L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Ippermettuli napplika l-kliem ta’ Ġesù lill-appostli għall-membri tal-Korp, ovvjament mhux għall-kummissarju biss, imma għall-membri kollha.

Ġesù jħares lejn l-appostli tiegħu, jifhem li ’l quddiem se jkollhom ibatu ħafna. Fil-fatt, parti kbira mill-Evanġelju li qrajna mill-kapitlu 10 ta’ San Mattew jitkellem fuq il-kuntest ta’ persekuzzjoni. Matul iż-żminijiet il-Knisja għaddiet minn dawn il-mumenti koroh tad-dlam. Parti mid-destin tagħha hu li tilqa’ wkoll ir-rifjut ta’ min ma jridx jaċċetta l-istedina tal-Mulej.

“Qiegħed nibgħatkom bħala nagħaġ qalb l-ilpup. Kunu mela għaqlin bħas-sriep, safjin bħall- ħamiem” (Mt 10:16). Interessanti li f’din it-tixbieha ta’ Ġesù hemm erba’ annimali. Ġesù jinqeda bid-dinja ta’ madwarna u jagħżel erba’ annimali biex jiddeskrivi l-messaġġ u jwassal il-messaġġ illi jrid jagħti: in-nagħaġ, l-ilpup, is-sriep u l-ħamiem. F’vers wieħed jissemmew dawn l-erba’ annimali, kważi żoo ċkejken.

Id-dixxiplu huwa nagħġa għaliex għal Ġesù, il-Ħaruf ta’ Alla, in-nagħaġ huma d-dixxipli tiegħu. “Jiena r-ragħaj it-tajjeb … In-nagħaġ tiegħi jagħrfu lili … jisimgħu leħni … għan-nagħaġ tiegħi nagħti ħajti” (Ġw 10:11.14.16). Id-dixxiplu għandu din il-persważjoni li huwa parti minn familja kbira li qed tissielet biex tagħmel l-għażliet it-tajba. Mhux dejjem jirnexxielna; ilkoll kemm aħna nafu kemm aħna dgħajfin. Ilkoll kemm aħna ngħaddu mill-umiljazzjoni li l-ideal li nittammaw għalih mhux dejjem nilħquh.

Il-Mulej iħares ukoll lejn l-intenzjoni imma jridna nagħżlu li nkunu miegħu. Din hija għażla li l-Mulej qed jitlob min kull wieħed u waħda minna, li nħalluh imexxi li jkun ir-ragħaj tagħna. “Qed nibagħtkom bħal nagħaġ” u qed jibagħtna imma qalb l-ilpup (Mt 10:16). Imma wieħed jistaqsi liema ragħaj se jibgħat in-nagħaġ tiegħu qalb l-ilpup f’kuntest ta’ periklu mortali?

Hawnhekk hawn ir-realiżmu ta’ Ġesù. Mhuwiex se jgħid: ‘Jien se npoġġikom f’bozza u se tkunu dejjem nagħaġ perfetti’. Ir-realiżmu ta’ Ġesù jippreparana għad-diffikultajiet tal-ħajja u għall-isfidi li jiġu minn barra u anke minn ġewwa. L-ikbar traġedja għall-merħla hija meta l-lupu ssibu ġewwa u mhux barra, l-ikbar traġedja għall-merħla hija meta fost in-nagħaġ ikun hemm ilpup libsin ta’ nagħaġ. U din hija r-realta li l-umanità jkollha taffaċċja f’kull perijodu tal-istorja tagħha.

“Kunu mela” (Mt 10:16). Ġesù, għalkemm qed jibagħtna u qed jagħraf li se nkunu f’sitwazzjonijiet ta’ periklu, u l-Korp, hu u jipprova jippreveni d-delitti u fejn hemm suspett raġjonevoli jinvestigahom bil-ħeffa u mingħajr ma jħares lejn l-uċuh, jifhem li qed jagħmilha mal-ilpup. L-ebda kriminal mhu lest jagħti lill-Korp xi discount, anzi x-xogħol tagħhom huwa li jħabbtukom kemm jista’ jkun u intom tridu tkunu preparati.

Intom qaddejja tar-Repubblika u tal-ebda poter ieħor arroganti kemm hu arroganti, vjolenti kemm hu vjolenti.

Il-Mulej jgħid hemm bżonn li jkollkom l-għaqal tas-sriep imma wkoll is-safa tal-ħamiem (Mt 10:16). Is-serp huwa għaqli mhux biss għaliex jaf jitkaxkar u kif ngħidu, jkun below the radar, imma għaliex ukoll kapaċi jneħħi l-ġilda tiegħu u jibda mill-ġdid. Din hi l-kapaċità tal-għaqal li tgħinek tirrifletti fuq is-sitwazzjoni u tadatta. Il-Korp kultant jinqabad għall-għarrieda għaliex forsi ma jkunx ippreparat jadatta ruħu għal sitwazzjonijiet u tip ta’ kriminalitajiet ġodda. Imma l-għaqal huwa li aħna nkunu ppreparati, li jkollna l-għaqal ta’ min qed jifhem imma jaġixxi. Ir-rwol tal-Korp tal-Pulizija mhuwiex li jorbot idejh u jistenna li l-bajtra taqa’ f’ħalqu.

Is-safa tal-ħamiem huwa li nagħmlu kollox skont il-ġuramenti li ħadna. Is-safa, għall-membri tal-Korp tal-Pulizija, tibda mis-safa tal-intenzjoni u l-integrità tal-għemil. Intom ħadtu ġurament ta’ lealtà lejn ir-Repubblika, u lejn l-ebda partit politiku, imma lejn ir-Repubblika. Intom qaddejja tar-Repubblika u tal-ebda poter ieħor, arroganti kemm hu arroganti, vjolenti kemm hu vjolenti. Intom il-garanzija tagħna ċ-ċittadini li ħadd mhu ’l fuq mil-Liġi. Dan bħalma jgħidu tajjeb il-paġni mberkin u qaddisa tal-kodiċi tal-etika tagħkom.

Jiena kelli x-xorti li fil-bidu tas-snin 90 niltaqa’ ma’ diversi membri tal-Korp fuq diversi livelli u naqsam magħhom il-lezzjonijiet tal-etika. Nieħu pjaċir li dawn għadhom isiru fil-formazzjoni tal-membri tal-Korp. Dak iż-żmien ma kienx hemm kodiċi tal-etika kif nafuh illum. L-aħħar verżjoni disponibbli li sibt hija dik tal-2002, u li wara kollox kienet qed tirrifletti anke indikazzjonijiet tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-kodiċi tal-etika tal-pulizija.

Ta’ min jerġa’ jifli dan id-dokument importanti, ta’ min ukoll regolarment, wieħed jagħmel l-eżami ta’ jekk il-prinċipji tant tajbin fil-kodiċi tal-etika tal-Korp tal-Pulizija humiex qed jitħaddmu kollha u b’impenn. Wara kollox, l-għaqal u s-safa tal-Korp tal-Pulizija jissarrfu fl-implimentazzjoni ċara u bla tlaqliq tal-kodiċi tal-etika.

Jiena nitlob ħafna għalikom. Nitlob għalikom mhux mingħajr interess personali, għaliex bħala ċittadin kwalunkwe nħares lejkom bħala l-garanzija tal-ordni fis-soċjetà u tar-rispett tal-liġijiet. Il-Mulej ikun l-għaqal u s-safa tagħkom.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Ħos 14:2-10
Salm: 50 (51), 3-4.8-9.12-13.14 u 17
Evanġelju: Mt 10:16-23

Aktar ritratti >>