• Nhar it-Tlieta 28 ta’ Frar 2017, l-Arċisqof Charles J. Scicluna żar l-Università ta’ Malta, Tal-Qroqq. Huwa ġie milqugħ mill-Uffiċċjali tal-Università u tac-Chaplaincy, quddiem il-Kappella, u wara żar il-Librerija tal-Università fejn iltaqa’ mal-istaff. L-Arċisqof sab l-okkażjoni li jiltaqa’ mal-istudenti u l-istaff mill-Fakultà tal-Liġi u mill-Fakultà tat-Teoloġija. Huwa żar u ltaqa’ mat-tfal tal-Playschool fl-Università, u wara ċċelebra Quddiesa fil-Kappella St Thomas More.  Fil-Quadrangle huwa pparteċipa fi djalogu mal-istudenti u kellu wkoll l-opportunità li jiltaqa’ informalment mal-istudenti fil-Common Room tal-Università.

  • Homily by Archbishop Charles J. Scicluna

  • Chapliancy, l-Università ta’ Malta
    28 ta’ Frar 2017

    Din il-Kelma mill-Evanġelju ta’ San Mark, hija kelma ta’ kuraġġ ta’ komunità ċkejkna, żgħażugħa li qed tgħix mumenti ta’ persekuzzjoni l-iżjed ħarxa. Il-kuntest storiku ta’ din il-kitba hija x’aktrax il-persekuzzjoni ta’ Neruni u l-persekuzzjonijiet li ġew warajha. Pietru jistaqsi mistoqsija Lhudija ħafna lil Ġesù, “Aħna ħallejna kollox, ġejna warajk.” Fl-Evanġelju ta’ San Luqa din il-mistoqsija ta’ Pietru jew kumment jitkompla billi jgħidlu “issa x’se nieħdu?” B’xi mod huwa l-Evanġelju tal-prosperità li uħud mill-Knejjes jew is-setet evanġeliċi jipproklamaw fl-Amerka Latina, billi jipproponu tip ta’ fidi li tassiguralek ħajja paxxuta il-barka ta’ Alla, l-għana, is-saħħa.

    Ir-risposta ta’ Ġesù hija risposta kumplessa. L-ewwel nett, ma jimxix skont x’issuġġexxa liż-żgħażugħ għani, “Mur biegħ li għandek lill-foqra u imxi warajja”, jissuġġerixxi li se jkun hemm nies biex jistedinhom biex iħallu lil missierhom, lil ommhom lill-għelieqi tagħhom imma se jieħu ħsiebhom xorta waħda. Dan il-kuntest faċli nifhmuh jekk inħarsu lejn ir-realtà attwali u nifhmu x’kellhom jagħmlu l-Insara fl-Iraq, meta l-Istat Iżlamiku tahom l-għażla: jew il-mewt, jew it-taxxa jew l-eżilju. U ħallew lill ommhom lill-missierhom lill-uliedhom u l-għelieqi tagħhom biex jibqgħu fidili lejn il-Mulej. Kellhom għażla wkoll li jkunu misilmin u jibqgħu hemm, imma ddeċidew li ma jitradixxuhx lill-Mulej.

    Il-Kelma ta’ Ġesù mhix kelma ta’ elfejn sena ilu, hija attwali ħafna. Fl-istess ħin imma, il-Kelma ta’ Ġesù titfa r-responsabbiltà fuqna l-Insara li nkunu solidali ma’ ħutna li minħabba l-kuntest tal-persekuzzjoni. Ġesù wkoll iwiegħed li jkollhom jagħmlu għażliet ta’ ċaħda kbira. Kif se jkollhom għal mitt darba iktar djar u aħwa u ommijiet u ulied u għelieqi jekk ma nkunux aħna solidali ma’ min hu pppersegitat minħabba il-fidi tiegħu? Ma min il-Mulej qed isejjaħlu biex ikun fidil li jitlaq u jabbanduna ħwejjeġ għeżież għalih? Għax il-Mulej qed jitkellem dwar rabtiet fundamentali ta’ bejn il-ġenituri u uliedhom, rabtiet qawwija, tal-bidwi mal-art tiegħu. Jitkellem ukoll dwar il-persekuzzjonijiet li mhumiex bilfors bħalma xorta waħda qegħdin naraw anke fi żmienna: li jħanxrulek għonqok bħalma għamlu lil Fr Hamel fi Franza, imma li inti tħossok emarġinat, eskluż u żvantaġġjat minħabba l-fidi u l-prinċipji tiegħek.

    Ġesù qed jikkonferma li l-Kelma tal-profezija fuqu, minn Xmun, “dan ikun sinjal li jmeruh” hija profezija fuq kull Nisrtani. Kull Nisrani ma jistax jaħrab mill-fatt li f’ċerti ċirkustanzi se jkun sinjal li jmeruh, li jkasbruh, li jirredikolawh, li l-Mulej jibqa’ jagħtina wkoll destin li ħadd ieħor ma jista’ joffri. Permezz tal-komunità mifuħa tal-Knisja jista’ joffrilna f’din id-dinja aħwa u ommijiet u ulied u għelieqi imma hu biss, bħalma għamel mal-ħalliel it-tajjeb jista’ joffrilna l-ħajja ta’ dejjem fiż-żmien li ġej.

    Il-ħalliel it-tajjeb li qallu, “aħseb fija meta tkun fis-Saltna tiegħek”, Ġesù qallu “illum tassew ngħidlek li tkun miegħi il-ġenna”. Din il-perspettiva wiesgħa jagħtihielna Ġesù. Mhux qed jaħbilna l-liġi tal-kontradizzjoni, tal-esiġenza li mmorru kontra l-kurrent, u tat-tensjoni l-kunflitti li jġib miegħu, imma qed jiftħilna l-perspettiva wkoll għal aħwa u ommijiet u ulied u għelieqi fil-ħajja ta’ dejjem.

    Din hija t-tama Nisranija. Jekk għandna bżonn il-fidi, biex inkunu xhiedha għandna bżonn it-tama biex ma naqtgħux qalbna, imma fuq kollox il-Mulej jgħallimna l-ikbar imħabba, li tagħti ħajtek.

     Charles J. Scicluna     
         
    Arċisqof ta’ Malta

  • Photos: Curia Communications Office