L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Is-sema u l-art jgħaddu, imma kliemi ma jgħaddix” (Lq 21:33). Dan hu li Ġesù jgħid, fl-
Evanġelju llum skont San Luqa, lid-dixxipli tiegħu. Dak li jgħid lid-dixxipli tiegħu qed jgħidu wkoll lilna llum, f’din l-okkażjoni partikulari tal-Gradwazzjoni tal-Istitut ta’ Formazzjoni Pastorali.

Dak li jgħaddi

Ġesù jagħmel kuntrast bejn dak li jgħaddi u dak li ma jgħaddix. Isemmi li s-sema u l-art jgħaddu. Aħna nafu li dawn għad jispiċċaw. Il-ħajja tagħna stess turina kemm affarijiet jgħaddu u mhumiex għal dejjem; kemm affarijiet diġà kultant, ukoll bid-deċiżjonijiet żbaljati, jgħaddu u jinbidlu. Ġesù jsemmi hawnhekk is-siġar tat-tin u siġar oħra, u jgħid “malli tarawhom jarmu, intom stess tintebħu li s-sajf diġà fil-qrib” (Lq 21:30). Imma aħna nafu li, minħabba t-tibdil fil-klima, l-istaġuni tħarbtu u mhux dejjem nagħrfu l-istaġuni mis-siġar. Jgħaddi wkoll kultant il-ħolqien, li Alla tah lilna biex nieħdu ħsiebu, u nibdluh aħna f’bini, u ġieli bini bla gost – dak jurina kemm affarijiet jgħaddu fil-ħajja.

Nagħrfu dan ukoll minn dak li jkollna. Jista’ jkollna ħafna, imma xejn minn dak li jkollna m’aħna se nieħdu magħna fil-ħajja ta’ dejjem imma jgħaddi għand ħaddieħor. Dak ukoll
jgħaddi. Għalhekk Ġesù jħeġġiġna biex aħna nqiegħdu fl-ewwel post dak li ma jgħaddix, ħalli mbagħad dan jgħinna biex nużaw tajjeb dak li jgħaddi.

Dak li ma jgħaddix

Ġesù jgħidilna: “kliemi ma jgħaddix”. U għaliex kliemu ma jgħaddix? Ir-raġuni vera hi li Ġesù rebaħ il-mewt, qam rebbieħ għal ħajja ġdida. Meta lil Ġesù sallbuh u miet, kull kelma li qal siktet. Ma setax jitkellem aktar. Imma meta qam mill-mewt, il-kliem li kien qal qabel kiseb sinifikat ġdid bħala kliem li ma jispiċċax mal-mewt imma kliem li jibqa’ u li jagħti tassew il-ħajja.

Għalhekk, fil-kelma tiegħu nsibu l-faraġ, il-qawwa, is-serħan, id-dawl għal ħajjitna, dak li jurina tassew it-triq li għandna naqbdu fil-ħajja. Il-kliem tiegħu, kif qalilna hu stess, “huwa spirtu u ħajja” (Ġw 6:63). U aħna żgur inwieġbu bħalma kien wieġeb Pietru, meta Ġesù qal
lid-dixxipli: “Tridux tmorru intom ukoll?” Pietru qallu: “Mulej, għand min imorru? Int għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem” (Ġw 6:67-68). Huwa kliem li ma jgħaddix, huwa kliem li lilna tant jiswielna ta’ ġid għal ħajjitna.

Intom li segwejtu xi kors jew ieħor fl-Istitut ta’ Formazzjoni Pastorali tafu kemm fil-qalba tal-ħidma tal-Istitut ta’ Formazzjoni Pastorali hemm l-importanza tal-kelma ta’ Alla, u għandha tkun din li ddawwal dejjem lil ħajjitkom. Nixtieq ħafna, filwaqt li nifirħilkom, nawguralkom li l-kelma ta’ Alla tkun dik li dejjem tmexxikom f’ħajjitkom u li tgħinkom għax tagħtikom kriterju tad-dixxerniment biex tagħżlu dak li jgħaddi minn dak li ma jgħaddix, u timxu tassew ma’ dak li ma jgħaddix.

Kontribut lis-soċjetà Maltija

Nixtieq inħeġġiġkom biex intkom li tieħdu bis-serjetà l-formazzjoni tagħkom tkomplu tkunu
mdawla mill-kelma ta’ Alla biex tagħtu kontribut lill-oħrajn, speċjalment kontribut lis-soċjetà Maltija. Hemm bżonn ta’ nies iffurmati li jistgħu jagħtu kontribut validu lis-soċjetà Maltija. Nissuġġerilkom ħafna wkoll li tagħtu kontribut speċjalment permezz ta’ etika konsistenti favur id-dinjità u l-ħajja ta’ kull bniedem. Imdawlin mill-kelma ta’ Alla għandna naħdmu u
nirsistu biex ikun hemm tassew kultura favur il-ħajja.

