• Nhar it-Tnejn, 8 ta’ Mejju 2017, l-Arċisqof Charles J. Scicluna ta t-titlu ta’ Santwarju Marjan, lill-Knisja Parrokkjali tal-Madonna tar-Rużarju ta’ Pompej, f’Marsaxlokk, li ilha tqim lill-Madonna għal dawn l-aħħar 120 sena. Dakinhar ukoll ġiet inawgurata l-pittura l-ġdida tat-titular.
    Id-devozzjoni f’Malta lejn il-Madonna tkompli tikber hekk kif is-Santwarju Marjan ta’ Marsaxlokk jingħaqad mas-Santwarju tal-Mellieħa, Ħaż-Żabbar u Ta’ Pinu.
     
  • Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

  • Santwarju tal-Madonna ta’ Pompej, Marsaxlokk

    8 ta’ Mejju 2017

    Nirringrazzja lil kull wieħed u waħda minnkom talli llejla ġejtu għal dan il-jum solenni li fih infakkru lill-Madonna taħt it-titlu tal-Madonna ta’ Pompej. Illum huwa jum storiku għal din il-knisja li ngħatat it-titlu ta’ santwarju. Hija vokazzjoni u missjoni. Kif hemm fid-digriet li ffirmajt illum u li qara wieħed mill-ulied tal-parroċċa, Fr Michael Bugeja, il-missjoni li qed nagħti li dan is-santwarju, lill-poplu ta’ Marsaxlokk u lid-devoti ta’ dan it-tempju, hi li tkunu bħal Bartolo Longo u San Ġorġ Preca, appostlu tat-talba tar-rużarju mqaddes.

    Nixtieq nirringrazzja lill-artist, Manuel Farrugia, li tana din ix-xbieha sabiħa tal-Madonna riesqa lejna fuq is-sħab, hi u tbierek lil Marsalxokk, u allura wkoll lis-santwarju. Il-knisja li hemm fuq ix-xatt, fil-jum li ġie inawgurat dan l-inkwatru sabiħ, saret ukoll santwarju. Nirringrazzjah ukoll tax-xbiehat sbieħ li tana tal-Beatu Bartolo Longo u anke ta’ San Ġorġ Preca.

    Dawn għandhom ikunu immaġini ħajja ta’ din il-missjoni: tal-Madonna riesqa lejna bil-kuruna tar-rużarju imma riesqa lejna wkoll tħaddan lil binha Ġesù. Kull fejn niltaqgħu mal-Madonna se niltaqgħu ma’ binha Ġesù għax hi ma tattirax l-attenzjoni lejha nnifisha, imma dejjem tindika lil binha Ġesù. Ippermettuli ngħid li dan il-ħsieb fuq ix-xbieha tal-Madonna ġieni jien u nammiraha u naħseb fuq il-providenza, frott anke ż-żelu tal-kappillani ta’ din il-parroċċa, id-diversi kappillani li qegħdin hawn preżenti, imma b’mod speċjali lil Dun Mario Mangion, u mbagħad segwa fuq is-suġġeriment tiegħu Dun Luke Seguna, din l-idea li mhux biss ikollna titular kontempranju imma fl-istess ħin b’lingwaġġ li nifhmuh.

    Jekk Dun Mario ħolom bit-titular, Dun Luke ħolom bis-santwarju. Ħuduha bis-serjetà din il-missjoni li qed nagħtukom. Vincent Gatt, membru tal-MUSEUM, kien qed jgħidli li hawn tradizzjoni ħelwa li meta x-Xlukkajri li għadhom joħorgu għas-sajd, ikollhom ċertu sajjied jgħid ir-rużarju. Nissuġġerilhom li jibqgħu b’din it-tradizzjoni qaddisa li jgħidu r-rużarju. Anke fil-familji. Il-papiet qatt ma qatgħu qalbhom jissuġġerixxu din it-talba lill-familji Kattoliċi, hi antika ħafna, imbierka u wlied San Duminku ħeġġew li wieħed jitlob it-talba tar-rużarju.

