• Il‑Ġimgħa 1 ta’ Lulju 2016, l-Arċisqof Charles J. Scicluna ċċelebra Quddiesa fil‑festa tal‑Beatu Nazju Falzon, fil‑Knisja Ta’ Ġieżu, il‑Belt Valletta.

    Homily by Archbishop Charles J. Scicluna

  • Knisja ta’ Ġieżu, Valletta
    1 ta’ Lulju 2016
    “Ħennu bħalma hu ħanin Missierkom” (Lq 6, 36). Dan il-kliem li għadna kemm smajna mill-Evanġelju ta’ San Luqa, Kapitlu 6, ifakkarna f’din is-sena Ġubilari li qegħdin fiha, is-Sena tal-Ġublew tal-Ħniena. Iltqajna llum f’din is-Sena Ġubilari biex infakkru lill-Beatu Nazju Falzon u nirringrazzjaw lill-Mulej tal-ħajja sabiħa u qaddisa tiegħu.
    Illum nixtieq noffri ftit riflessjonijiet dwar il-Beatu Nazju Falzon u l-missjoni tiegħu ta’ ħniena mal-proxxmu. Nistgħu ngħidu li l-glorja tal-Beatu Nazju hija propju l-opri tal-ħniena. Meta tisma’ stejjer mill-ħajja tiegħu li seħħew propju f’dawn l-akwati: Strada San Paolo, hawnhekk fl-inħawi propja tal-Belt, tirrealizza kemm dan il-kjeriku ta’ umiltà kbira u ta’ kuxjenza delikata, kien qawwi fl-opri tal-ħniena.
    Kien magħruf għall-karità li kien jagħmel, ta ħajtu għal dik l-opra tal-ħniena fundamentali: għallem lil min ma jafx. Nazju kien ukoll ħajt ta’ kenn għal tant membri tal-Forzi Armati tal-Armata Ngliża, li fih sabu ħabib li setgħu javdawlu l-ftit ġid li kellhom bl-indirizz ta’ persuna maħbuba. Fih sabu ħajt ta’ kenn. Kull min kien jitolbu parir kien isib f’Nazju ħabib għaref għaliex ħajtu kienet ibbażata fuq il-biża’ tal-Mulej.
    Jien semmejt li kellu kuxjenza delikata. Kien bniedem li jibża’ joffendi lil Alla jew lill proxxmu, imma mhux b’daqshekk kien skrupluż. Fl-istħarriġ li sar biex iwassal għall-beatifikazzjoni tiegħu, qamet din il-mistoqisja: imma dan ir-raġel kien skrupluż? Il-biża’ tiegħu ta’ Alla kien estrem? Qalu għax inkella minflok preġju jsir difett. Imma l-opri tal-ħniena tiegħu, l-imħabba li wera lill-proxxmu, il-fiduċja li hu nissel f’tant nies anke mijiet ta’ Nsara mhux Kattoliċi, ipperswada lil min kien qed jistħarreġ il-ħajja ta’ Nazju, li l-imħabba tiegħu lejn Alla ma kinitx imħabba terrorizzata, imma mħabba ta’ fedeltà, li l-kuxjenza ma kinitx ipparalizzata mill-iskruplu, imma kienet safja bid-delikatezza tagħha.
    Nazju għandu x’jgħallimna. Ħafna drabi aħna u nafdaw fil-ħniena t’Alla, donna kważi neħduha for granted. Veru, aħna rridu nistrieħu fil-ħniena t’Alla, nirringrazzjaw lill-Mulej li qatt mhu se jgħejja jaħfrilna, imma lil Alla nitolbuh maħfra ta’ kemm-il darba kultant ikollna t-tentazzjoni nabbużaw mit-tjubija tiegħu. Alla tana huwa papà imma mhuwiex babbu; nidħku bina nfusna imma b’Alla ma nidħkux.
    Għalhekk nitolbu wkoll biex aħna u nirringrazzjaw lil Alla għall-ħniena tiegħu, nikbru f’kuxjenza iżjed retta fuq l-eżempju tal-Beatu Nazju Falzon. Kuxjenza imma li wasslitu biex jara lil Ġesù fil-proxxmu tiegħu u jtejjeb ħajtu mit-talb f’din il-knisja għażiża, il-Knisja Arċipretali ta’ San Pawl u tant knejjes oħra fil-Belt u li għamel anke l-karità ma’ kull min iħabbat fuq il-bieb tad-dar tal-familja Falzon.
