L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Nitħassarhom lil dawn in-nies” (Mk 8:2). Dan hu l-kliem li qal Ġesù llum fl-Evanġelju meta kellu n-nies li kienu ilhom tliet ijiem miegħu u ra li jekk jibgħathom, għall-bżonn iħossuhom ħażin fit-triq għax ma kellhomx x’jieklu. Għalhekk ried li d-dixxipli jipprovdulhom x’jieklu. Għalhekk “tħassarhom”. Imma d-dixxipli ma setgħux isibu, hemmhekk fid-deżert, minn fejn se jagħtuhom x’jieklu, u għalhekk kellhom dik ir-reazzjoni naturali. Qalulu: hawnhekk kif se nsibu nagħtuhom x’jieklu? X’għamel Ġesù? Ħa l-ftit – seba’ ħobżiet u ftit ħutiet – u bidilhom f’ikel biżżejjed għal dawk in-nies, anzi ikel abbundanti li baqa’ żżejjed. Ġesù mhux biss tħassarhom lin-nies, imma għamel xi ħaġa, u għamilha b’ħafna imħabba. Għamel xi ħaġa tassew ta’ ġid.

Tolqotna fl-Evanġelju kif diversi drabi naraw lil Ġesù jitħassar lin-nies. Darba kien hemm żewġ għomja li resqu lejh u talbuh biex ifejjaqhom. L-Evanġelju jgħid li Ġesù “tħassarhom” (Mt 20:34), u tagħhom mill-ġdid id-dawl. L-Evanġelju jgħid ukoll darboħra li lin-nies “tħassarhom u fejqilhom il-morda tagħhom” (Mt 14:14).

Darboħra naqraw li Ġesù lin-nies “tħassarhom għax kienu qishom ngħaġ bla ma għandhom ragħaj u qabad jgħallimhom ħafna ħwejjeġ” (Mk 6:34) Kull darba ninnutaw li Ġesù mhux biss jitħassar, iħoss, imma jagħmel xi ħaġa, li tkun ta’ għajnuna u ta’ ġid. Jagħmel dan għax għalih aħna lkoll niswew. Kull wieħed u waħda minna aħna niswew quddiem Alla, għandna valur kbir quddiem Alla. Dejjem fil-ħajja tagħna, sa mill-bidu nett. Mhux qed ngħid meta twelidna, imma qed ngħid qabel, meta konna għadna ftit ċelloli fil-ġuf tal-omm. Meta tibda l-ħajja umana, mat-tnissil, hemmhekk aħna għeżież għal Alla. Hemmhekk aħna xbieha tiegħu maħluqa, u għalhekk għeżież għalih. Minn hemm sat-tmiem tal-ħajja tagħna, aħna dejjem għeżież għalih. Anke meta nikbru, u nsiru dipendenti fuq ħaddieħor, u neħtieġu l-għajnuna, għalina Alla għandu din l-għożża kbira, din l-imħabba kbira. Nixtieq li lkoll kemm aħna jkollna din il-konvinzjoni: aħna għeżież għal Alla.  

Ġesù mhux biss jitħassar, iħoss, imma jagħmel xi ħaġa. Nafu li lilna, l-umanità, mhux biss tħassarna imma fdiena. U fil-mument tal-fidwa fuq is-salib, hemm Ġesù tana lil Ommu Marija biex tkun ommna li takkumpanjana fil-ħajja tagħna. Illum meta qed nagħmlu t-tifkira tal-Verġni Mqaddsa ta’ Lourdes, niftakru f’din l-omm li dejjem takkumpanjana, li dejjem hi sinjal ta’ tama, li dejjem tagħtina l-għajnuna biex qatt ma naqtgħu qalbna. Dejjem nagħmlu kuraġġ, nimxu ’l quddiem fil-ħajja tagħna, għax għandna din l-omm li b’imħabba takkumpanjana. 

Hija din l-omm l-ispirazzjoni kbira għall-Għaqda Maltija għat-Trasport tal-Morda f’Lourdes. Illum hawn preżenti membri tagħha, flimkien maċ-Chaplain u l-President. Fis-sajf jieħdu l –morda f’Lourdes, mhux biss għax iħossu imma għax iridu jagħmlu xi ħaġa li tkun tassew ta’ ġid. Jagħmluha b’imħabba kbira u b’kompassjoni kbira, u jgħinu lil dawn il-morda biex ikollhom esperjenza sabiħa f’Lourdes. Nixtieq nuri l-apprezzament għal dawn il-membri tal-għaqda tat-Trasport tal-Morda f’Lourdes li b’tant ġenerożità u b’dedikazzjoni jagħtu dan is-servizz sabiħ. Nixtieq nirringrazzjahom ta’ din id-xhieda sabiħa ta’ ħajja Nisranija li qed jagħtu. Bħalhom nixtieq nirringrazzja lil min hawnhekk, f’din ir-residenza, ukoll qed jaħdem tassew b’dan l-ispirtu u b’din l-ispirazzjoni biex lin-nies, bħal Ġesù, mhux biss inħossu għalihom imma nagħmlu xi ħaġa konkreta, pożittiva għalihom b’imħabba u b’kompassjoni kif għallimna Ġesù. 

F’din il-quddiesa, ejjew nirringrazzjaw lil Ommna Marija, nirringrazzjawha li takkumpanjana fil-ħajja tagħna, li hi turina x’jiġifieri li mhux biss inħossu u nitħassru imma nagħmlu xi ħaġa ta’ ġid, u nitolbuha li hekk inkunu fil-ħajja tagħna: li għalina kull persuna tkun importanti u ta’ valur u lilha naqdu b’imħabba kbira u b’kompassjoni kbira kif tgħallimna din l-omm tagħna.  

✠ Joseph Galea-Curmi 
    Auxiliary Bishop of Malta