    Huwa rigal sabiħ li din is-sena, wieħed mill-ulied ta’ din il-parroċċa, li ħaddan il-kariżma ta’ Duminku ta’ Guzmán, se nordnah saċerdot f’Ġunju li ġej. Nawguralek! It-talba tiegħi hi u anke nsellem lis-sorijiet Dumnikani, biex ikollna anke vokazzjonijiet għall-ħajja reliġjuża. Wara kollox, kemm fl-inkwatru, fl-istatwa u fl-ikona bix-xbieha għażiża ta’ Pompej, hemm dawn iż-żewġ ulied Dumnikani: il-fundatur San Dumniku u Santa Katerina ta’ Siena. Fl-inkwatru għandna lil Santa Katerina ta’ Siena, patruna tal-Ewropa. Allura f’din l-għażla hemm ukoll il-vokazzjoni li minn dan is-santwarju jkun hemm talb għall-Ewropa.

    Dumniku ta’ Guzmán, wild iben Spanja u Katerina ta’ Siena bint tal-Italja, patruna tal-Ewropa tinterċedi għall-Ewropa u anke għalina. Imma l-ħsieb li ġieni kien li din ix-xbieha u dan is-santwarju fin-nofsinhar ta’ Malta jsellem lill-eqdem santwarju Marjan li għandna fit-Tramuntana ta’ Malta: is-Santwarju tal-Madonna tal-Mellieħa. Wara ħafna sekli, is-sena li għaddiet kellna l-grazzja niskopru ix-xbieha oriġinali, u fl-aħħar ġranet, l-istudjużi skoprew li l-Madonna tal-Mellieħa qiegħda tindika b’seba’ ċkejken, li għadu jidher, lit-tarbija tagħha Ġesù. Dawn iż-żewġ xbihat isellmu lil xulxin.

    Xi kultant ikollna xi ngħidu, kultant nilletikaw, kultant invenvnu xi kelma iebsa lil xulxin imma r-ragħad u l-baħar qawwi jgħaddi wkoll. Meta nersqu lejn ix-xatt tal-paċi u tal-kalma, irridu ngħidu: “Aħna aħwa, aħna rridu nieħdu ħsieb xulxin”

    Dawn iż-żewġ santwarji jsellmu lil xulxin u b’xi mod jagħmlu katina ħelwa ta’ talb, ta’ devozzjoni Marjana u fihom infushom huma talba ħerqana għal pajjiżna biex aħna min aħna, inħarsu lejn xulxin u nħobbu lil xulxin, nirrispettaw lil xulxin ta’ aħwa. Intom tifhmuni. U din l-ikbar barka u l-ikbar grazzja li tagħtina l-Omm; għax jekk aħna wliedha, imnissla mis-salib ta’ binha, aħna rridu nħobbu lil xulxin verament ta’ aħwa. Xi kultant ikollna xi ngħidu, kultant nilletikaw, kultant invenvnu xi kelma iebsa lil xulxin imma r-ragħad u l-baħar qawwi jgħaddi wkoll. Meta nersqu lejn ix-xatt tal-paċi u tal-kalma, irridu ngħidu: “Aħna aħwa, aħna rridu nieħdu ħsieb xulxin”. U dan nitlob għall-poplu tagħna, u dan nitlob illum lill-Madonna ta’ Pompei bl-interċessjoni wkoll tal-Beatu Bartolo Longo u ta’ San Ġorġ Preca, li għada se niċċelebraw il-festa tiegħu.

    “Kollha ġmiel, bint is-Sultan bil-ġawhar minsuġ bid-deheb ilbiesha”(ara Salm 44 (45)). X’inhu dan il-ġawhar? Id-devozzjoni tagħna. X’inhi din il-libsa minsuġa bid-deheb? L-imħabba tagħna. O Sidtna Marija, aħna nħarsu lejk u ninġibdu lejn is-sbuħija tiegħek. Imma bħalma qalet Bernardette Soubirous “l-ebda id ta’ bniedem ma tista’ tfisser is-sbuħija tiegħek tas-sema”. Agħmel li aħna u ninġibdu lejn is-sbuħija tiegħek kif narawha hawnhekk, nixxennqu għas-sbuħija tal-ġenna.

    Nitolbuk O Mulej, li int li obdejt lil ommok u għamilt l-ewwel sinjal u biddilt l-ilma f’inbid f’Kana tal-Galilija u li smajt lil ommok tgħidilna “Agħmlu kulma jgħidilkom hu”, agħmel Mulej li aħna jkollna l-grazzja nobdu lil ommok u nagħmlu dak li tgħidilna inti.

     Charles J. Scicluna     
         
    Arċisqof ta’ Malta

  • Ritratti: Benjamin Sant