L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Kieku Ġesù kien qiegħed għaddej qalb in-nies illum u jgħid dan id-diskors li smajna fl-Evanġelju, naħseb waħda mir-reazzjonijiet kienet tkun: int għadek fil-Medjuevu! Ħalliha li Ġesù għex ħafna qabel il-Medjuevu! Imma meta nisimgħu ċertu diskors minn Ġesù, u ċertu diskors fuq valuri importanti għall-ħajja, kultant ikun hemm min jgħid: dawn affarijiet tal-passat, illum kbirna, ma għadniex nemmnu f’dawn l-affarijiet.

Ħu, per eżempju, dak li jgħid Ġesù fuq l-adulterju. Taqra llum, u tara wkoll fostna stess min jgħid: x’fiha? Billi ma tkunx fidil kultant, x’fiha? Hawn min anke fostna jipproponih bħala stil ta’ ħajja. Għalhekk il-kliem ta’ Ġesù, li fi żmienu kien diġà kontra l-kurrent, illum ifakkarna li  dak li hu jrid għalina bħala dixxipli tiegħu kultant ikun kontra l-kurrent, kontra dak li nisimgħu u naqraw ħafna; imma li fl-aħħar mill-aħħar hu għall-akbar ġid tagħna personali u tagħna wkoll bħala komunità, bħala soċjetà.

Hawn Ġesù ma jitkellimx biss fuq xi ħaġa ħażina, imma jinżel aktar fil-fond, fil-qalb. Għax minn hemm li ġej it-tajjeb u minn hemm li ġej il-ħażin. Nixtieq insemmi dawn it-tliet punti li enfasizza Ġesù fl-Evanġelju llum u naraw kif dak li jgħid hu tassew għall-akbar ġid tagħna.

Ma nħallux il-mibegħda tbejjet f’qalbna

Ġesù jgħid: “Smajtu x’intqal lin-nies ta’ dari, la toqtolx” (Mt 5:21). Hu ovvju li l-qtil huwa ħażin. Terribbli li toqtol il-ħajja ta’ xi ħadd. Imma Ġesù jgħid: ma hemmx għalfejn tasal sal-qtil biex tgħid li għamilt ħażin. Imma anke jekk inti bi kliemek toqtol il-ġieh ta’ ħaddieħor, bi kliemek tweġġa’ lil ħaddieħor, tinsulentah, tkasbar id-dinjità tiegħu jew tagħha. Hemmhekk ukoll ħażin.

Għalhekk qed jgħid Ġesù: ħa nħarsu lejn qalbna biex naraw li f’qalbna ma għandniex dik il-mibegħda li mbagħad toħroġ ħafna drabi fil-kliem kontra xi ħadd. Tolqtok kif kultant anke meta taqra, tara insulti fuq nies li ġejjin minn qalb li jkollha l-mibegħda. Qed jgħid Ġesù: la toqtolx, imma lanqas tħalli l-mibegħda tbejjet f’qalbek, biex imbagħad toħroġ kontra dik u kontra dak, u tweġġa’ lin-nies bi kliemek jew bl-attitudni tiegħek.

Ma nħallux dak li nħossu jikkmandana

Ġesù  jgħid ukoll: “Smajtu x’intqal: la tagħmilx adulterju” (Mt 5:27).  L-adulterju hu ħażin. Imma Ġesù  qed jgħid: ma hemmx għalfejn tasal sa hemm, imma ara wkoll li dak li tħoss ma tħallikx jikkmandak, għax jekk jikkmandak imexxik fi triq żbaljata. Mhux li aħna ma nħossux, bħala bnedmin dejjem inħossu. Imma d-differenza hi meta dak li nħossu fina lilna jikkmandana, u għalhekk itellef tassew ir-relazzjonijiet sbieħ mal-oħrajn.

Ma ningannaw lil ħadd bi kliemna

Ġesù  jgħid: “Smajtu wkoll x’intqal… tonqosx mill-wegħda li ħlift” (Mt 5:33). Tiħux ġuramenti foloz.  Imma Ġesù  jgħid: ma hemmx għalfejn tieħu ġurament. Jekk il-kliem tiegħek ikun kliem sinċier, l-iva tgħidlu iva, u l-le tgħidlu le, ma hemmx għalfejn ġurament. Alla diġà huwa xhud ta’ dak li qed tagħmel, ta’ dak li qed tgħid. Għalhekk Ġesù jħeġġiġna biex il-kliem tagħna jkun dejjem kliem sinċier, biex aħna ma ningannaw lil ħadd bil-kliem tagħna, biex ma nużawx il-kliem biex inqarrqu b’ħaddieħor. U biex ikollna wkoll l-għerf li ma nħallux min jinganna lilna u jqarraq bina.

Qalb ippurifikata

Nindunaw li Ġesù kull darba jgħinna ninżlu fil-qalb u naraw l-attitudni li qiegħda tmexxina fil-ħajja tagħna, mhux biss il-ħaġa ħażina. Għalhekk dal-kliem ta’ Ġesù huwa tant ta’ għajnuna għalina lkoll. Għaliex meta aħna nagħrfu li l-qalb tagħna trid tkun ippurifikata kontinwament, imbagħad ikollna tassew l-għemil li jkun ħiereġ minn qalb li tħobb lil Alla, fil-paċi ma’Alla u fil-paċi mal-oħrajn.

Nafu li dan il-kliem ta’ Ġesù mhux faċli. Huwa ta’ sfida għall-ħajja tagħna. Għalhekk nitolbu dejjem l-għajnuna tiegħu, u nitolbu dejjem il-maħfra tiegħu meta aħna nonqsu minn dan. Imma d-differenza hija: altru aħna nagħrfu, meta niżbaljaw, nitolbu maħfra lil Alla bħalma nagħmlu dejjem fil-bidu ta’ kull quddiesa biex inħejju ruħna għaċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija, u bħalma hu s-sagrament tal-Qrar li jippurifikana; u altru niġġustifikaw ruħna fil-ħażen. Fuq dan qed jitkellem Ġesù: meta l-ħażen ikun stil tal-ħajja tagħna u niġġustifikawh. Ngħidu: għax illum hekk, qabel kien mod ieħor imma llum hekk. Mentri Ġesù qed jgħid: illum ukoll jgħoddu dawn il-valuri, illum ukoll hemm bżonn ngħixuhom, u llum ukoll meta ngħixuhom nindunaw kemm jagħmlu ġid lilna personali u ġid lin-nies li magħhom ngħixu, u lis-soċjetà kollha.

Nitolbu llum lill-Mulej biex ikompli jnissel fina dawn il-valuri sbieħ tiegħu, biex jgħinna ħalli l-qalb tagħna tkun dejjjem fil-paċi miegħu u mal-oħrajn, ħalli mill-qalb tagħna joħroġ għemil li jkun ta’ ġid għalina personali, u ta’ ġid ukoll għan-nies kollha li magħhom ngħixu u naħdmu, ta’ ġid għas-soċjetà kollha.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju

Aktar ritratti