L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Inħobbu lil Alla u nħajru lil min iħobbu”. Din hija t-tema sabiħa magħżula għal din l-okkażjoni tal-mitt sena tal-Museum fiż-Żurrieq, u hija tema li tesprimi b’mod sabiħ ħafna dak li għandu jkunu il-messaġġ ewlieni f’okkażjoni bħal din.

Il-bidu

Meta mmorru lura mitt sena, fl-oriġini, f’Mejju ta’ mitt sena ilu, naraw lill-ewwel superjur tal-Museum taż-Żurrieq, Kalanġ Bugeja, li fetaħ id-dar, ir-remissa tiegħu, biex tkun l-ewwel post fejn jilqa’ lit-tfal għall-katekeżi, bħala l-ewwel Museum.

Naturalment, irridu mmorru ftit qabel, għax kien San Ġorġ Preca li, permezz tal-missjoni kbira tiegħu f’pajjiżna, beda dak li smajna lil San Pawl jgħid lil Timotju: “kulma smajt mingħandi quddiem ħafna xhieda, għaddih lil nies ta’ fiduċja, li huma stess ikollhom il-ħila jgħallmuh ukoll lill-oħrajn” (2 Tim 2:2). Kien San Ġorġ Preca, bl-ispirazzjoni tiegħu, li ħeġġeġ lis-soċji tal-Museum biex imorru jwasslu t-tagħlim, iwasslu l-Kelma ta’ Alla lill-oħrajn. Bis-saħħa ta’ dan li beda l-Museum hawnhekk, fil-parroċċa taż-Żurrieq.

Il-ġid

Illum, aħna u nħarsu lura, irridu nirringrazzjaw ’l Alla ta’ Kalanġ Bugeja, li għalih imsemmija triq fiż-Żurrieq, u ta’ sħabu li kienu pijuniera hawnhekk f’din il-parroċċa. Maż-żmien, ma baqgħetx din l-ewwel dar tiegħu, imma mxew għal djar oħra biex issa l-Museum tal-lum hu r-raba’ dar li tilqa’ fiha lit-tfal u liż-żgħażagħ biex jirċievu l-formazzjoni Nisranija.

Kemm hu sabiħ, għalhekk, meta aħna nħarsu lura lejn dawn il-mitt sena, li nirringrazzjaw lil Alla għal dak kollu li sar b’tant ħeġġa, b’imħabba, b’dedikazzjoni, b’sagrifiċċju, u b’servizz ms-soċji tal-Museum ma’ tant tfal u żgħażagħ f’din il-parroċċa! Hi okkażjoni ta’ gratitudni kbira lejn Alla u lejn dawk kollha li kellhom sehem. Meta toqgħod taħseb ftit, kemm ġid sar f’dil-parroċċa taż-Żurrieq minn dawn in-nies iddedikati, is-soċji tal-Museum, matul dawn il-mitt sena li għaddew!

Ir-relazzjoni

It-tema magħżula taqbad b’mod tajjeb ħafna dak li tfisser l-esperjena tal-Museum. Il-Museum jgħinek – bħalma nista’ ngħid jien, li għamilt minn erba’ snin sakemm dħalt is-Seminarju, jiġifieri prattikament erbatax-il sena, il-Museum – biex tħobb lil Alla u tħajjar lil min iħobbu. L-ewwel nett, li tħobb lil Alla. Għax il-Museum mhux biss biex titgħallem id-duttrina, qisek qed titgħallem xi ħaġa b’moħħok biss, imma l-Museum jgħinek biex permezz tal-Kelma ta’ Alla, permezz tat-tagħlim, tiltaqa’ ma’ Ġesù. Hi relazzjoni ta’ mħabba – li l-ewwel tagħraf kemm Ġesù jħobbok, kemm Ġesù jrid jersaq lejk, u int imbagħad twieġbu b’imħabba kbira.

Kemm hu sabiħ li aħna niftakru f’tant ġid li jsir meta fil-Museum tfal u żgħażagħ jiltaqgħu ma’ Ġesù. Hemmhekk hi r-relazzjoni ta’ mħabba li mbagħad tagħti direzzjoni, tagħti s-sens lill-ħajja tagħhom. Hemmhekk din l-imħabba ta’ Alla t-tfal u ż-żgħażagħ isibuha mhux biss bil-kelma imma wkoll bix-xhieda. Nixtieq nuri apprezzament kbir, għax mhijiex biss il-kelma li tisma’ u taħseb fuqha u tinżel fil-qalb tiegħek, imma l-ewwel nett hi x-xhieda li tgħinek biex tagħraf lil Alla li hu mħabba – ix-xhieda ta’ tant nies dedikati bħalma huma s-soċji tal-Museum.

