruppi ta’ studju. Din id-deċiżjoni ġiet imsejħa bħala sinjal ta’ trasparenza u parteċipazzjoni fil-ħajja tal-Knisja, sabiex il-poplu kollu ta’ Alla jkun konxju mill-moviment tal-Knisja Kattolika.

Tema oħra li qed tingħata bixra dejjem akbar hija l-kultura diġitali. Il-Papa sostna li l-ambjent online mhuwiex biss għodda ta’ komunikazzjoni, iżda kultura ġdida li l-Knisja trid tifhem u tiltaqa’ magħha b’mod missjunarju. F’dan il-kuntest, huwa ħeġġeġ biex il-midja diġitali ssir spazju ta’ smigħ, ta’ tama, u ta’ evanġelizzazzjoni. Fuq kollox, huwa ħeġġeġ ukoll sabiex permezz tat-teknoloġija kif ukoll l-intelliġenza artifiċjali, wieħed jikseb iktar ħiliet sabiex ikun jista’ jwassal il-messaġġ ta’ Kristu li jqanqal lil kull bniedem biex jagħmel esperjenza personali ta’ Ġesù.

Minkejja li sena mhijiex wisq sabiex tanalizza t-traġitt ta’ mexxej, il-Papa Ljun XIV jidher li qed ikun raġġ ta’ tama f’dinja mifruda, pont li jgħaqqad il-periferiji. Fuq kollox, qed iservi bħala ragħaj b’qalb missjunarja li jmexxi lill-Knisja b’enerġija kalma f’dinja dejjem aktar mgħaġġla.

Fuq RTK103, bejn l-10:30am u 12:00pm, se jixxandar programm speċjali dwar l-ewwel anniversarju mill-elezzjoni ta’ Papa Ljun XIV bi produzzjoni u preżentazzjoni ta’ Amanda Ciappara u Luke Vella.

Source: Newsbook.com.mt