Impenn qawwi kontra l-vjolenza domestika

Propju llum qed niċċelebraw il-Jum Dinji għall-Eliminazzjoni tal-vjolenza kontra n-nisa. Żgur li aħna nagħrfu d-dmir tagħna biex naħdmu favur id-dinjità tal-mara u kontra kull vjolenza. Għadna lkoll ixxukkjati b’dak li ġara ftit ġranet ilu: il-qtil ta’ mara, omm ta’ żewġ itfal; imma xxukkjati mhux biss bil-qtil tagħna imma bil-mod kif hi fittxet l-għajnuna, għax kienet mhedda, u ma sabitx din l-għajnuna. Jew minħabba s-sistema, jew ħaġa jew oħra, spiċċat ma sabitx din l-għajnuna.

Aħna llum mhux biss nitolbu għaliha u għall-familja tagħha, imma rridu nġeddu l-impenn tagħna kontra l-vjolenza domestika, kontra dak kollu li joħloq sitwazzjoni ta’ abbuż. Irridu niftakru li sitwazzjoni ta’ abbuż hi emerġenza, mhix xi ħaġa li tħalliha għas-sena d-dieħla. Hi emerġenza. Hemm bżonn li aħna lkoll nagħtu l-appoġġ sħiħ tagħna għal min ikun għaddej
minn sitwazzjoni ta’ vjolenza domestika. Dawk li jkunu f’din is-sitwazzjoni għandhom salib
x’iġorru, imma s-salib mhuwiex li toqgħod għall-abbuż imma s-salib hu li tagħraf x’hemm
bżonn tagħmel biex toħroġ mis-sitwazzjoni ta’ abbuż. Dak hu s-salib: il-ħidma iebsa biex toħroġ mis-sitwazzjoni. Hemm bżonn li aħna lkoll naħdmu kontra dak kollu li jġib fix-xejn id-dinjità tal-persuna umana bħalma hi l-vjolenza fl-iktar post li suppost hemm intimità.

Fil-ġuf tal-mara hemm xi ħadd mhux xi ħaġa

Irridu naħdmu wkoll favur il-ħajja f’kull waqt tagħha. Meta ngħidu favur il-ħajja, m’aħniex
qed ngħidu biss fl-ewwel mument, fit-tnissil; imma qed ngħidu wkoll fl-ewwel mument, fit-
tnissil. Hu meta aħna mill-bidu nett ikollna din il-mentalità li tmexxina favur il-ħajja li mbagħad inkunu nistgħu naħdmu biex f’kull waqt il-ħajja ta’ kull bniedem tkun għalina
għażiża, prezzjuża u ta’ min jipproteġiha.

Irridu nifhmu li mat-tnissil hemm xi ħadd, mhux xi ħaġa. Id-diffikultà kbira bħalissa fl- emenda ppreżentata għad-diskussjoni hija proprju li, ‘lil hinn minn kull intenzjoni għaliex
qiegħda ssir, l-esperti jaraw li hija ta’ dannu għall-ħajja umana. L-emenda mhix magħmula
b’mod li tħares il-ħajja tal-mara meta hi f’periklu tal-mewt u tieqaf hemm; imma ssemmi affarijiet oħra. L-emenda ma tqisx li fil-ġuf tal-mara hemm xi ħadd imma li hemm xi ħaġa. Irridu naħdmu biex ikun hemm kultura ta’ rispett lejn il-ħajja mill-bidu u f’kull waqt tagħha,
u sal-aħħar, sa meta l-persuna kultant tkun vulnerabbli u dgħajfa, tkun qed tbati, u teħtieġ min jgħinha mhux min jarmiha jew jiskartaha. Din hija l-għożża tal-ħajja li tant toħroġ mill-kliem ta’ Ġesù, kliem li ma jgħaddix, u tant hemm bżonn li jkun fina u li nwassluh lill-oħrajn.
Niftakru li Ġesù qalilna “il-kliem tiegħi hu spirtu u ħajja”. Hemm bżonn li naħdmu ħalli dan
l-ispirtu tiegħu jispira l-azzjonijiet tagħna ħalli dejjem naħdmu favur il-ħajja.

Nirringrazzjaw lill-Mulej illum. Nitolbuh biex il-kliem tiegħu jkun f’qalbna, biex dejjem
nitakru li l-kliem tiegħu ma jgħaddix, nieħdu bis-serjetà l-kliem tiegħu u jkun ta’ dawl għal
ħajjitna, u jgħinna biex indawlu lill-oħrajn u nagħtu, permezz tiegħu, kontribut lis-soċjetà
Maltija.

✠ Joseph Galea-Curmi 
    Auxiliary Bishop

More Photos