    Illum nitolbu wkoll għall-avukatura għax, kif tafu, Nazju kien avukat, ma ħassux komdu jipprattika ta’ avukat, imma jien inħoss li l-avukati tagħna għandhom ħafna x’jitgħallmu minnu, mhux biex iraħħsu l-prezzijiet qed ngħid jiena, jew jagħmlu iżjed karità, għax ħafna minnhom jagħmlu ħafna karità mingħajr ħafna daqq ta’ trombi, imma biex aħna jkollna intenzjoni retta fix-xogħol li nagħmlu, infittxu dejjem il-glorja t’Alla.
    L-Evanġelju li għadna kemm smajna jgħallimna li l-imħabba tagħna ma tistax tkun imħabba għall-ħbieb tal-qalba. Ġesu jgħid hekk: “Jekk tagħmel il-ġid lil min jagħmel il-ġid lilek, xi ħlas jista’ jkollok? Hekk ukoll jagħmlu l-midinbin. U jekk tislef xi ħaġa lil min tkun tistennew li se jroddilkom lura, xi ħlas jista’ jkollkom? Ukoll il-midinbin jisilfu lill-midinbin bil-ħsieb li  jieħdu lura iżjed milli silfu bl-imgħax” (vv. 33-34).
    Il-Mulej jgħallimna l-imħabba tal-għedewwa. Illum dan il-messaġġ huwa attwali ħafna. Ejjew nitolbu lil Nazju Falzon biex minnu nitgħallmu nirrispettaw ħafna iżjed lil xulxin. Donnu l-imħabba tagħna qiegħda għall-ħbieb tagħna biss, mentri l-Evanġelju tal-lum jgħidilna: “inti trid tħobb anke lil min tarah bħala għadu. Ħobbu lill-għedewwa tagħkom, agħmlu l-ġid, isilfu bla ma tistennew xejn lura il-ħlas tagħkom ikun kbir u tkunu ulied il-Għoli li hu twajjab mal-ingrati u mal-ħżiena” (v. 35).
    Tkun ħaġa tassew ta’ niket jekk aħna ningħalqu fina nfusna u ma nippruvawx nagħmlu ħilitna biex inħobbu anke lill-għedewwa tagħna. Mhux qed ngħid li faċli u għalhekk għandna bżonn l-interċessjoni tal-qaddisin. Illum nitolbu l-interċessjoni tal-Beatu Nazju Falzon biex aħna fid-diskors tagħna soċjali, fil-privat, fuq il-midja ma jkunx diskors vendikattiv, jew ta’ għira, jew ta’ mibgħeda, jew ta’ rabja, imma jkun diskors li bih wieħed jirrispetta lil xulxin anke meta ma naqblux bejnietna, imma nibnu kultura ta’ libertà fejn kulħadd huwa rispettat u responsabbilizzat. X’irrid ngħid?  Mhux għax nista’ ngħid li rrid, ngħid kollox bl-adoċċ, iżjed ma nħossni rispettat minn ħuti anke dawk li ma jaqblux miegħi, iżjed inkun sfidat biex dak li ngħid nipprova nagħmlu bis-sens u ngħidu billi qabel nitkellem naħsibha sew.
    “Tiġġudikawx u ma tkunux iġġudikati, tikkundannawx u ma tkunux ikkundannati” (v. 37) . X’ħajjar li  tant mijiet ta’ suldati mhux Kattoliċi, għalkemm Insara imma mhux Kattolliċi, li jafdaw qalbhom, l-iżjed affarijiet prezzjużi tagħhom ma’ dan il-kjeriku Kattoliku? Żgur li kien atteġjament ta’ akkoljenza, ħassew li quddiem Nazju kien hemm bniedem li qed jirrispettahom mhux bil-label u tiketta li għandhom, imma għax huma bnedmin. Ħafna minnhom kienu bnedmin li kienu sejrin għall-ġwerra tal-Krimea jkunu jiġu stazzjonati hawnhekk huma u sejrin, jew huma u jirritornaw, jekk kien ikollhom ix-xorti li jirritornaw, u f’dan il-kjeriku Malti sabu ħajt ta’ kenn.
    Ejjew nitolbu l-grazzja li tant barranin li għadhom jiġu fi gżiritna jkomplu jsibu ħajt ta’ kenn, mhux sur li jimblukkahom. Beatu Nazju Falzon, itlob għalina.
     
     Charles J. Scicluna                                                  
         Arċisqof ta’ Malta
  • Photos: Curia Communications Office