Il-missjoni

Imbagħad, kif tgħid it-tema, inħobbu lil Alla u “nħajru lil min iħobbu”. Dak li nirċievu, nirċevuh biex nistgħu ngħadduh lill-oħrajn. Dak hu s-sabiħ tal-ħajja tagħna Nisranija – li meta nirċievu l-imħabba ta’ Alla, ngħadduha lill-oħrajn. Bħalma għamel San Ġorġ Preca li tiegħu niċċelebraw il-festa għada, b’tant imħabba u gratitudni. San Ġorġ Preca fehem li meta int tiltaqa’ ma’ Ġesù, tiltaqa’ mal-imħabba tiegħu, trid tgħaddi din l-imħabba lill-oħrajn. Tgħaddiha lill-oħrajn anke meta dan ifisser sagrifiċċju. 

Jien meta nħares lejn dawn il-mitt sena, imma wkoll lejn dak li bħalissa jsir mis-Soċjetà tal-Museum, nara persuni ta’ servizz, ta’ sagrifiċċju, dedikati, li għax mimlijin bl-imħabba, iridu jgħinu lill-oħrajn iħobbu lil Alla. Kif tgħid tajjeb it-tema ta’ Ewġenju Borg, inħarju lil min iħobbu, mhux inġiegħlu bilfors, mhux irridu nobbligaw lil ħaddieħor. Inħajruh. Kif jispjega tant tajjeb il-Papa Franġisku, kif ukoll il-Papa Ljun XIV li llum niċċelebraw l-ewwel anniversarju mill-elezzjoni tiegħu bħala Papa, fil-ħajja tagħna Nisranija ngħaddu lill-oħrajn l-imħabba ta’ Alla mhux billi nġegħluhom, imma billi nħajruhom. B’attrazzjoni, mhux b’obbligu. Din hi l-missjoni li tagħmel b’tant impenn is-Soċjetà tal-Museum f’pajjiżna.

Ir-rikonoxxenza

Nixtieq li nagħrfu wkoll kemm din il-ħidma tas-Soċjetà tal-Museum f’pajjiżna tħalli ġid kbir fis-soċjetà Maltija. Nixtieq li nkunu rikonoxxenti għal dan – rikonoxxenti bħala Knisja f’Malta, li għandna soċjetà hekk impenjata fil-qasam importanti tal-katekeżi, imma rikonoxxenti wkoll bħala soċjetà Maltija. Għax meta aħna ngħinu lill-oħrajn iħobbu lil Alla, u jimxu ma’ dak li jrid Alla, isir ġid kbir fis-soċjetà.

Għal dan nixtieq li aħna nuru apprezzament – kemm ġid isir, u bl-istess spirtu ta’ San Ġorġ Preca, jiġifieri bil-kwiet, bla ħafna daqq tat-trombi, b’umiltà, bis-sempliċità, fil-ħajja ordinarja, kif għallimna Ġesu li hemmhekk isir, fil-fatt, l-akbar ġid – mhux meta nagħmlu ħafna storbju, imma meta naħdmu bl-istess spirtu ta’ Ġesù, kif uriena tant tajjeb San Ġorġ Preca.

Il-viżjoni

Nixtieq li llum inħarsu mhux biss lura, u lejn dak li qed ngħixu llum, imma wkoll lejn il-futur. Kemm hu importanti li nkomplu nieħdu dan l-impenn li nwasslu l-Evanġelju lill-ġenerazzjonijiet tal-futur. Importanti li nagħrfu li waqt li nħarsu lura, il-viżjoni tagħna trid tkun ’il quddiem. Inħarsu ’l quddiem biex nistgħu nkomplu dan l-impenn ta’ katekeżi mis-Soċjeta tal-Museum f’din il-parroċċa taż-Żurrieq. Nixtieq li nħarsu ’l quddiem b’fiduċja, u b’talba lil Alla biex jgħinna ħalli din il-missjoni nkompluha. Hu importanti ħafna għalina, għall-Knisja, għas-soċjeta Maltija, u għal din il-lokalita taż-Żurrieq.

Nitolbu llum lill-Mulej, filwaqt li nuruh gratitudni, u nuruh kemm napprezzaw dak li sar tul dawn il-mitt sena, u dak li qed isir bħalissa; nitolbuh biex ikompli jkun magħna, jagħtina din il-ħarsa ’l quddiem b’fiduċja, jgħinna biex inkomplu nirċievu l-ispirazzjoni ta’ San Ġorġ Preca li nfittxu li nħobbu lil Alla u nħajru lil min iħobbu, u li jkollna qalbna mimlija b’dil-ħeġġa li nwasslu l-Evanġelju lil kull min niltaqgħu miegħu bl-istess imħabba u bl-istess għożża li wasslu San Ġorġ Preca.

✠ Joseph Galea-Curmi 
    Auxiliary Bishop of Malta