• Għada, l‑Erbgħa l‑1 ta’ Marzu 2017, il‑Knisja tagħti bidu għar‑Randan Imqaddes: erbgħin jum ta’ talb u penitenza bi tħejjija għaċ‑ċelebrazzjoni tal‑Passjoni, il‑Mewt u l‑Qawmien mill‑mewt ta’ Sidna Ġesù Kristu.

    L‑Arċisqof Charles J. Scicluna, mal‑Kapitlu tal‑Katidral, ser jerġa’ jibda jiċċelebra l‑Quddiesa Stazzjonali ta’ Ras ir‑Randan fil‑Konkatidral ta’ San Ġwann, il‑Belt Valletta, fis‑6:30 p.m. Il‑Quddiesa, bis‑sehem tal‑Maestro u l‑Coro di Cappella l‑ġdid, tinkludi t‑tberik u t‑tqegħid tal‑irmied. Dawk kollha li jaħdmu l‑Belt Valletta jew jinsertaw il‑Belt huma mistiedna jattendu għal din il‑Quddiesa.

    Matul dan ir‑Randan, il‑Knisja tħeġġeġ lill‑Insara biex jaqraw il‑Kelma ta’ Alla, jieħdu sehem fis‑sagramenti, u jattendu l‑Eżerċizzi Spiritwali.

    Il‑Knisja tfakkar ukoll li f’Ras ir‑Randan u nhar il‑Ġimgħa l‑Kbira, kull min għalaq it‑18‑il sena u għadu ma daħalx fis‑60 sena u mhux skużat minn xi raġuni serja, għandu d‑dmir li jsum, waqt li kull min għalaq l‑14‑il sena għandu l‑obbligu li jastjeni milli jiekol laħam jew ikel ieħor li jogħġbu ħafna.

    Filwaqt li tinkuraġġixxi l‑penitenza fi żmien ir‑Randan, l‑Knisja tixtieq tfakkar li fost il‑jiem u ż‑żmienijiet tal‑penitenza hemm il‑jum tal‑Ġimgħa matul is‑sena kollha.

  • Photo: Curia Communications Office