L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Dak id-dawl veru li jdawwal kull bniedem…” Dan hu li qrajna fl-Evanġelju skont San Ġwann, proprju l-bidu, il-prologu tal-Evanġelju tiegħu, fejn hu jenfasizza ħafna li Ġesù, li sar bniedem fostna, hu d-dawl, u jagħmel dan f’kuntrast mad-dlam. Għandna dan id-dawl sabiħ li għandu jdawwal lil ħajjitna.

Alla li sar bniedem fostna – dak hu li jiċċelebra San Ġwann f’dan l-Evanġelju li naqrawh dejjem fl-aħħar jum tas-sena. Aħna u naqraw dan l-Evanġelju, żgur li f’dan l-aħħar jum, tiġina f’moħħna t-talba ta’ San Ġorġ Preca, li kellu mħabba kbira lejn il-Verb li sar bniedem fostna – “Verbum Dei caro factum est” u għandu dik it-talba sabiħa: “Grazzi, Sinjur Alla, u aħfirli Sinjur Alla”. Meta nħarsu lejn din is-sena li qed tispiċċa, nirringrazzjaw lil Alla ta’ tant ġid li għamel magħna, tal-grazzji li tana; kif għedna fl-Evanġelju, “mill-milja tiegħu aħna lkoll ħadna grazzja fuq grazzja”. U fl-istess waqt li nirringrazzjawh, nitolbuh ukoll maħfra – maħfra tan-nuqqasijiet u d-dnubiet tagħna, maħfra meta għażilna d-dlam flok id-dawl. Nitolbuh ukoll biex lilna jippurifikana, ħalli ngħixu tassew fid-dawl tiegħu.

Hawnhekk San Ġwann jenfasizza d-dawl, għax juri li Kristu, bniedem fostna, hu dak li jagħti d-dawl lil ħajjitna. Permezz tiegħu, nafu li mexjin fit-triq it-tajba. Nafu, permezz tat-tagħlim u l-preżenza tiegħu, li jkollna dak id-dawl li għandna bżonn fil-ħajja tagħna.

Hawn jagħmlu f’kuntrast mad-dlam. Jgħid ħaġa importanti ħafna: “Id-dawl jiddi fid-dlam, imma d-dlam ma għelbux”. Din kienet eżattament il-ħajja ta’ Ġesù fostna, fejn hu kien bħad-dawl jiddi kultant f’ambjent ta’ dlam, f’ambjent ostili, ta’ ħafna ostakli, ta’ nies kontrih. Ġesù d-dawl jiddi fid-dlam. F’ambjent kultant ta’ għira, ta’ mibegħda, ta’ insulti, tat-tkasbir, ta’ vjolenza, ta’ qerq – dan hu d-dawl jiddi fid-dlam, u “d-dlam ma għelbux”. L-istedina li jagħmel lilna hi biex inħarsu lejn Ġesù u hu jkun tassew id-dawl għal ħajjitna.

San Ġwann jenfasizza d-dawl, għax juri li Kristu, bniedem fostna, hu dak li jagħti d-dawl lil ħajjitna

Imbagħad hemm ħaġa oħra, meta San Ġwann l-Evanġelista jsemmi lil San Ġwann Battista. Jgħid li “dan ġie bħala xhud, biex jixhed għad-dawl”. Ma kienx hu d-dawl, imma biex jixhed għad-dawl. Din hi l-istedina li jagħmel ukoll lilna. Ara Ġwanni l-Battista kif kien jagħmel. Bil-predikazzjoni tiegħu kien jattira ħafna nies, u n-nies jinġabru miegħu. U x’kien jagħmel? Ma kienx iħallihom miġburin miegħu, iħarsu lejh, iggranfati miegħu, imma kien jgħidilhom: morru għand Ġesù, dak hu! “Jiġi warajja, imma hu aqwa minni”. Jipponta kontinwament lejn Ġesù, u n-nies ħadhom għand Ġesù. Dan hu li bil-kelma tiegħu u bl-eżempju tiegħu kien jagħti xhieda għad-dawl. Din hi l-istedina li għandna aħna wkoll, speċjalment issa li, ftit sigħat oħra, se nibdew sena ġdida, biex bħal Ġwanni l-Battista nkunu xhieda għad-dawl – bil-kelma tagħna, bl-eżempju tagħna, bil-ħajja tagħna nagħtu xhieda għad-dawl li hu Ġesù Kristu.

Nitolbu llum, ispirati minn din il-kelma tiegħu, biex dejjem inħarsu lejn Ġesù Kristu bħala d-dawl għal ħajjitna, nemmnu li hu d-dawl li jegħleb id-dlam li nistgħu niltaqgħu miegħu f’ħajjitna, u lilna jagħtina l-grazzja wkoll li nkunu bħal Ġwanni l-Battista xhieda għad-dawl; bil-kelma tagħna, bl-eżempju ta’ ħajjitna nressqu lin-nies għand Ġesù Kristu, ħalli hu jkun ukoll id-dawl għal ħajjithom.  

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju