L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Kmieni dalgħodu rċevejt messaġġ mingħand wieħed mill-kappillani tagħna. Xtaq jaqsam miegħi poeżija ħelwa li kiteb żagħżugħ ta’ 17-il sena. Ngħidilkom il-verità meta qrajtha bqajt mistagħġeb bil-ħila poetika ta’ dan iż-żagħżugħ Malti. Kont ukoll emozzjonat, kommoss, bil-ħsieb tiegħu. Hu, fil-jum tad-Duluri, jilmah lil ommna Marija:

Ilmaħtek, Marija, bilwieqfa fuq l-għuda titnikket,
titbekka, timtela’ bil-hemm;
ilmaħtek, Marija, issofri sal-aħħar
il-għera tal-bniedem li xerred id-demm.

U xħin xrobt sal-aħħar l-imrar tal-mibegħda
mill-kalċi l-imbierek, mill-kwies tas-smewwiet,
intfiet il-ħuġġieġa tal-ħażen imdallam,
u nxtegħlet minflokha l-imħabba li fdiet.

Il-ħsieb ta’ dan iż-żagħżugħ huwa sempliċi imma jiġbor dak kollu li qegħdin niċċelebraw illum: omm li tħares lejn binha minxur fuq salib, piena kiefra u ta’ mistħija, u ma tabbandunahx. Tibqa’ hemm issofri sal-aħħar ħaġa waħda ma’ binha, issofri dak kollu li ġarrab il-Mulej minħabba dnubietna, il-Ħaruf bla Tebgħa. Huwa tgħabba bil-mard tagħna. Kien bniedem tan-niket. Il-ħarsa tiegħu tant tbiddlet li kważi ma bqajniex nagħrfuh u dak kollu kien il-frott tal-kefrija tal-bniedem.

Dik l-omm, meta t-tifel kellu 40 jum, ma’ San Ġużepp li l-Missier għażlu biex ikun il-missier putattiv tal-Iben ta’ Alla magħmul bniedem, marret it-tempju biex tippreżenta lit-tarbija Ġesù. Xmun, li għaraf li dik it-tarbija kienet is-salvazzjoni, kienet “dawl għall-ġnus, il-glorja ta’ Iżrael” (Lq 2:32), għaraf ukoll li dik it-tarbija kellha tkun “sinjal li jmeruh”. U lilha qalilha, “Sejf jinfidlek ruħek” (ara Lq 2: 34-35).

Dik l-omm kienet taf li l-iben li ġarret f’ġufha għal disa’ xhur, li rabbiet b’għożża ma’ Ġużeppi f’Nazaret, li ratu jikber u jsir mastrudaxxa fil-ħanut ta’ Ġużeppi, li dam magħha għal 30 sena sħaħ, xi darba kellu jitlaq mid-dar biex ikun fl-għamara ta’ Missieru bħalma għamel meta ntilef ta’ 12-il sena. Kienet taf li hu kien se jkun sinjal li jmeruh.

Imbuttatu biex f’Kana tal-Galilija jagħmel l-ewwel sinjal. Id-dixxipli raw il-glorja tiegħu dakinhar u emmnu fih (Ġw 2:11). Darba minnhom qalulha li kien qed jitlef ftit u marret tfittxu f’Kafarnahum mal-qraba biex tieħdu lura magħha (ara Mk 3:21). Nimmaġinaha tgħid li la mhuwiex f’sikktu, tieħu ħsiebu hi. Imma dakinhar Ġesù wrieha li kellu familja ġdida ta’ “dawk li jisimgħu l-Kelma ta’ Alla u jagħmluha” (Lq 8:19), bħalma fuq kollox kienet għamlet hi.

