• Illum il-Knisja qed tfakkar il-festa ta’ Dun Ġorġ Preca, l-ewwel Malti li ġie ddikkjarat qaddis. Min jiftakar lil Dun Ġorġ jipprietka, jiftakar ukoll fil-mijiet ta’ nies li kienu jirrikorru għandu għal parir sinċier u biex jikkonslahom waqt il-provi tal-ħajja.
     
    Għal Dun Ġorġ, il-pariri kienu ħaġa serja għaliex minnhom jiddependi jekk wieħed jgħix ħajja kuntent jew ħajja ta’ infern, jekk wieħed isalvax ruħu jew jitlifha. Hu kien jagħrbel l-intenzjoni tagħhom biex jagħti parir tajjeb u ma jħallix l-ingann jikkontrollalhom ħajjithom. 

    Jum wieħed, daqsxejn ta’ ġuvnott jippreżenta ruħu quddiem Dun Ġorġ u talbu parir fuq it-triq tal-vokazzjoni li kien qed iħoss li kellu fiha jimxi. “Xtaqt li nsir saċerdot? Xi tgħidli dwar dil-ħaġa? X’parir ittini?”, staqsieh iż-żagħżugħ.

    Dun Ġorġ ried jagħrbel sewwa l-intenzjoni tiegħu u wara li semgħu, qallu: “Qed ngħid f’qalbi li kieku inti flok dik ta’ saċerdot kellek taqbad it-triq ta’ patri f’kunvent, mhux aħjar?” Iż-żagħżugħ dlonk wieġbu: “Ma tarax Dun Ġorġ! Ara kieku kemm irrid insefter u naqdi lil dak u lill-ieħor! Mela jiena xi qaddej?!”

    Dun Ġorġ wieġbu: “Allura ikolli ngħid li l-intenzjoni tiegħek li ssir saċerdot hi biex jaqduk u biex tiġbed għalik l-unuri u mhux biex tfittex il-glorja ta’ Alla.” U b’dawn il-ftit kelmiet urieh il-vera intenzjoni tiegħu u l-ingann li fih kien se jaqa’.

    L-ispiritwalità ta’ Dun Ġorġ Preca hija bbażata fuq l-intenzjoni retta. Huwa jgħallem li dak li nagħmlu għandna nagħmluh għall-glorja ta’ Alla u mhux għal xi interess partikolari.

     
    Fl-okkażjoni tal-festa ta’ San Ġorġ Preca, illum, il-Kappella tal-Madonna tal-Midalja Mirakoluza fil-Blata l-Bajda se tkun miftuħa minn filgħodu sa 12:00pm u mill-4:00pm sad-9:00pm. Kulħadd mistieden isib ħin biex jitlob quddiem il-fdalijiet ta’ San Ġorġ Preca.

    Agħfas hawn biex tara l-programm sħiħ taċ-ċelebrazzjonijiet ta’ din is-sena fl-okkażjoni tal-festa ta’ San Ġorġ Preca.