Fuq is-salib jerġa’ jikkonfermaha bħala l-omm ta’ din il-familja għaliex kif għadna kemm smajna fil-kapitlu 19 ta’ San Ġwann, ma tissemmiex hi biss imma tissemma wkoll oħtha: “Kien hemm ommu, oħt ommu, Marija ta’ Kleofa, Marija ta’ Magdala (Ġw 19:25). Imma kien hemm ukoll Ġwanni u l-Mulej ma fdax lil ommu f’idejn oħtha li kienet hemm; ma fdahiex lill-familja li ġejja mid-demm, imma afdaha lil ta’ dawk li jisimgħu l-kelma u jagħmluha, lid-dixxiplu maħbub, dak li baqa’ mal-Mulej anke fil-mument tal-ikbar turufnament, tal-ikbar mistħija. Ġwanni m’abbandunahx u allura l-Mulej seta’ jafda lil ommu f’idejn id-dixxiplu.

Id-Duluri taffaxxinana għax hija omm li fis-skiet tagħha tieqaf ħdejn binha u tipparteċipa fl-għotja tiegħu għalina.

Aħna kapaċi ta’ din il-fiduċja? Meta l-Papa Franġisku din is-sena offrielna riflessjoni straordinarja fuq San Ġużepp, hu tkellem dwar il-qalb ta’ missier, ta’ Ġużeppi ta’ Nazaret, il-mastrudaxxa. Qalilna li l-missjoni ta’ San Ġużepp kienet li jieħu ħsieb l-omm u t-tifel. Il-Papa jgħid li l-omm u t-tifel huma dejjem magħna għax kull fejn hemm il-bżonn, kull fejn hemm il-fqir, l-għeri, min hu bil-għatx, min hu bil-ġuħ, il-ħabsin, il-barrani, hemm Ġesù “Dak kollu li għamiltu mal-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi” (Mt 25:40).

Allura, dak li l-Madonna għamlet ma’ Ġesù, aħna nistgħu nagħmluh ukoll. Meta nieqfu ma’ min għandu bżonn, meta ma naħarbux quddiem persuna li qiegħda fl-inkwiet, il-lealtà tfisser li nieqaf miegħek dejjem f’kull mument, mhux naħrab għaliex il-bnazzi għadda u ġie l-maltemp. Id-Duluri taffaxxinana għax hija omm li fis-skiet tagħha tieqaf ħdejn binha u tipparteċipa fl-għotja tiegħu għalina.

Il-qalb kbira tagħha, kif kiteb dan iż-żagħżugħ, kellha l-qawwa titfi l-ħuġġieġa tal-ħażen imdallam biex minflokha tixgħel l-imħabba li kellha l-qawwa tifdina: “Intfiet il-ħuġġieġa tal-ħażen imdallam u nxtegħlet minflokha l-imħabba li fdiet”.

Nixtieq nikkonkludi din ir-riflessjoni qasira b’sunett li ktibt m’ilux. Fih ammirajt lill-Madonna li tibqa’ ħdejn binha anke fil-mument tal-iżjed diffikultà, bħalma tagħmel kull omm. Dak hu li jiġbidna lejha. Aħna nafu li meta nkunu tturufnati, lil omm Ġesù nsibuha wkoll bħala l-omm ħanina tagħna, bħalma ngħidulha fis-Salve Regina: Omm tal-ħniena, ħajja ħelwa, tama tagħna.

Id-dalma xxoqq il-blata tal-qorriegħa,
u d-dmugh mad-demm iserrep għal ġox-xquq.
Ix-xita tkarwat bikja ta’ mogħdrija
biex trattab qalb l-ilpup illi salbuh.

U inti, o mara ġwejda b’sejf minfudha
tħares lejn Ibnek safi fuq salib,
tilmah lil dak li b’kelmtu sawwar kollox
imut itturufnat għajr għal ħabib.

Biss lilek kellu ma’ xi nisa twajba
li ma beżgħux mill-għajb u lsien in-nies.
U lilek ra bil-ħarsa kiebja tiegħek
titfagħlu l-bews tal-omm li tħobb bla qies.

Kun int, o omm, li tfarraġ il-qlub tagħna;
kun int, Duluri, kenn fin-niket tagħna.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Rum 8:31b-39
Salm: 17
Evanġelju: Ġw 19:25-27

More Photos >>